Legislature:
Category:
Reset
Active:

Channel 22 — grad ta' impjieg fl-istruttura

Question

B’riferenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 24004, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji dwar l-aspett finanzjarju ta’ kull grad ta’mpjieg fl-istruttura ta’ Channel 22? Ix-xogħol li jingħata lill-kumpaniji tal-produzzjoni, jingħata wara sejħa pubblika? Dawn li ġew indikati li jagħtu servizz ta’ filming, editing, preżentazzjoni u produzzjoni, b’liema mod jiġu ngaġġati biex jagħmlu xogħol għal dan l-istazzjon?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — talba għal sussidju

Question

Tista' l-Ministru tara każ ta' familja li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikat mal-Awtorità tad-Djar biex tieħu sussidju fejn hemm involut tifel b'diżabilità li l-każ tiegħu kważi wasal fil-final, biex ikollom il-kelma ta' approval biex ikun jista' jitmexxa l-każ, liema każ ilu għaddej sitt xhur? Jistgħu jiġu nfurmati bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni qegħda tiġi pproċessata. L-Awtorità tad-Djar qed tiġbor informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikanti sabiex jiġi stabbilit jekk jikkwalifikawx taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li jikkwalifikaw għalih.

Sussidju fuq kera

Question

Tista' l-Ministru tara sewwa l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-sussidju tal-kera u qalulha li ma tikkwalifikax għax m'hemmx tieqa fil-kamra. Issa din għamlitha t-tieqa u irceviet karta li meta kienu gew jarawha ma kienx hemmx tieqa. Fil-fatt huma kienu ġew jaraw l-post qabel infetħet it-tieqa. Tista' l-Ministru titlob li jerġgħu jaraw il-kaz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar ser terġa tispezzjoni r-residenza tal-applikanta msemmija sabiex tikkonferma fejn infetħet it-tieqa.

post tal-gvern — risposta mingħand il-periti

Question

Tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ ta' familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha post tal-gvern u minkejja li ġew il-periti xorta għad ma għandhomx risposta meta se jibda ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar avżat lill-kuntrattur sabiex jagħmel ix-xogħol ta’ tiswija meħtieġ. Il-kuntrattur wiegħed li x-xogħol se jsir mill-aktar fis possibli.

nies li jieħdu xi tip ta' pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni li jdaħħlu flus fix-xahar permezz ta' pensjoni tal-età, pensjoni tar-romol, pensjoni tad-diżabilità u kull tip ta' pensjoni oħra, peress ukoll li huma għandhom studenti jew żgħażagħ u nies bla xogħol, jew minħabba xi ċirkostanza oħra inqas minn €1000, €900, €800, €700, €600, €500 fix-xahar? Taħt liema kappa jaqa' d-dħul tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress d-dritt għal, u r-rata ta’ xi waħda mill-pensjonijiet imsemmija ma jiddependix fuq id-dħul jew is-sitwazzjoni ta’ l-ulied ta’ l-applikant, l-istatistika kif mitluba ma tinżamx mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

persuni li qed ifittxu xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kellna żgħażagħ u persuni oħrajn li matul is-sena 2010 kien ilhom iktar minn 6 xhur, sena , sena u nofs, sentejn jew iktar minn tliet snin ifittxu x-xogħol? X'tip ta' skills għandhom jew m'għandhomx il-persuni li qed ifittxu x-xogħol u kemm għandhom età?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

pensjonanti li jaħdmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li għandhom 'il fuq minn 60/61/62/63/64/65/66/67/68/69/70 sena jew iktar li kienu qed jaħdmu matul is-sena 2010? Tista' jghid jekk dawn kenux irgiel jew nisa u f'liema kategorija ta' xogħol kienu qed jaħdmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

PBS — salarji tal-managers

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni s-salarji tal-managers tal-Public Broadcasting Services qed jinħadmu minn ditta privata u mhux mill-Public Broadcasting Services?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-intenzjoni tal-PBS hija li tgħaddi x-xogħol kollu marbut mas-salarji lil ditta jew ditti privati. Bdejna biex għaddejna s-salarji tal-Managers b’mod esperimentali u issa bi ħsiebna nestenduh għas-salarji tal-impjegati għax qiegħed jirriżulta fi gwadan għall-PBS. Dan minħabba l-fatt li l-impjegati tal-PBS li jagħmlu dan ix-xogħol ikunu jistgħu jiffukaw fuq xogħol li jirriżulta ta’ aktar valur miżjud għall-kumpanija.

Ħlas tat-taxxa fuq id-dar

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' koppja li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li xtrat id-dar tagħha fl-2001 u għadha ma ħallsitx it-taxxa fuq il-post u tixtieq tirregola ruħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-residenza tal-koppja msemmija fil-mistoqsija kienet ġiet akkwistata taħt l-Iskema “I” fl-2001 permess ta’ “kuntratt konvenju” billi l-art li fuqha hemm mibnija din ir-residenza kienet qegħda f’kors ta’ akkwist min-naħa tal-Gvern. Il-kuntratt finali, fejn titħallas ukoll it-taxxa, isir meta t-titolu tal-art jiġi trasferit lill-Awtorità tad-Djar. Dan l-aħħar id-Dipartiment tal-Artijiet għadda numru sostanzjali ta’ titoli ta’ art li fuqha nbnew djar mill-Awtorità tad-Djar.

