Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pjan ta' kura għas-Saħħa Mentali ta' pazjenta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk sarx pjan ta' kura kif titlob il-liġi tas-saħħa mentali dwar il-kura li kellha tieħu l-pazjenta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jgħid jekk dan il-pjan ġiex approvat mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali? Meta ġie sottomess dan il-pjan ta' kura u meta ġie approvat il-pjan mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 14850.

Kummissarju għas-Saħħa Mentali – għażla ta’ persuna ta’ fiduċja minn pazjenta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jinvestiga li l-pazjenta li isimha qed jintbagħat separatament, meta ġiet biex tagħżel il-persuna ta’ fiduċja tagħha, kif titlob il-liġi dwar is-saħħa mentali, ġietx influwenzata fl-għażla tagħha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allegazzjoni magħmula minnu għaddiet għand il-Kummisarju għas-Saħħa Mentali.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji - tmexxija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull entità jgħid minn min hi komposta t-tmexxija tagħha (chairperson, diretturi, senior management) u x’inhuma l-karigi rispettivi tal-persuni fit-tmexxija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Pre fabricated Hospital

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, issa li għaddew ħafna ġimgħat minn meta ħarġet f’Marzu 2020 s-sejħa għal pre fabricated hospital li l-Gvern tant qal li kien urġenti u essenzjali, ġentilment iwieġeb l-mistoqsijiet parlamentari 13597, 13598, 13766 u 13871? Jista’ jgħid min rebaħ dan it-tender (RfP) u l-prezz stante li fis-sejħa pubblika ta’ Marzu li għadda l-Gvern għamilha ċara li l-uniku kriterju kellu jkun il-prezz? Huwiex f'pożizzjoni l-Ministru li jeskludi kompletament li s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Finanzi wera u ħa interess fis-sejħa (RfP) li ħarġet f’Marzu li għadda għal prefabricated hospital?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie mħabbar il-gvern ha d-deċiżjoni illi l-prefabricated hospital f’dan l-istadju ma jinxtarax.

Il-Mellieħa — Ċimiterju Omm il-Ħniena - bdil tal-bieb

Question

Jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat jinbidel il-bieb tal-ħadid li hemm fl-entratura taċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena li jinsab fil-Mellieħa, peress li dan il-bieb, kif jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament, jinsab fi stat tal-biki, huwa mmermer u mikul bis-sadid u perikoluż għal kull min imur f'dan iċ-ċimiterju, u li żgur ma jixraqx, lil dan il-post fejn hemm midfuna l-għeżież mejtin tagħna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tibdil tal-kanċell taċ-ċimiterju Omm il-Ħniena li jinsab fil-Mellieħa, jifforma parti mit-tender tal-bini, kostruzzjoni u tiswija tal-oqbra. Għaldaqstant id-Direttorat ser ikun qed jagħmel xi xogħlijiet temporanji fiż-żewġ kanċelli taċ-ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa sakemm dawn jiġu mibdula kif indikat fit- tender imsemmi.

