Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Xogħlijiet b'risq persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma u xogħlijiet saru b'riżq persuni b'diżabilità mill-Ministeru tiegħu f'kull uffiċċju u dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'din l-aħħar sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Trasport Malta — xogħol ta’ diving minħabba ċimi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ġie nkarigat minn Trasport Malta sabiex jesegwixxi xogħol ta’ diving fix-xahar ta’ Diċembru 2010 biex setgħu jsiru d-disa' ċimi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta inkarigat żewg divers, li huma Kevin Gauci Maistre u Alfred Pirotta, sabiex jesegwixxi xogħol ta’ diving fix-xahar ta’ Diċembru 2010.

Transprt Malta — stallazzjoni ta' swimmer zones

Question

Fir-rigward ta' Trasport Malta, jista' l-Ministru jgħid u jagħti tagħrif dwar min kien inkarigat jistalla s-swimmer zones u kemm kien il-valur għal dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet għall-installazzjoni tas-swimmers’ zones kienu ingħataw lil żewġ kuntratturi wara proċess ta' tenders. Wieħed mill-kuntratturi kien 'L&A Camilleri' u l-valur tax-xogħol tiegħu kien ta’ €44,405.53 Vat eskluża. Il-kuntrattur l-ieħor kien 'A&B Marine' u x-xogħol provdut kien ta' €59,187.10 Vat eskluża.

Imsida — Lane biex tmur lejn il-Belt

Question

B'referenza għal-lane lejn il-Belt Valletta li hemm fir-roundabout tal-Imsida biswit il-Monument tal-General Workers Union, liema lane mhix qed tilħaq l-iskop tagħha għax f'din il-lane bilkemm ikun hemm vetturi biex imorru lejn il-Belt anzi qed ikun hemm serbut vetturi fil-lane l-oħra li qed jimblokka t-traffic flow tal-lanes l-oħra, jista' l-Ministru jikkonsidra li jerġa' jinqaleb dan il-lane għall-użu normali, waqt li jżomm it-traffic lighs ma jaħdmux f'Rue Dargens, biex it-traffiku jerġa' jiġi flowing?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta hi tal-fehma li din ir-restrizzjoni tnaqqas ir-riskju t'inċidenti tat-traffiku.

bridge tal-breakwater — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jigi jiswa b'kollox il-bridge tal-breakwater u jindika l-ammonti tal-bini tal-pont inkluż, operazzjoni ta' trasport, operazzjoni ta' tqegħid (inkluż id-drabi li ġiet imwaqqfa), il-kummissjonament, xogħlijiet oħra, sigurtà u spejjeż oħra relatati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża għall-pont tal-breakwater ta’ Sant’Iermu hi stmata li se tkun ta' madwar €2,700,000. Dawn l-ispejjeż jinkludu ix-xogħlijiet kollha msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

San Pawl il-Baħar — kostruzzjoni ta' toroq

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28893, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Triq Konventwali u Triq Ġdida fi Triq Konventwali f'San Pawl il-Baħar hux se jingħataw wiċċ ta' tarmak (jiġu mibnija sew) biex ir-residenti jkunu jistgħu jidħlu fi djarhom u jkollhom aċċess għall-garaxx sew?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi ż-żewġ toroq huma responsabilta ta' Transport Malta. Triq il-Konverżjoni ġiet senjalata bħala li qabżet is-70% tal-bini din is-sena u fil-fatt ma hix fil-lista ta' toroq li kellhom isiru u li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra fl-2006. Hi l-intenzjoni ta' Transport Malta li din it-triq tidħol fil-programm ta' xogħol għas-sena d-dieħla sakemm ikun hemm fondi biżżejjed vvutati. Triq Ġdida fi Triq il-Konverzjoni għada ma qabżitx is-70% bini u allura t-triq għada ma tistax issir. *Ara P.L 9482 li tpoġġiet fis-Seduta 461 datata 27 ta’ Marzu 2012

Sistema tat-Trasport Pubbliku — spiża stmata għat-tibdiliet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, issa li ġie mħabbar li s-sistema ta' trasport pubbliku se terġa' lura għal li kienet, kemm hija stmata l-ispiża sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa fid-diversi bus termini?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa fid-diversi bus termini hija kif ġej: - Valletta Terminus: Euro 50,000 (kont proviżorju) - Buġibba Terminus: ma kienx hemm tibdil - Victoria Terminus: ma kienx hemm tibdil

Deep Water Quay — ħidma fuq proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet saru fuq id-Deep Water Quay matul din is-sena u x'kienet l-ispiża? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul din is-sena Transport Malta m’għamlet l-ebda xogħlijiet fuq Deep Water Quay.

