Proġett tad-daħla tas-Salina – Permessi u pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi u l-pjanti kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-proġett tad-daħla tas-Salina (li saret referenza għalih fuq domanda parlamentari 102) u li fuqhom suppost Infrastruttura Malta qed timxi magħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba, li huma diġà pubbliċi u aċċessibbli għal kulħadd fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar www.pa.org.mt, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 122 u b’referenza għal diversi direct orders li ħareġ il-Ministeru li jaqa' taħt ir-responsabiltà tiegħu fit-8 ta’ Novembru 2021 lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bħala parti mis-servizzi meħtieġa fuq perjodu ta’ 15-il ġurnata fejn kienu preżentati l-istudji b’rabta mal-proposta tal-metro li tali studji li saru fl-2017 (u ċjoè kważi erba' snin qabel ma saret din l-esebizzjoni) swew lil pajjiżna €1,807,907.41, jista’ l-Ministru jgħid:
(a) Kemm-il tinda ġiet armata u kemm ġiet tiswa kull tinda li fiha saret l-esebizzjoni għall-perjodu ta’ 15-il ġurnata?
(b) Kemm ġiet tiswa l-għamara meħtieġa għal din it-tinda u fiex kienet tikkonsisti eżatt din l-għamara? X’sar minnha din l-għamara wara li spiċċat din l-esebizzjoni?
(c) Kemm ġew jiswew l-iscreens għal din l-esebizzjoni u kemm-il screen inkera?
(d) X’tip ta’ strutturi ntużaw għal din l-esebizzjoni u kemm swew flus dawn l-istrutturi?
(e) Kemm ġiet tiswa s-sistema ta’ arja kundizzjonata?
(f) Kemm-il generator ġie mikri għal din l-esebizzjoni, x'saħħa kellu kull generator u kemm ġie jiswa kull generator?
(g) Kemm ġew jiswew id-dwal użati għal din l-esebizzjoni?
(h) Kemm ġew jiswew flus is-sistemi ta’ audio għal din l-esebizzjoni?
(i) Kemm ġie jiswa flus l-ipprintjar ta’ materjal informattiv ta’ din l-esebizzjoni?
(j) Kemm ġie jiswa t-tindif għal din l-esebizzjoni?
(k) Kemm ġie jiswa t-trasport għal din l-esebizzjoni, x’forma ta’ trasport intuża u għal xiex / għal min ġie pprovdut dan it-trasport?
(l) Kemm-il tapit intuża għal din esebizzjoni u kemm ġie jiswa kull tapit?
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 122, u peress li l-istudji b’rabta mal-proposta tal-Metro li swew lil pajjiżna €1,807,907.41 kienu saru fl-2017, x'inhi r-raġuni Ii għas-servizzi biex issir l-esebizzjoni imsemmijja fir-risposta tiegħu ma ħarġux tenders kompetittivi minflok direct orders? Ma jaħsibx il-Ministru li kważi erba' snin huwa żmien biżżejjed biex joħorġu tenders kompetittivi għal dawn s-servizzi? X’inhi r-raġuni li dawn id-direct orders ingħataw lill-kumpanija waħda, u ċjoè lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu żball meta jgħid li kollox kien lest fl-2017, kif jipprova jagħti l-impressjoni fil-mistoqsija tiegħu. Saħansitra fuq is-sit li tnieda mal-esebizzjoni – www.metro.mt – kien ingħata timeline li jixhed dan u l-istudju ppubblikat għandu wkoll nota dwar l-impatt tal-pandemija. Sadanittant ninfurmah li l-proċess għadu għaddej b’aktar studji.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 122, jista' l-Ministru jgħid jekk l-ammont ta' €424,000 f’direct orders f’ġurnata waħda għall-kumpanija waħda biex torganizza esebizzjoni għall-15-il ġurnata huma esaġerati u li faċilment setgħu ġew iffrankati ħafna flus mit-taxxi tal-poplu? Jista' jgħid x'kien jagħmel hu kieku kien hu l-Ministru responsabbli meta ħarġu dawn d-direct orders? Jista' jgħid kienx jonfoq €424,000 għal esebizzjoni ta’ ftit jiem?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati 27(5).
