Jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx xi reġistru tal-pjanti, xtieli u siġar endemiċi Maltin? Fejn jista' l-pubbliku jkollu aċċess, jekk jista' jkollu aċċess, għal dan ir-reġistru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din hi materja tal-MEPA u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor.Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jippubblika il-public perception studies kollha li saru f'Malta dwar wind farms f'dawn l-aħħar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bħal kull proġett ieħor, parti integrali mill-proċess li jwassal għat-twettieq jew le ta' dan il-proġett, tinkludi sottomissjoni ta' 'outline application' lill-MEPA. L-istess għal dan il-proġett propost, huma meħtiega pjanijiet dettaljati u jekk il-proġett propost jkun jista’ jkollu mpatt amjentali, l-istess proċess jesiġi li jsir Environmental Impact Assessment (EIA) li għalih jitfassal Terms of Reference (TOR) mill-MEPA li jiddefinixxi il-kontenut tal-EIA. Dan il-EIA qed ikun ikkompilat skont dawn it-Terms of Reference mogħtija mill-MEPA li jesiġi (kif fil-fatt sar) proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Din il-konsultazzjoni pubblika tmur ferm oltre minn
perception study
għax kull min hu interessat mhux biss jesprimi l-perċezzjoni tiegħu imma jingħata opportunità jirreġistra l-kummenti u oġġezzjonijiet. Nemmen li l-process ta' konsultazzjoni huwa mod aktar oġġettiv u ekwu għal kif isiru l-affarijiet bis-serjeta.
Billi numru ta' bankini fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra għandhom bżonn ta' tiswija wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xi tiswijiet fis-sistema tal-ilma, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ħaddiema tal-Ministeru jagħmlu t-tiswjiet neċessarji a spejjeż tal-istess Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm siġar tal-palm li ġew affetwati mill-mard li kien ħakem lil din it-tip ta' siġra matul is-snin 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm minn dawn is-siġar kellhom jingħataw kura u kemm minnhom kellhom attwalment jinqerdu permezz ta' ħruq jew b'xi mod ieħor minħabba dan il-mard li affettwahom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li d-Direttorat ma jżommx statistika ta’ kemm ġew ikkurati siġar iżda ta’ kemm ġew maqlugħa siġar. Nirreferi wkoll l-Onor Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 20757.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ta' liema ditta huma? Jista' jgħid ukoll liema huma dawk il-karozzi li jintużaw fil-weekends u fil-festi? Min jagħmel użu minnhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-paviment li kien hemm madwar il-Knisja ta' Marsaxlokk u li sar ftit tas-snin ilu, huwiex se jinqala'? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għala se jsir hekk? Kemm kien ġie jqum il-paviment li kien sar u kemm hu stmat li se jiġi jiswa x-xogħol sabiex jinbidel?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li dan il-pavimentar qed jinqala’ biex isir mill-ġdid għax dak li kien hemm kienet saritlu ħafna ħsara billi ma kienx hemm kontroll fuq l-aċċess ta’ vetturi għal din il-pjazza. Fil-proġett li qed isir se jiġu stallati bollards biex l-aċċess ghall-pjazza jiġi ristrett u ma tergax issir ħsara.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istat strutturali tal-pilastri fil-kantina tal-Palazz tal-President fil-Belt, liema pilastri qegħdin jerfgħu l-bini kollu huwiex fi stat perikoluż? Qatt sar xi rapport dwar l-istat strutturali ta' dawn il-pilastri u jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jressaq din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Uffiċju għar-Riġenerazzjoni tal-Palazz.
manutenzjoni fuq ċint ħdejn il-Knisja tal-Isperanza
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23628, jista' l-Ministru jidħol responsabbli li sakemm isir ix-xogħol ta' restawr kif mitlub lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, il-Ministeru fl-inqas żmien possibbli jara li jirranġa l-ħsara li hemm fejn f'naħa waħda taċ-ċint qed titwaqqa' filata u llum hemm periklu għaliex iċ-ċint huwa għoli biss żewġ filati u dan jista' jiġi evitat bi ftit xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sejrin jittieħdu passi biex dan il-ħajt jkun irrangat u jiżdidulu tliet filata oħra għal ħames filati.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23015, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx sottomessi applikazzjonijiet speċifiċi għal xi żvilupp partikolari, inkluż change of use, quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, liema applikazzjonijiet għadhom qed jiġu evalwati? F'dan l-istess post kien hemm xi applikazzjonijiet oħra lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġew approvati jew rifjutati? Jekk iva, liema kienu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm żewġ applikazzjonijiet li ġew sottomessi mill-management tal-Park. Dawn huma:
PA/07013/07- Restawr tan-Naħħalija Farmhouse. Din l-applikazzjoni ġiet irtirata minħabba kumplikazzjonijiet dwar
ownership
PA/07014/07- Restawr ta’ Torri ta’ Għajn Żnuber. Din l-applikkazzjoni ġiet approvata u r-restawr tat-torri hu inkluż fil-programm ta’ restawr għas-sentejn li ġejjin.
