Individual Investor Programme– applikant li jagħti donazzjoni lil xi għaqda filantropika
Question
Peress li l-għotja li jagħti applikant tal-Individual Investor Programme lil xi għaqda filantropika/NGO titqies bħala parti mill-evalwazzjoni tal-istess applikant, jista’ l-Ministru jgħid kif Identity Malta tista’ tagħmel tali evalwazzjoni meta ma jkollhiex rekord ta’ kemm kull applikant ikkontribwixxa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindika jekk ġiex iffaċċjat b’xi regolamenti tal-kunsilli li jeħtieġu aġġornamenti? Jekk fl-affermattiv liema huma b’mod speċifiku u x’għamel s’issa biex jindirizzahom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent u fil-qafas tar-riforma tal-Gvern Lokali qed isiru u se jsiru diversi rakkomandazzjonijiet għal tibdil jew emendi f’xi regolamenti tal-Kunsilli Lokali. Wara li sar eżerċizzju fejn ġew konsultati l-entitajiet konċernati, fosthom l-uffiċju tal-Awditur Ġenerali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali (Monitoraġġ u Sapport), nikkonferma li se jigu aġġornati diversi disposizzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-miri tiegħu, li tressqu għall-Baġit li jmiss, b’konnessjoni diretta mal-kunsilli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għall-Baġit li jmiss jirreferu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar ir-Riforma tal-Gvern Lokali. B’mod partikolari hu mmirat li s-sena d-dieħla jibdew jiġu implimentati diveri miżuri għal titjib fl-operat tal-Gvern Lokali, fosthom:
sabiex il-funzjoni tal-indafa pubblika u l-operat tal-iskart riċiklat mil-lokalitajiet ikunu aktar effiċjenti
sabiex isiru l-manutenzjoni tat-toroq u l-marki u s-sinjali tat-toroq fil-lokalitjiet b’mod aktar effiċjenti u effettiv;
· sabiex ikun hemm użu aħjar tal-ħaddiema assenjati mal-kunsilli lokali;
· sabiex il-gwardjani lokali jiġu impjegati direttament mal-aġenzija LESA u jkun hemm maniġġjar tas-sistema tal-infurzar lokali aħjar;
· titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-Segretarji Eżekuttivi u l-impjegati tal-kunsill;
· miżuri li jkabbru l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini lokali fid-demokrazija lokali inkluż fit-tfassil tal-Pjan ta’ Ħidma tal-kunsilli lokali;
· aktar fondi għal inizzjattivi edukattivi u kulturali; responsabbiltajiet speċifiċi lir-Reġjuni sabiex dawn ikunu qed joperaw tassew bħala Kumtati Reġjonali.
Dan minbarra diversi miżuri oħra, bħal:
· possibiltà li persuni li jgħalqu s-sittax -il sena jkunu jistgħu jikkontestaw l-Elezzjonijiet Ġenerali;
· sabiex tiġi nkorraġġita l-attivita’ fiżika fost it-tfal u l-adulti fil-lokalitajiet, inkluż tagħrif dwar mod san tal-għajxien.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet għal żoni ta' parkeġġi ġodda fil-Mellieħa li kienu ġew indikati u studjati bejn l-2010 u l-2013 għadhomx fil-pjanijiet tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qatt ma ħejja xi pjan dwar il-parkeġġ. Madankollu kien ħejja pjan għall-i¿vilupp sostenibbli, li kien iffinanzjat minn skema apposta tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, li fiha saret refernza ħafifa għall-parkeġġ. Għalhekk ikun aħjar li l-Onor. Interpellant jispeċifika aktar il-mistoqsija tiegħu.
Lokalitajiet – skemi tal-Urban Improvement Fund u Commuted Parking Payment Schemes
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-lokalitajiet (Kunsilli Lokali) u kemm kienu l-ammonti li gawdew minnhom l-istess lokalitajiet b'mod separat mill-iskemi tal-Urban Improvement Fund (UIF) u l-Commuted Parking Payment Scheme?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali. Bosta Kunsilli ggwadanjaw mill-Urban Improvemnet Fund (UIF), filwaqt li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun biss irċieva flus mill-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS).