Triq minn ħdejn il-Kappuċini tal-Kalkara sa Bieb is-Sultan

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar informazzjoni aġġornata dwar it-triq ippjanata minn ħdejn il-Kappuċċini tal-Kalkara sa ħdejn Bieb is-Sultan, liema triq se tgħaddi minn art agrikola magħrufa bħala Tal-Fatar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta għadha qed tistenna direzzjoni mill-MEPA dwar l-imsemmija applikazzjoni.

San Pawl il-Baħar — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa f'din il-leġislatura fuq proġetti li saru fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru rispettiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa f'din il-leġislatura fuq proġetti li saru fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar tammonta għal € 512,354 f' toroq u € 5,000 oħra fuq il-moll ta’ Buġibba.

San Ġiljan — Triq Mikiel Anton Vassalli - stage

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex tneħħa l-istage tat-trasport pubbliku minn Triq Mikiel Anton Vassalli f'San Ġiljan? Ladarba issa suppost li se jmur lura għal kif kien oriġinarjament, jista' jagħti assigurazzjoni li dan l-istage se jerġa' jitpoġġa fejn kien?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-istage msemmi mill-Onor Interpellant ġie mneħħi minħabba raġunijiet ta' sigurta.

Transport Malta — areas għal yacht marinas

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hiex qed tikkunsidra li jiġu żviluppati areas ġodda għal yacht marinas? Billi l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-1993/1994 kienet identifika numru ta' siti li possibilment setgħu jiġu żviluppati f'yacht marinas, jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn is-siti ġew fil-fatt żviluppati matul dawn is-snin? Kemm minn dawn ġew żviluppati mill-gvern, u kemm mill-privat? Liema minn dawn is-siti għadhom qed jiġu kkunsidrati għal tali żvilupp?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li r-rapport li qed isir referenza għalih iġib it-titlu “Yachting Development in Malta” u ġie finalizzat f’Lulju tal-1996. Ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan ir-rapport ġew ikkunsidrati fir-rapport tal-2009 “Development of Yachting Facilities in Malta” li kien tnieda biex jaġġorna ir-rapport preċedenti. B’referenza għas-siti primarji identifikati għall-iżvilupp tal- yacht marinas imsemmija fir-rapport tal-1996, Transport Malta ħadet dawn l-inizzjattivi: Kalkara Creek: Ingħatat konċessjoni għal marina. Il-bord tal-MEPA approva l-iżvilupp fis-17 ta’ Novembru 2011. Dock Yard Creek: Sar żvilupp minn Grand Harbour Marina ta’ 250 irmiġġ, 33 minnhomm għas-s uperyachts . Transport Malta kienet qed tagħmel użu mill-parti ta’ ġewwa tad-daħla tal-Birgu fejn setgħu jorbtu 55 yacht . Bħalissa qed isir xoghol marbut mal-proġett ta’ Baċir Nru 1 u meta dan jitlesta se toħroġ sejħa għall-offerti biex din iż-żona titmexxa mis-settur privat bħala marina. Fid-daħla ta’ Lazzaretto, f’Manoel Island saret espansjoni ta’ marina li qabel kienet tmexxi l-Awtorita’ biex issa din il-marina privata tista’ tilqa’ 230 yacht , b’30 irmiġġ għas- superyachts . Ġie wkoll iffirmat kuntratt ma’ Sandy Yacht Marina Ltd għat-tmexxija ta’ żona b’irmiġġi organizzati. Barra minn dawn, fil-port ta’ Marsamxett, marina staġjonali li qabel kienet titmexxa mill-Awtorita’ għaddiet ghand il-kumpanija Fort Marina, kif ukoll il-marinas tal-Imsida u ta’ Ta’ Xbiex għaddew għand Creek Developments. Sar ukoll żvilupp mir-Royal Malta Yacht Club għal marina staġjonali li tista’ tilqa’ 66 yacht , kif ukoll qed isir studju għall-iżvilupp ta’ marina f’ Sa Maison. Saret ukoll applikazzjoni għall-espansjoni tal-marina magħrufa bħala Gżira Gardens li se tiġi privatizzata fix-xhur li ġejjin. Fil-port ta' l-Imġarr Għawdex, it-tmexxija tal-marina għaddiet għand Harbour Management Ltd. li diġa' għamlu investiment sostanzjali biex itejbu l-faċilitajiet u jżidu l-postijiet għal aktar yachts . L-operatur diġa' ssottometta applikazzjoni lill-MEPA biex jiżdiedu n-numru ta' pontoons kif ukoll isiru rmiġġi staġjonali barra il- breakwater .