Għajnuna lill-familjari ta' persuni li jikkommettu suwiċidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistix xi forma ta' servizz li jipprovdi għajnuna psikoloġika lill-familjari ta' persuni li jikkommettu suwiċidju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Minstru responsabbli mis-servizzi tas-saħħa mentali. Iżda jekk il-familja tad-deċedut/a tkun diġà qiegħda tingħata xi servizz mill-Aġenzija APPOĠĠ, l-familja tibqa’ tiġi mgħejjuna u flimkien mal-familja jiġu esplorati possibilitajiet li jiġu offruti servizzi t’għajnuna psikoloġika mill-aġenzija jew minn xi servizz tas-saħħa mentali ieħor.

nuqqas ta' programmi għal persuni neqsin mis-smiegħ

Question

Peress li persuni neqsin mis-smiegħ qed jilmentaw li hemm nuqqas ta' programmi mxandra bis-subtitles, tista' l-Ministru tgħid x'qed isir biex din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għal persuni neqsin mis-smiegħ, il-PBS, kuljum, ixxandar l-aħbarijiet tas-6.00 p.m. bis-sign language kif ukoll ixxandar il-programm Xarabank bis-sign language fuq Channel 22 kull nhar ta’ Ġimgħa. Qed isiru arrangamenti biex l-aħbarijiet tat-8.00 p.m. fuq TVM jkunu mxandra bis-sub-titles.

After care lill-familjari ta' persuni li jikkommettu suwiċidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'after care tiġi offruta lill-familji li membru tagħhom ikun ikkommetta suwiċidju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Numru 24119 tas-seduta 322.

Employment Aid Grant Scheme — intrapriżi li joperaw f’Għawdex

Question

Tista’ l-Minstru tgħid kemm ħaddiema kienu ġew impjegati taħt l-Employment Aid Grant Scheme minn intrapriżi li joperaw f’Għawdex? Jista’ jgħid illum kemm minn dawn l-impjegati għadhom jaħdmu mal-istess intrapriża li kienet ħaddmithom taħt l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 23331 tas-seduta 310.

Għawdex — nies redundant

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kull sena mill-2008 ‘l hawn kemm kien hemm ħaddiema li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom f’Għawdex għax spiċċaw redundant minħabba li l-intrapriża li kienet tħaddimhom ma kellhiex aktar xogħol għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ ħaddiema li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom f’Għawdex għax spiċċaw redundant u ġew jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 177 persuna fl-2008, 245 persuna fl-2009 u 143 persuna fl-2010.

ITS — Eżamijiet tas-City and Guilds

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hux minnu li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi minn din is-sena akkademika mhux qed joffri aktar lill-studenti full-time u part-time l-opportunità li joqogħdu għall-eżamijiet tas-City and Guilds? Tista' tikkonferma jekk l-istudenti kenux avżati dwar dan? Jekk dan mhux minnu tista' sserraħ moħħ l-istudenti u tgħid meta se jiftħu l-applikazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux minnu li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi minn din is-sena akkademika mhux qed joffri aktar lill-studenti full-time u part-time l-opportunità li joqgħodu għall-eżamijiet tas-City and Guilds. Il-management il-ġdid tal-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi bħalissa qed jirrevedi l-proċess tal-applikazzjonijiet.

MCAST — lecturers nieqsa

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tal-lecturers li għandu neqsin l-MCAST f'kull istitut tiegħu? Kemm ilhom neqsin l-lecturersmill-bidu tas-sena akkademika, kemm tilfu lectures l-istudenti? X'qed isir biex l-istudenti jirkupraw dak li tilfu u x'qed isir biex jinstabu l-lecturers meħtieġa f'kull suġġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — kors tal-manutenzjoni fil-qasam tal-avjazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-isforzi tal-Ministeru u tal-MCAST biex jiġu solvuti problemi li kienu qed jiffaċċjaw studenti li daħlu għall-kors tal-manutenzjoni fil-qasam tal-avjazzjoni u li tefgħet lill-istudenti f'inċertezza kbira?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Studenti li qegħdin isegwu kors tal-avjazzjoni taħt apprentistat diġà qegħdin jieħdu t-taħriġ prattiku ma’ kumpaniji tal-manutenzjoni tal-ajruplani. Studenti oħra li ma jaqgħux taħt l-iskema tal-apprentistat, jingħataw taħriġ fil- workshops tal-MCAST. Barra minn hekk il-Kulleġġ qiegħed f’negozjati avvanzati biex jingħata taħriġ addizzjonali għand il- Maintenance & Repair Organizations .

Transfers ta' għalliema u staff

Question

Quddiem il-fatt li ngħalaq iż-żmien tat-transfers ta' għalliema u staff mill-iskejjel, tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm għalliema u membri tal-istaff li talbu li jieħdu trasferiment mill-Kulleġġ San Benedittu? Kemm kienu t-trasferimenti skola bi skola f'dan il-kulleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm żewġ skrivani part-time li talbu li jieħdu trasferiment mill-Kulleġġ San Benedittu. Minn dawn waħda kienet mill-iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq. It-talba għat-trasferimenti mill-għalliema hija għas-sena skolastika li ġejja u din għalqet l-ġimgħa 25 ta’ Frar 2011.

Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport — informazzjoni dwar il-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies jaħdmu mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport? X'kariga u x'paga għandhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — printers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw printers matul is-sena 2010 sabiex jintużaw mill-Ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tgħid x'kienet l-ispiża f'kull każ u b'liema mod ġie deċiż mnejn jinxtraw? Mnejn inxtraw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.