COVID-19 — Flus mill-multi miġbura mill-persuni li ma obdewx il-kwarantina

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari14157 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u 13690 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u issa ġew riferuta lilu u ċjoè: jista' jgħid kif se jkunu utilizzati l-flus miġbura mill-multi li qed jingħataw lil dawk il-persuni li ma jobdux il-kwarantina obbligatorja jew regoli oħra maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika? Jistgħu dawn il-flus jintużaw mill-Gvern għall-pakketti finanzjarji mħabbra minnu, minflok idur għall-pagiet tal-ħaddiema tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – drittijiet u responsabilitajiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi tar-Rehab Centres kif ukoll tad-Djar Residenzjali/hostels tal-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-drittijiet ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali huma stabbiliti f’artiklu 3 tal-Att dwar is-Saħħa Mentali (Kap 525 tal-Liġijiet ta’ Malta). Kull faċilita’ li toffri servizzi hija obbligata li tirrispetta f’kull ħin dawn id-drittijiet, imma għandha wkoll tiddetermina id-dmirijiet li għandu kull min jirċievi s-servizz peress dawn id-dmirjiet ivarjaw minn servizz għal ieħor. Dawn id-drittijiet jinkludu: -jwettqu kull dritt ċivili, politiku, ekonomiku, soċjali, reliġjuż, edukattiv u kulturali dwar kwalitajiet individwali, kapaċitajiet u sfondi diversi u mingћajr ebda diskriminazzjoni minћabba f’inkapaċità fiżika, età, ġeneru, orjentament sesswali, razza, lewn, lingwa, reliġjon jew oriġni nazzjonali jew etnika jew soċjali; -li jirċievu kura tal-istess kwalità u standard bћal individwi oћra li jkunu qegћdin jirċievu l-kura; li jirċievu kura li tkun tindirizza b’mod komplet il-bżonnijiet tagћhom billi jsirilhom pjan ta’ kura multidixxiplinarja; li jirċievu kura primarjament fil-komunità; dritt gћall-kura li tingћata wara r-rijabilitazzjoni meta dan ikun possibbli fil-komunità biex jitћaffef l-inklużjoni soċjali tagћhom; li jieћdu sehem attiv fit-tfassil tal-pjan ta’ kura multidixxiplinarja; li jagћtu kunsens liberu u informat qabel ma tingћatalhom xi kura. Fir-rehab centres kif ukoll f’xi djar residenzjali/hostels wieħed isib fuljetti mqassma mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali li l-irwol prinċipali tiegħu huwa li jippromwovi u jissalvagwardja d-drittijiet tal-persuni li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Id-Dipartiment tal-Occupational Therapy is-sena l-oħra ikkollabora wkoll ma’ numru ta’ NGOs sabiex ippubblika glossarju tat-termini prinċipali użati fil-liġi tas-saħħa mentali. Dan ħalli persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali u l-carers tagħhom ikunu jistgħu jifhmu aħjar l-Att dwar is-Saħħa Mentali li minnu joħorġu d-drittijiet li għandhom persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Dawn il-fuljetti wkoll huma disponsibbli fiċ-ċentri, fost oħrajn. Barra minn hekk, id-drittijiet jiġu diskussi qabel u waqt sessjonijiet, speċjalment dawk inizzjali, u iktar tard skont il-ħtieġa. Ir-responsabbiltajiet tal-persuni li jużaw is-servizz huma bħal ħtieġa li persuna tinforma lill-persuni kkonċernati jekk wieħed ma jistax jattendi appuntament, il-kunfidenzjalita’ ta’ dak li jingħad minn users oħra waqt sessjonijiet fi grupp, u r-rispett lejn users u ħaddiema huma wkoll diskussi fis-sessjonijiet inizzjali kif ukoll iktar tard skont il-ħtieġa.

Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa — servizzi pubbliċi offruti b’mezzi elettroniċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-servizzi pubbliċi li l-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet fid-dekasteru tiegħu joffru b’mezzi elettroniċi u jindika liema minnhom l-utent jista’ jinqeda kompletament b’mezzi elettroniċi (ie ma jkollux għalfejn jimla formoli manwalment jew imur fiżikament f’xi uffiċċju ta’ min qed jipprovdi s-servizz)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W27 li ngħatat f’din is-seduta stess.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq bażi ta’ teleworking fl-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet li hemm fid-dekasteru tiegħu u jaqsam l-informazzjoni skont il-grad li għandhom il-persuni rispettivi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt, għall-mistoqsija parlamentari 13969.

Siti ta’ kostruzzjoni – inċidenti fatali minn ħaddiema

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm inċidenti fatali minn ħaddiema fuq siti tal-kostruzzjoni mill-2013 sal-lum? Jista' jgħid jekk kienx hemm sidien, jew min kien responsabbli, li tressaq il-qorti fuq dawn il-każijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14251.

OHSA – spezzjonijiet fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fuq siti ta' kostruzzjonijiet u jekk instabux irregolaritajiet? Jekk iva, x'passi ttieħdu, mill-2013 sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14251.

Siti ta’ kostruzzjoni – miżuri biex jiġu evitati traġedji

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex jiġu evitati traġedji fuq siti ta' kostruzzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi apparti li s-settur tal-kostruzzjoni jingħata importanza kbira mill-OHSA, li ta’ kull sena torganiżża kampanji ta’ spezzjonar li jindirizzaw problemi fis-settur b’mod olistiku, jew inkella li jindirizzaw problema partikolari (per eżempju is-sigurtà tal-armar, riskju ta’ waqgħat mill-għoli, espożizzjoni għall-asbestos u kimika perikoluża oħra), l-OHSA tara li titwassal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni lil kull min ikun jista jeħtieġha. Dan isir permezz tal-organiżżar ta’ seminars u l-pubblikazzjoni ta’ nformazzjoni u gwidi. Sal-lum kienu organiżżati mhux inqas minn 12 il-seminar li kienu jindirizzaw suġġetti differenti ta’ interess għas-settur tal-kostruzzjoni. Dawn barra attività li ssir ta’ kull sena indirizzata lejn periti li jkunu għadhom kif iggradwaw, u dan biex ikunu infurmati dwar il-qafas legali u biex ikunu mħeġġa jieħdu sehem iktar attiv fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà. Barra minn hekk, l-OHSA ippubblikat 18 il-dokument gwida ta’ interess għas-settur.