Il-Management tal-Park talab ukoll lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tiċċara x’permessi hemm bżonn li jiġu sottomessi biex jiġu nstallati barriers fil-Park tal-Majjistral għall-kontrol ta’ aċċess fis-sit minħabba ħsarat ambjentali li qed isiru.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x'kariga għandha l-persuna li f'idejha effettivament taqa' l-Amministrazzjoni tal-Pitkalija? Kemm ilha ingaġġata mal-Gvern din il-persuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfroma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pitkalija hija mmexxija mid-Direttur tas-Swieq bl-Ingrossa u Faċilitajiet tal-Flotta tas-Sajd. Dan id-direttur huwa responsabbli tal-operat tal-Pitkalija, Biċċerija u l-Pixkerija.
Id-Direttur ilu ngaġġat mal-gvern minn Settembru tal-1983.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders matul is-sena 2010 mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra fid-dikasteru tiegħu, xahar b'xahar? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu u f'kemm kienu jammontaw? Jista' jgħid ukoll għal kull każ lil min ingħataw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Minħabba li l-Gvern jipprojbixxi s-sajd permezz tal-harpoon u l-aqualungs u qal li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li r-regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu dan it-tip ta' sajd, jista' l-Ministru jgħid kif dan is-sajd għadu jiġi pprattikat f'Ċipru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja (EC) No 1967/2006 tal-21ta' Dicembru 2006 Artiklu 8 paragrafu 4 jghid li ''spearguns'' huma projbiti jekk uzati flimkien ma’ aqualungs jew bil-lejl min inżul ix-xemx sa tlugh ix-xemx.
L-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni f' iStati Membri oħra huwa kompetenza tal-Unjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern qattx ikkunsidra li jkun hemm mekkaniżmu ta' sistema ta' trusts, kif għandhom pajjiżi oħrajn, fit-tħaddim ta' parks naturali ħalli jiġi żgurat li dawn jitmexxew b’mod indipendenti mingħajr indħil mill-gvern tal-ġurnata – ikun min ikun fil-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern sa llum għażel li jidħol f’partnership ma' NGOs, anke għax l-art hija pubblika u għax ma jemminx li għandu jirrinunzja għat-tmexxija ta’ art pubblika li l-għan tagħha hu għall-użu pubbliku.
Park Majjistral — laqgħat bejn is-supervisory u l-management board
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħu s-supervisory u l-management boards tal-Park tal-Majjistral? X’deċiżjonijiet strateġiċi u ta’ ċerta importanza ttieħdu f’dawn l-aħħar xhur? Kemm minnhom jinsabu fl-istadju tal-implimentazzjoni u fiex waslu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab informat li s-Supervisory and Management Board tal-Park tal-Majjistral s’issa ltaqa 14-il darba:
2009 6 darbiet
2010 8 darbiet
F’ dawn l- aħħar xhur il-Board ta’ l-immaniggjar tal-Park iddiskuta u ħa numru ta’ deċizjonijiet li taw bidu għal numru ta’ żviluppi kif muri hawn taħt:
Aċċess għall-Park
Il-Management board qabel fuq il-kriterji dwar għeluq ta' aċċess fil-Park u tfassil ta’ outline document li kien sottomess lill-MEPA li għadu għall-konsiderazzjoni tal-MEPA għad-deċiżzjoni. Kif tinħareġ risposta definittiva mill-MEPA, il-Management Board jkun jista’jissottometti l-applikazzjoni għall-permessi meħtiega.
Kaċċa u Nsib
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 23008.
Ħrug ta’ Bye Law mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li tkopri ċerti aspetti tal-immaniġġjar tal-Park
Stadju preliminari
Site Regulations.
Wara l-istudju meħtieġ, tfasslu u qegħdin jigu implimentati. Huwa kkontemplat li jinħareġ Avviz Legali f’dan ir-rigward biex tissaħħaħ l-implementazzjoni tagħhom.