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 122 fejn il-Ministru qal li fuq perjodu ta’ 15-il ġurnata saret esebizzjoni fejn kienu preżentanti l-istudji b’rabta mal-proposta tal-metro, jista’ l-Ministru jgħid xi kemm persuni żaru din l-esebizzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kulħadd seta’ jidħol l-esebizzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ sistema ta’ biljetti. Iżda mir-rapporti tal-persuni li kienu qed jamministraw il-post daħlu mijiet ta’ persuni kuljum. Fost dawn kien hemm iktar minn 4,000 li użaw sistema teknoloġika li permezz tagħha setgħu jirreaġixxu għal dak li kienu qed jaraw fiċ-ċentru tal-esebizzjoni. Ħafna oħrajn żaru ċ-ċentru tal-esebizzjoni u m’għamlux użu minn din is-sistema. Kif jaf l-Onor. Interpellant iċ-ċentru ntuża wkoll biex saret it-tnedija tal-istudji.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 122 fejn il-Ministru qal li fuq perjodu ta’ 15-il ġurnata saret esebizzjoni fejn kienu preżentati l-istudji b’rabta mal-proposta tal-metro b’nefqa ta’ €424,000 f’direct orders, jista’ l-Ministru jgħid jekk għas-servizzi neċessarji hekk kif indikati minnu stess fir-risposta tiegħu kienx jikkummisjonhom f’forma ta’ direct order jew joħroġx tenders kompetittivi meta kien hemm perjodu ta’ erba' snin minn meta ġie ppreparat ir-rapport u meta sar il-launch tal-istess rapport?
Transport Malta — Residents’ Parking Scheme - applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjonijiet li Transport Malta rċeviet rigward l-iskema ta’ parkeġġ residenzjali (Residents’ Parking Scheme) u jindika meta Transport Malta rċeviet dawn l-applikazzjonijiet?
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinbeda x-xogħol fuq il-jetty u breakwater ta’ Buġibba, peress li aktar minn sena ilu ġiet sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u s’issa għadu ma nstema xejn dwarha? Jista’ jara li jkun hemm spazju biżżejjed li s-sajjieda kollha tal-akkwati, kemm part-timers u full-timers, ikollhom fejn jorbtu d-dgħajjes tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta qed tippjana biex tibni mill-ġdid il-breakwater ta’ Buġibba, li jinsab f’qagħda mwiegħra, u tintroduċi faċilitajiet aktar siguri għal-laneċ flimkien ma’ terminal tal-passiġġieri, ħalli s-servizz tat-trasport bil-baħar f’Malta jkun jista’ jiġi estiż mill-Belt Valletta u Tas-Sliema lejn San Pawl il-Baħar. Bħalissa qed issir l-evlawazzjoni tal-offerti li ntefgħu għat-twettiq ta’ dan il-proġett wara li kienet ippubblikata sejħa għall-offerti.
Il-breakwater ġdid ta’ 180 metru se jkun itwal minn dak eżistenti biex irażżan aktar il-mewġ fil-bajja, u b’hekk jipprovdi iżjed kenn għad-dgħajjes tas-sajd u opri tal-baħar oħrajn żgħar li jirmiġġaw f’din iż-żona. Se jkollu wkoll faċilitajiet għall-irmiġġ ta’ fast ferry għall-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport bil-baħar, kif ukoll pjattaformi aktar siguri għall-irmiġġ ta’ laneċ oħrajn tal-passiġġieri li jużaw l-istruttura eżistenti fis-sajf għal vjaġġi rikreattivi, speċjalment dawk tat-turisti.
Infrastructure Malta qed tipproponi wkoll li tibni moll ta’ 37 metru li jisporġi min-naħa tat-tramuntana tal-breakwater, għal kenn akbar u rmiġġ aktar sigur f’kundizzjonijiet tat-temp differenti. Se tibni mill-ġdid ukoll l-iskall li hemm ħdejn il-breakwater eżistenti b’disinn aktar sigur. Il-postijiet kollha li hemm għall-irmiġġ f’din il-bajja se jibqgħu, filwaqt li l-ispazju fil-baħar (fairway) li minnu jgħaddu l-opri tal-baħar biex jidħlu f’din id-daħla mhux ser ikun affettwat.
Fuq l-art biswit il-breakwater, Infrastructure Malta qed tipproponi li tibni terminal żgħir, fejn il-passiġġieri jkunu jistgħu jistennew għall-kenn u jaqtgħu l-biljett biex jivvjaġġaw bil-baħar lejn Tas-Sliema jew il-Belt Valletta, fejn diġà jopera s-servizz tal-lanċa. It-terminal u s-sit il-ġdid għall-irmiġġ tal-laneċ se jkollu rampi u faċilitajiet oħrajn biex dan il-mezz alternattiv ta’ trasport ikun aċċessibbli għal kulħadd. Fit-terminal se jkun hemm ukoll bicycle racks (fejn tista’ tħalli r-rota) biex jiġi faċilitat l-ivvjaġġar b’mezzi differenti. Ix-xogħlijiet fuq il-proġett jibdew malli jinħarġu l-permessi neċessarji u jintgħażlu l-kuntratturi meħtieġa.