Inċidenti tat-traffiku – persuni li ddaħħlu l-isptar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba li kellhom inċidenti fatali bil-karozzi tagħhom u mietu minħabba li ma kenux lebsin is-‘seat belt’?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Servizz ta’ evalwazzjoni ta’ tfal bi problemi fl-iżvilupp

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm huwa n-numru ta’ evalwazzjoni ta’ tfal bi problemi fl-iżvilupp li saru fis-snin 2018 u 2019? Hemm xi stennija għal dan is-servizz tant importanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ evalwazzjoni ta’ tfal bi problemi fl-iżvilupp li saru fis-sena 2018 kien 5643 filwaqt li fis-sena 2019 kien 4804.

COVID-19 — pazjenti

Question

Filwaqt li nfaħħar l-inizjattivi f’waqthom li ttieħdu s’issa mill-Ministeru tas-Saħħa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li jiddettalja: 1. il-kawża eżatta ta’ kull persuna li isimha qiegħed imniżżel fil-lista ta’ dawk li mietu li kellhom test pożittiv tal-COVID-19; 2. it-tul ta’ konvalexxenza tal-persuni kollha li rriżultaw pożittivi għall-istess COVID-19 mid-data tat-test u li llum jinsabu li fiequ; 3. in-numru ta' persuni li rriżultaw b'test pożittiv tal-COVID-19, li rreġistraw sintomi baxxi u/jew negliġibbli; 4. in-numru ta’ pajenti li rriżultaw b’test pożittiv tal-COVID-19 li nżammu taħt il-kura ta’ sptar għal iktar minn ġurnata waħda; 5. in-numru ta’ pazjenti li rriżultaw b’test pożittiv tal-COVID-19 li kellhom bżonn assistenza respiratorja ġewwa l-isptar; 6. in-numru ta’ pazjenti li rriżultaw b’test pożittiv tal-COVID-19 li kienu ħadu l-vaċċin tal-influwenza f’dawn l-aħħar 8 xhur; u 7. il-metodoloġija u d-dettalji kollha li wasslu lid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jiġi stabbilit li kien hemm testijiet pożittivi fil-gżejjer Maltin tal-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet fi ħdan id-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka, mis-sitt persuni li l-COVID-19 ikkontribwixxiet għall-mewt tagħhom, f'ħamsa minnhom il-kawża prinċipali tal-mewt hija kkunsidrata li kienet il-COVID-19, mentri fil-persuna l-oħra l-COVID-19 kienet kawża kontributorja, minħabba li l-kawża tal-mewt prinċipali kienet relatata mal-musrana. Aktar dettalji ma jistgħux jingħataw għaliex jistgħu jwasslu għal identifikazzjoni tal-persuni individwali, liema informazzjoni hija ta' sensittivita' kbira għall-qraba tal-mejta, skont il-parametri tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, 2018. Il-medja ta’ ġranet ta’ konvalexxenza tal-persuni li rriżultaw pożittivi għall- COVID-19 mid-data tat-test u sakemm instabu li fiequ hija ta’ 16 il-ġurnata. Ninfurmah ukoll illi 25% tal persuni li rriżultaw b'test pożittiv tal-COVID-19, ma kellhomx sintomi. Jekk tnaqqas ir-residenti ta Hal Far Tent Village ir-rata hija ta 13%. 19% tal pazjenti li rriżultaw b’test pożittiv tal-COVID-19 nżammu taħt il-kura tal- isptar Mater Dei għal iktar minn ġurnata waħda fl-Infectious Disease Unit u kien hemm ukoll 11 il- persuna li kellha bzonn il-kura fl-Intensive Theraphy Unit, li minn dawn erba’ pazjenti kellhom bżonn assistenza tal-ventilator ġewwa l-ITU ta’ Mater Dei. 55% ta’ pazjenti li rriżultaw b’test pożittiv tal-COVID-19 qalu li ħadu l-vaċċin tal-influwenza is-sena l-oħra. Id- Dipartiment ghas-Saħħa mexa ma’ kriterji u case definition ta’ każijiet pożittivi għall- COVID 19, fejn mexa ma’ linji gwida ippublikati kontinwament, mill-WHO kif ukoll mill-ECDC. Din il- case definition kienet tiġi aġġornata mil-WHO u l-ECDC hekk kif kien hemm żviluppi ġodda fuq dan il- virus . Din il- case definition kienet mgħotija lil kull tabib/a tas-saħħa pubblika, u wkoll tobba fil-privat. Kull persuna li kienet taqa’ taħt dawn il-kriterji, kienet qed tiġi mibgħuta biex tieħu l-kampjun u jiġi ttestjat.