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il seduta ta' kawżi pendenti ġew differiti mill-1 ta' Jannar 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minħabba li ma kienx hemm awla fejn issir is-seduta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninstab infurmat li għalkemm ma tin¿ammx statistika li turi r-raġuni għaliex seduta tkun ġiet diferita, ma jidhirx li matul din is-sena kien hemm seduti li ġew differiti minħabba li ma kienx hemm Awla disponibbli. Meta jkun hemm diffikulta minħabba li jkun hemm aktar seduti appuntati milli jkun hemm Awli disponibbli, isir eżercizzju biex jiġu ddentifikati seduti li ma jkunux fit-tul u s-seduta tiġi posposta u tibda wara li tispiċċa seduta oħra, b’hekk ma jkunx hemm differimenti.
Ħal Saflieni – Ipoġew – qtugħ fil-provvista tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-14 ta' Lulju 2017, kien hemm qtugħ fil provvista tad-dawl ġewwa l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni? Jista' jikkonferma li dan il-qtugħ ġara waqt li kien għaddej tour, u li l-istaff ta' Heritage Malta ma kenux jafu kif jerġgħu jixegħlu d-dawl peress li hu pprogrammat? Jista' jikkonferma li l-persuna inkarigata minn dan is-sit ma kenitx disponibbli biex tagħti l-għajnuna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jikkonferma li lejn l-aħħar ta' Ġunju 2017, intużat xi kimika ġewwa l-Katakombi ta' San Pawl li kienet ta' ħsara għas-saħħa kemm tal-viżitaturi kif ukoll għal ħaddiema ta' Heritage Malta? Jista' jgħid jekk Heritage Malta nnotifikatx lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) b'dan l-inċident?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’Ġunju 2017 ingħata trattament ġdid lill-art tal-injam taċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Katakombi ta’ San Pawl peress li din, bħal kull art tal-injam oħra, għandha bżonn ta’ manutenzjoni. Dan ix-xogħol sar mill-kunrattur sabiex jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu. Il-materjal li ntuża ma kien jeħtieg l-ebda tip ta’ prekawzjoni la għal min japplikaħ u l-anqas għal nies oħra. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b’xi każ nitolbu ikellimni.
Fondazzjoni Valletta 2018 – proġett ta’ Heritage Malta — MUŻA
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Fondazzjoni Valletta 2018, mhux qed tagħti l-prominenza mistħoqqha għall-proġett ta' Heritage Malta - MUŻA? Jista' jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat, l-uniku prominenza li ngħatat lil dan il-proġett kienu ta’ ftit ritratti ta’ ġebel u saqaf? Ma jaħsibx il-Ministru li dan il-proġett għadu jingħata iktar prominenza?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tikontribwixxi direttament u b’mod attiv ħafna fit-tqassim ta’ tagħrif dwar il-MUZA u fil-promozzjoni ta’ dan il-proġett interessanti permezz ta’ inizjattiva msejħa ‘Naqsam il-MUŻA’ mtella’ fi sħab ma' Heritage Malta, li hija l-entità Governattiva responsabbli mill-MUZA. Permezz ta' interventi f'numru ta' lokalitajiet Maltin u Għawdxin, il-pubbliku qed isir jaf aktar x’inhu dan il-proġett u l-kunċett li fuqu huwa mibni, iġifieri dak ta’ mużew maħsub u ikkurat mal-komunità. ‘Naqsam il-MUZA’ beda fl-2016 u diġa saru interventi fil-Belt Valletta, Marsa, Kalkara, Gżira u Siġġiewi. Dawn il-laqgħat ta’ tagħrif u diskussjoni ser jiġu wkoll estiżi għall-Università ta’ Malta u għall-Freeport. F’dawn l-interventi, l-komunitajiet diversi jsiru jafu wkoll dwar il-kollezzjoni nazzjonali tal-arti u jitqassmilhom materjal komunikattiv varjat. Il-budget totali allokat għal dan l-eżerċizzju ta' match funding kien ta' €10,000 (2016), €10,000 (2017) u €15,000 (2018).