Reserved Parking — awditjar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25657 u 26562, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-reviżjoni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26562 saritx? Jekk fl-affermattiv, jista' jirrapporta lill-Kamra r-riżultat ta' dan l-eżerċizzju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tikkonsulta mall-kunsilli lokali rispettivi sabiex tkun f’pożizzjoni li tirrevedi l-każijiet hekk kif ikunu identifikati mill-istess kunsilli lokali.

MITA — breakdown tas-somma relatata mat-trasferiment

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 27833, jista' l-Ministru jipprovdi statistika dettaljata ta’ x’intnefaq, min issuplixxa u kemm sewa kull item li kellu x’jaqsam ma' xogħol u apparat elettriku, mekkaniku u finishing works fil-binja l-ġdida tal-MITA, li ammontaw hekk kif dikjarat li ammontaw għal € 3,179,837?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Trasport Pubbliku — karozza tal-Arriva għaċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mill-Isptar Mater Dei m'għadux ikun hemm servizz ta' trasport pubbliku għaċ-Ċirkewwa kif kien hemm qabel kull siegħa? Jaf li biex l-Għawdxin li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u li jridu jaqbdu bus għaċ-Ċirkewwa iridu joqogħdu jistennew karozza tal-Arriva ġejja mill-Airport? Ma jarax li l-fatt li l-vjaġġ idum tliet sigħat biex jasal mill-Isptar Mater Dei għaċ-Ċirkewwa hija traġedja għal dawk li jużaw is-servizz tal-Arriva?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rotta X1 topera kull siegħa minn Mater Dei lejn iċ-Ċirkewwa b’xi servizzi żejda matul il-ġurnata u jonqsu ftit wara it-tmienja ta’ filgħaxija. Kull traġitt għandu jieħu madwar 50 minuta. Ir-rotta hi skedata biex tasal iċ-Ċirkewwa ftit qabel it-tluq tal-vapur t’Għawdex. Transport Malta għandha rapporti ta’ dewmien ta’ stennija f’Mater Dei / Universita’ u tinsab f’diskussjonijiet ma’ l-operatur sabiex dan is-servizz jingħata mingħajr dewmien għall-passiġġieri u li l’imsemmija rotta tkun qed taħdem skont l-iskeda.

nefqa fuq dipartimenti u awtoritajiet differenti

Question

Jista' l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li l-ex Malta Maritime Authority mis-sena 2004 sa sena 2009, intnefaq f’manutenzjoni € 3,670,751 filwaqt li f’dipartimenti/awtoritajiet bħall-ex Awtorità dwar it-Trasport fl-istess perjodu ntnefqu € 22,728 u fl-ex Department of Civil Aviation intnefqu € 61,566? Jista' jgħid fiex u fejn intnefqu €1,294,588 fit-Transport Malta bejn is-snin 2010 u 2011 sa Awwissu, jiġifieri fil-propretajiet tal-ex Awtorità dwar it-Trasport, l-ex Malta Maritime Authority u l-ex Department of Civil Aviation separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar l-ammont li ntnefaq minn Transport Malta f’manutenzjoni matul is-snin 2010 u 2011

San Ġwann — Triq R.Caruana Dingli - tlestija tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta tista' ssir bankina ġdida u l-kumplament tat-Triq R.Caruana Dingli, San Ġwann, issa li tlesta l-bini l-ġdid fit-tarf tal-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta għamlet l-ispezzjonijiet meħtieġa u qed tipprepara stima għax-xogħol tal-bankina. Filwaqt li nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru 24717, infurmat ukoll li din it-triq tiġi kkunsidrata biex issir mal-programm ta' toroq li jmiss li jsiru, jekk ikunu tlestew 70% tad-djar.

Tarxien — Triq il-Kurunell Mas - traffiku

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ dwar traffiku fi Triq il-Kurunell Mas, f'Ħal Tarxien li qiegħed jitqajjem mill-persuna indikata separatament? Jista jara li dan is-sinjur jiġi kkuntattjat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li triq il-Kurunell Mas f’Ħal Tarxien mhix triq distributorja jew arterjali u għaldaqstant kull tibdil fis-sistema ta’ mmaniġġjar tat-traffiku trid tiġi sottomessa mill-kunsill lokali konċernat lil Transport Malta. F’dan il-każ partikulari, skont ir-rekords ta’ Transport Malta, il-kunsill lokali konċernat għadu ma ssottometta l-ebda applikazzjoni għall-miżuri proposti.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — kiri ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vetturi mill-bidu tas-sena 2008 sa Novembru tas-sena 2011 għall-użu tal-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

lights fil-bypass ta' bejn Mosta u Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex jsiru lights fil-by pass ta' bejn il-Mosta u l-Imġarr fil-parti fejn tidħol għad-Dwejra u fejn hemm it-tabella li tindika li dieħel l-Imġarr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-Transport Malta.