Sptar Mater Dei – investigazzjoni fuq il-kontroll tal-infezzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk saritx jew hux se ssir investigazzjoni fuq il-kontroll tal-infezzjoni (infection control) jew nuqqas ta’ kontroll fil-ward tal-ENT fl-Isptar Mater Dei bejn l-aħħar ta’ April u nofs Mejju 2020? Jekk iva x’tip ta investigazzjoni saret u jekk le għalfejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Prevenzjoni u Kontroll tal-Infezzjonijiet ġewwa l-Isptar Mater Dei jinvestiga u jagħmel contact tracing ta’ kull każ ta’ COVID-19 li jiġi notifikat f’pazjenti jew impjegati. Rigward il-każijiet imsemmija, l-investigazzjonijiet fil-fatt saru u anke ġew diskussi ma’ uffiċjali tal-European Centre for Disease Control (ECDC). Ġie maqbul li l-maġġoranza tal-każijiet ġraw minħabba ċirkustanzi eċċezjonali, relatati ma’ aerosol generating procedures fuq pazjent li kien diġa infettat qabel ma ħareġ ir-riżultat. Ninfurmah ukoll illi l-isptar Mater Dei ħa l-passi kollha neċessarji.

Imwiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mietu persuni f’Malta u Għawdex xahar b’xahar minn Jannar sal-aħħar ta’ April 2020? Jista’ jagħti wkoll l-istess statistika għall-istess xhur għas-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika n-numri ta’ kemm mietu persuni minn Jannar sal-aħħar ta’ April mis-sena 2017 sal-2020. Xahar 2017 2018 2019 2020 Jannar 468 382 450 400 Frar 336 374 351 312 Marzu 300 341 373 381 April 295 301 302 306

Awtopsji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru awtopsji xahar b’xahar mill-15 ta’ Mejju 2019 sal-15 ta’ Mejju 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt. Data total ta' awtopsji Mejju tal-2019 (mill-15 ta' Mejju 2019 sal-aħħar tax-xahar) 4 Ġunju tal-2019 20 Lulju tal-2019 33 Awwissu tal-2019 31 Settembru tal-2019 29 Ottubru tal-2019 18 Novembru tal-2019 26 Diċembru tal-2019 25 Jannar tal-2020 27 Frar tal-2020 25 Marzu tal-2020 31 April tal-2020 36 Mejju tal-2020 (mill-1 ta' Mejju sal-15 ta' Mejju) 14

Mediċina Venlafaxine 75mg

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-mediċina Venlafaxine 75 mg Lot 2501219 (antidepressants) ġew withdrawn? Jista’ jgħid kemm-il kaxxa kellha tiġi withdrawn? Jista’ jikkonferma li l-mediċina Venlafaxine 75mg ilha snin sħaħ tingħata lill-pazjenti bħala pillola slow release u dan il-lot withdrawn ma kienx slow release u allura l-pazjenti kellhom jiġu mwissija li minflok waħda kuljum kellhom jieħdu waħda kull 12-il siegħa? Jista’ jikkonferma li qed issir investigazzjoni dwar kif sar żball bħal dan a detriment tal-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dwar il-mediċina li semmiet hi ma kienx hemm withdrawal, imma recall mingħand il-pazjenti minħabba formulazzjoni differenti tal-mediċina. Dwar dan hemm investigazzjoni interna li għadha għaddejja.

POYC — Clinutreen

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn jingħata resource drink (Clinutreen) li huwa sugar-based, fil-formularju mill-POYC lil min mhux dijabetiku filwaqt li min hu dijabetiku u dan ma jistax jieħdu, mhemmx għażla mill-POYC? Jista' l-Ministru jikkommetti li jindirizza din l-anomalija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċini u mediċinali jitpoġġew fuq il-formolarju tal-Gvern skont pariri tekniċi u kliniċi li jingħataw mill-kumitat GFLEC.