Pittura ta’ Preti – esebizzjoni permanenti fil-MUŻA
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li l-pittura ta' Preti li nxtrat mill-Ministeru għal Għawdex se tkun esebita b'mod permanenti fil-Mużew il-ġdid ta' Heritage Malta - il-MUŻA?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar ħafna drabi fil-mezzi tax-xandir, il-pittura ta’ Mattia Preti se tiġi eżebita fil-Mużew ta’ Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ticket tal-Ipoġew ħarġet Heritage Malta b'xejn fix-xahar ta' Ġunju u Lulju? Jista' jgħid min ibbenefika minn dawn it-tickets?
Response (BONNICI, OWEN)
Matul Ġunju u Lulju inħargu sbatax-il biljett mingħajr ħlas għall-Ipoġew. Dawn inħargu għal mistiedna distinti ta’ Heritage Malta.
Liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi – pubblikazzjoni tar-regolamenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se jiġu ppubblikati regolamenti taħt il-Liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. li taħt l-Att dwar il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti Politiċi (Kap 544) diġà ħarġu r-Regolamenti li ġejjin:
L.S. 544.01 Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Partiti Politiċi – 27 ta’ Mejju 2016
L.S. 544.02 Regolamenti dwar il-Forma tal-Kontijiet Finanzjarji tal-Partiti Politiċi – 12 ta’ Awwissu 2016
L.S. 544.03 Regolamenti dwar il-Pubblikazzjoni ta’ Rapporti ta’ Donazzjoni – 21 ta’ Marzu 2017
L.S. 544.04 Regolamenti dwar il-Forma ta’ Rapporti ta’ Donazzjonijiet riċevuti minn Partiti Politiċi.” – 21 ta’ Marzu
Dawn ir-Regolamenti, ovvjament, tqieghdu kollha fuq il-Mejda tal-Kamra u ġew resi kollha pubblici.
Avukat Ġenerali – persuni li ġew dikjarati bħala whistleblower — immunità
Question
Jista’ l-Ministru jelenka jew jispeċifika l-każijiet li hemm imsemmija li fihom inħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni? X’inhu l-okkju ta’ kull kawża u għaliex f’kull każ kien jeħtieġ tali pass mill-Avukat Ġenerali?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif japprezza l-Onor. Membru l-kawżi li fihom inħarrgu ċertifikati kondizzjonati ta’ immunita minn prosekuzzjoni taħt l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni huma kawżi kriminali u m’ huiwiex meqjus li huwa xieraq illi l-ismijiet tal-akkużati jiġu mxandra wieħed wieħed b’ mod li jibqgħu fl-atti tal-Kamra għal dejjem. Jista’ jingħad iżda illi l-kawżi kienu kollha dwar is-sejbien ta’ meters manomessi fejn tqis li huwa xieraq illi wieħed jikkonċentra fuq li jeqred il-‘brimba’ ta’ persuni li kienu jidhru li qegħdin ibagħbsu l-meters milli l-’għanqbuta’ ta’ konsumaturi li daħlu f’dawn it-tip ta’ arranġamenti illegali . F’ każ ieħor inħareġ ċertifikat taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur wara konsultazzjoni skont il-liġi . Dak il-każ huwa magħruf u ma jidhirlix li hemm għalfejn jerga’ jiġi speċifikat.
Kunsilli Lokali – xogħlijiet biex jiffaċilitàw l-operat tal-Gvern Ċentrali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex il-kunsilli jew gvernijiet lokali jaħdmu aħjar u b’hekk anke jiffaċilitaw l-operat tal-Gvern Ċentrali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ riforma li se jkun qed jagħti żvolta ġdida lill-operat tal-Kunsilli Lokali fir-rispett tal-awtonomija li jgawdu fit-twettiq tad-doveri tagħhom skont l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Fil-frattemp qed jittieħdu dawn il-miżuri ewlenin, fost oħrajn:
- Aġġornament tal-proċeduri dwar ix-xiri (procurement)billi jinħarġu regolamenti ġodda u linji gwida.