Kitba u Emendi tal-Management Plan għall-Park u konsultazzjoni pubblika
Kien imfassal il-Management Plan u li l-Management Board fetaħ għal konsultazzjoni pubblika. Bħalissa il-Management Plan qiegħed ikun studjat mill-Board tal-MEPA
Użu ta’ strutturi fiz-zona tal-Barracks ta’ Għajn Tuffieħa
Il-Board tal-Management identifika l-istrutturi li ħa jintużaw bħala “visitors centre” u l-
amministrazzjoni tal-Park.
Impjieg ta’ Park Rangers
Il-Board ta’ l-immaniggjar iddeċieda li jkunu mpjegati rangers fuq bażi part-time għall-Park.
San Pawl il-Baħar — tkomplija ta' proġett ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23330 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Finanzi, Ekonomija u l-Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu l-passi neċessarji biex il-parti tal-proġett li sar bejn iż-żewġ toroq ta' ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu, San Pawl il-Baħar, jitkompla billi dik il-parti tal-proġett li taqbad minn ħdejn il-breakwater ta' Bugibba, in-naħa ta' fuq tat-triq, tiġi provduta bid-dwal li kienu maħsuba li jitwaħħlu, iżda għadhom ma ġewx stallati? Billi din il-parti ta' San Pawl il-Baħar fadlilha x-xogħol relattivament żgħir biex tkun kompluta jista' jieħu l-passi neċessarji biex dan ix-xogħol jitkompla?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħa ninvestiga dan jistax jiġi inkluż fil-programm ta’ xogħolijiet
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir inkjesta interna wara li nqata' cable ta' lift fil-Pixkerija u persuna korriet gravi? Jista' jgħid jekk fil-Pixkerija hemmx uffiċjal inkarigat mis-saħħa u s-sigurtà?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ufficjali responsabbli għas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ta' dan il-Ministeru żaru l-faċilita' sabiex jaraw x'wassal għall-inċident. Tajjeb li infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-post minn fejn topera l-Pixkerija huwa suġġett ta' ftehim mal-Koperattiva tas-Sajd li għandha r-responsabbilita' li tieħu ħsieb il-post.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma r-regolamenti li jkopru l-Park Tal-Majjistral bħalissa kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma' aċċess ta’ karrozzi kif ukoll kaċċa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Board tal-immaniggjar tal-Park tal-Majjistral ddiskuta u qabel fuq proposti fuq kaċċa u nsib kif ukoll l-aċċess għal karozzi għall-Park. Dawn ir-regolamenti se jkunu fformulati f’avviż legali.
MEPA — mega projects konformi mal-Building Energy Performance Regulations
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-gvern biex il-mega projects li jinsabu approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jew li jinsabu taħt kostruzzjoni, ikunu kollha sa mill-bidu nett konformi mal-Building Energy Performance Regulations?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li qabel toħroġ il-permess ta’ proġett kbir, il-MEPA titlob lil MRA sabiex tagħti l-kummenti tagħha fir-rigward ta’ compliance f’dak li għandu x’jaqsam ma’ energy efficiency. Il-MRA minn naħa tagħha tikkonsulta mal- Building Regulations Office li jiċċekja l-ispecifications u l-pjanti biex ikun żgurat li dawn huma konformi mar-regoli stabbiliti. Il-kummenti tal- Building Regulations Office jkunu inkorporati mar-risposta li tingħata mill- MRA lill-MEPA.
Jista' l-Minsitru jgħid jekk hemmx xi Avviżi Legali li bħalissa jkopru l-Park tal-Majjistral? Min-naħa l-oħra, hemm xi oħrajn li mistennija jinħarġu fil-ġejjieni qarib u jekk iva, xi jkopru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Park tal-Majjistral ġie stabbilit bil-pubblikazzjoni ta’ Avviż Legali Nru 251 ta’ 2007 u emendata b’ Avviż Legali Nru 224 ta’ 2009.
Ninsab infurmat li l-ligijiet oħra li jkopru siti ta’ importanza naturali jew kulturali huma:
· Development Planning Act, 1992 (DPA)
· Environment Protection Act, 2001 (EPA)
· Malta Resources Authority Act, 2001 (MRAA)
· Cultural Heritage Act, 2002 (CHA).
Barraminhekk, liġijet oħra li jkopru r-rizorsi misjuba fis-sit huma:
· Fertile Soil (Preservation) Act, 1973, and
· Fisheries Conservation and Management Act, 2001.
· Rubble Walls and Rural Structure Conservation and Maintenance (Amendment) Regulations, 2004
Nirreferi wkoll lill-Onorevolio Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23008.