Il-faċilitajiet ġodda għat-trasport bil-baħar f’Buġibba se jkunur-raba’ infrastruttura ta’ dan it-tip li Infrastructure Malta qedti¿viluppa għall-passiġġieri li ju¿aw dan is-servizz f’Malta. Fl-2019 fetħet l-ewwel fa¿i tal-faċilitajiet il-ġoddaf’Marsamxett, il-Belt Valletta, li jinkludu strutturi imtejbingħall-irmiġġ u rampi aktar siguri biex il-passiġġieri li jivvjaġġaw minn u lejn Tas-Sliema jkunu jistgħu jirkbu u jin¿lu mil-laneċ b’aktar kumdità.
Il-bini taż-żewġ faċilitajiet ġodda f’Tas-Sliema (ħdejn il-Ferries) u f’Bormla (fl-inħawi tal-Baċir Numru 1) jinsabu fi stadju avvanzat. Dawn iż-żewġ siti bħalissa mhumiex mgħammrin b’faċilitajiet għall-passiġġieri, u dan jagħmel l-imbark u l-iżbark aktar diffiċli, barra li jieħu aktar ħin. Il-mollijiet ġodda se jkomplu jtejbu s-sigurtà u l-effiċjenza għaldan il-mod ta’ vvjaġġar. Bħala parti minn dawn il-faċilitajiet, Infrastructure Malta se tibni wkoll strutturi żgħar ta’ kenn għall-passiġġieri.
Is-sajjieda full-timers u part-timers preżenti se jiġu riallokati u fl-ispazju ġdid li se jigi krejat wara l-bini tal-breakwater, għalkemm limitat, se jiġu possibbilment allokati xi sajjieda oħra. Mal-breakwater innifsu se jiġu allokati dgħajjes kummerċjali kif hemm bħalissa.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – karigi u pożizzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid minn ta l-ordni u għaliex reġa’ sar it-tħaffir mill-ġdid, biex jerġa’ jaqla’ xogħol li kien diġà sar fi Triq il-Kbira, Mosta għad-detriment tar-residenti u negozji, l-aktar għar-residenti ta’ djar antiki?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq Il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta.
L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art.
Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona, sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom.
Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fil-fatt, l-aġenzija diġà lestiet ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief għat-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq.
Madankollu, fl-aħħar xhur, hekk kif ix-xogħlijiet kienu waslu biex jitlestew, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitniżżlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjudin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju għall-proġett ta’ Triq il-Kbira fil-Mosta u jekk hux vijabbli li jniżżlu l-cables tad-dawl taħt il-bankini, liema bankini jinsabu fuq blat iebes? Jista’ l-Ministru jispjega dan il-proċess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninformat lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 497, peress li x-xogħol indikat ġie ppjanat mill-Kunsill Lokali, din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Mosta – Triq il-Kbira – kumpens għad-danni għar-residenti u negozji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jikkunsidra li joffri kumpens għad-danni lir-residenti u n-negozji li hemm fi Triq il-Kbira ġewwa l-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq Il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta.
L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art. Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom.
Ir-residenti u n-negozji ta’ din it-triq ser igawdu infrastruttura aħjar għal ħafna snin li ġejjin, kif ukoll titjib fil-proviżjoni tas-servizzi li jservu l-istess triq, u li l-pajpijiet u cables tad-distribuzzjoni tagħhom qed jinbidlu u jissaħħu permezz ta’ dan il-proġett.
Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fil-fatt, l-aġenzija diġà lestiet ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief għat-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq.
Madankollu, fl-aħħar xhur, hekk kif ix-xogħlijiet kienu waslu biex jitlestew, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitniżżlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Permezz ta’ dan ix-xogħol addizzjonali, it-triq ser tkompli tieħu dehra aħjar, b’ambjent isbaħ għal dawk kollha li jgħixu fiha jew jivvjaġġaw minnha b’mezzi differenti.
Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjudin.
Ikun apprezzat jekk jiġi ċċarat x’inhuma eżattament id-danni li qed issir referenza għalihom.