- Aġġornament tal-Istqarrijiet Finanzjarji tal-Kunsilli Lokali biex ikun hemm modernizzar tal-preżentazzjoni tad-dħul u l-infiq
- Direzzjoni lil Kunsilli Lokali li jinsabu b’defiċit u sabiex dawn jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom skont ir-Regolamenti Finanzjarji
- Ġbir ta’ statistika biex tiġi ppreparata strategija komuni biex il-Kunsilli Lokali jkollhom lokalitajiet iktar indaf
- Taħriġfrekwenti lis-Segretarji Eżekuttivi dwar il-funzjonijiet tagħhom bħala Kapijiet Finanzjarji, Amministrattivi u Eżekuttivi; u
- Assistenza mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali lill-Kunsilli Lokali f’kull qasam tal-operat tagħhom inkluż għajnuna fit-tħejjija tad-dokumenti tas-sejħiet tal-offerta.
Jista’ l-Ministru jinforma jekk inbediex il-proċess imħabbar ta’ riforma tal-Gvern Lokali u, jekk iva, fejn wasal? Dan mistenni jwassal għal emendi fil-Liġi li tirregola l-Kunsilli Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess dwar ir-riforma tal-Gvern Lokali nbeda u hemm Kumitat ta’ Tmexxija mmexxi mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet wara li jsriu l-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa. Ir-riforma tal-Gvern Lokali ser twassal ukoll għal diversi emendi tal-liġi tal-Kunsilli lokali u leġislazzjoni oħra sussidjarja.
Kunsilli f’żoni turistiċi – ilmenti dwar imwejjed u siġġijiet
Question
Peress li diversi kunsilli, partikolarment dawk f’żoni turistiċi, jilmentaw dwar il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet li jinħarġu minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb u f’dan ir-rigward tkellem ukoll dan l-aħħar il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex il-kwistjoni tkun indirizzata, anke, jekk hu l-każ, b’koordinament mal-Ministeru għat-Turiżmu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja qed tiġi indirizzata fir-Riforma tal-Gvern Lokali. Ta’ min isemmi li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ppreżentat rapport b’diversi proposti dwar materji li l-istess Assoċjazzjoni tqishom bħala prijoritajiet fir-Riforma tal-Gvern Lokali. Fost dawn il-proposti hemm dawk dwar it-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb. Diġà nbdew it-taħdtiet mal-awtoritajiet u l-entitajiet kollha konċernati u l-kunsilli lokali ser ikunu qed jagħtu s-sehem attiv tagħhom dwar policies dwar dan għar-rigward tal-lokalitajiet tagħhom.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa – pjanijiet għall-problema tal-konġestjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandhom il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar il-problema tal-konġestjoni kontinwa tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li qed jipproponi l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ one-way li talterna d-direzzjoni permezz ta’traffic lights, fil-parti bejn Triq il-Qalb Imqaddsa u Triq it-Tonn, waqt li Transport Malta qed tistenna l-eżitù ta’ simulazzjoni diġitali qabel tittieħed deċiżjoni finali min-naħa tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jinbidlu ż-żewġ lifts prinċipali tal-Qorti peress li dawn ikunu bil-ħsara ta' spiss b'detriment kbir għal kull min ikun fil-bini tal-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Wara li saru l-processi ta'
procurement
kollha skont il-liġi, ninforma l-Onor. Interpellant li l-pjan hu li ż-żewġ
lifts
principali tal-Qorti jkunu nbidlu sa qabel tmiem din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq żewġ awli ġodda flok is-Sala tat-Taħriġ u l-Librerija l-antika fil-bini tal-Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq iż-żewġ awli ġodda beda. Id-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja ħareġ l-Order to Start Works fl-24 ta’ Awwissu 2017 sabiex ix-xogħol jibda fi żmien ġimgħa. L-kuntrattur għandu sittax il-ġimgħa biex ilesti x-xogħol.