Jista’ l-Ministru jispjega d-deċiżjoni li jgħaddu l-ilma minn Triq il-Kbira għall-pjazza, meta jeżisti Wied fl-inħawi? Jista’ jgħid għaliex ser jitwalu l-mili tat-toroq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita fit-triq indikata se tingħaqad ma’ sistema oħra li se ssir bħala parti minn proġett separat fi Triq il-Kostituzzjoni biex l-ilma jitwassal fil-wied viċin. Fil-fatt, is-sistema ġiet iddisinjata mill-iStorm Water Unit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi bħala parti mis-sistema sħiħa tal-inħawi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta’ Marsaxlokk? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Marsaxlokk diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Patrijiet Tereżjani, Triq iż-Żejtun (it-triq ewlenija lejn Marsaxlokk), triq ġdida fi Triq tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq l-Avukat Camrelo Caruana), Triq Duncan, triq ġdida fi Triq Tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq Abdosir), Triq l-Għoljiet ta’ Guno, Triq il-Kavallerizza, Triq il-Wilġa, Triq Santa Katerina, Sqaq Umbrella, Triq Xrobb l-Għaġin u t-triq li twassal għall-Fanal ta’ Delimara.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Kajjik, Triq iċ-Ċippi, triq bla isem ħdejn l-Island Sanctuary, triq rurali li twassal għal Delimara, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Delimara, fiż-żona tal-Magħluq, Triq 8 ta’ Mejju u Triq iż-Żejtun (triq rurali).
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta' Ħal Għaxaq? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Santa Marija, Triq il-Gudja, Triq iż-Żejtun, Triq Ġammari Dalli, Triq Valletta, il-Bypass ta’ Ħal Għaxaq u triq biswitha, Triq Ġużeppi D’Arena, triq ġdida fi Triq il-Balklor, Triq l-Ewwel ta’ Jannar 1626, Triq il-Merill, Triq tal-Gewwinija, Triq Dun M Schiriha, Triq tal-Qattus, Triq Dun V Scicluna Hernandez, Sqaq il-Bajtar u Triq tat-Talb.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq San Filippu, Misraħ San Filippu, Triq Tgeżwira u Trejqet Santu Kristu, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol ta’ titjib fil-junctions Tal-Barrani, Triq Tal-Balklor, Triq Dun Marcell Mallia u Triq Dun Mattew Schiriha.
Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq qed isiru fil-preżent fil-lokalità ta' Marsaskala? X’toroq ser isiru fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Marsaskala diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq il-Buttar u triq ġdida fiha, Triq il-Qaliet, Xatt il-Batterija ta’ Rihama (Bajja ta’ San Tumas), Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola, Triq il-Kavallieri ta’ Malta, Triq Btieti, Triq ir-Ridott, Triq La Sengle u Triq San Ġwakkin.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq tal-Gardiel, Triq San Nikola, Triq id-Difiża Kostali u fil-Bypass l-antika li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq in-Naspli, Triq Patri Wistin Born, Triq Giuseppe Zammit, fiż-żona taż-Żonqor u Ta’ Monita.
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 122, 123, 124, 125, 126, 127, 128, 129, 130, 131, 132, 133, 134, 135, 136, 137, 138 u 139 u b’referenza għal diversi direct orders li ħareġ il-Ministeru li jaqa' taħt ir-responsabiltà tiegħu fit-8 ta’ Novembru 2021 lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid, għal kull direct order separatament:
(a) fiex kien jikkonsisti x-xogħol relatat ma’ tali direct order?
(b) jekk kienx hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi għal din id-Direct Order?
(c) jekk l-ammont ta’ kull direct order hekk kif imsemmija fil-mistoqsijiet parlamentari indikati hawn fuq (u ċjoè d-direct orders bin-numri minn 52463 sa 52480) kenux jifformaw parti mis-somma ta’ €76,981.76 li ngħatat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22802 tat-13-il Leġiżlatura, u jekk le, x’inhi r-raġuni li dawn l-ispejjeż ma ġewx indikati fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22802 tat-13-il Leġiżlatura meta fl-istess ġurnata li ngħatat ir-risposta (u ċjoè fit-8 ta’ Novembru 2021), ġew maħruġa dawn id-direct orders fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-total tan-nefqa għal din l-attività, li saret fuq medda ta’ 15-il ġurnata, kienet hekk kif dehret fil-Gazzetta tal-Gvern.
Nirreferih ukoll għat-tweġiba Parlamentari numru 122, filwaqt li aktar tagħrif għadu qed jinġabar.