Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2024?
Third Country Nationals li ngħataw il-permess biex jaħdmu f’Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' Third Country Nationals (TCNs) li ngħataw il-permess biex jiġu jaħdmu hawn Malta matul is-sena 2023, u matul is-sena 2024 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn il-persuni għadhom hawn Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – korrispondenza mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward Entry/Exit System
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'din l-aħħar sena, il-Ministeru jew xi entitajiet li jaqgħu taħtu, irċevewx korrispondenza mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' Entry/Exit System, u f'każ li iva, iqiegħed din il-korrispondenza fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li dwar is-suġġett hemm kuntatt kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea. Ninsab infurmat ukoll li kien hemm korrispondenza fuq livell Ewropew lil kull membru taż-Żona Schengen u mill-informazzjoni li għandi din il-korrispondenza hija f’dan l-istadju kunfidenzjali.
Annual Report of the Regulator — Granting of Citizenship for Exceptional Services
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun qed joħroġ l-Annual Report of the Regulator - Granting of Citizenship for Exceptional Services li jkopri s-snin 2022 u 2023?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li d-dokumenti meħtieġa jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra wara li jiltaqa u japprova l-Kumitat ta’ Monitoraġġ li jikkonsisti fil-Prim Ministru, il-Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Forzi Armati ta’ Malta – Deċiżjonijiet mill-Bord tal-Inġustizzji
Question
Fid-dawl tad-deċiżjonijiet li ħarġu reċentement mill-Bord tal-Inġustizzji fir-rigward tal-Forzi Armati ta' Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kalkolu tal-arretrati li qed jingħataw humiex se jiġu kkalkulati bl-istess formola ta' kalkulazzjoni eżatta bħalma ġie kkalkulat f'deċiżjonijiet oħra passati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Dan il-Gvern huwa kommess li jibqa jsewwi inġustizzji ta' Gvern preċedenti qabel l-2013. Infurmat li l-mekkaniżmu sabiex jiġu kkalkulati l-arretrati ser jinħadem bħas-snin preċedenti.
Forzi Armati ta’ Malta – Deċiżjonijiet mill-Bord tal-Inġustizzji
Question
Fid-dawl tad-deċiżjonijiet li ħarġu reċentement mill-Bord tal-Inġustizzji fir-rigward tal-Forzi Armati ta' Malta, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għal rimedju u kemm minn dawn intlaqgħet it-talba tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li kien hemm 746 persuna li dehru quddiem l-aħħar bord. Minn dawn kien hemm 606 persuna li preżentaw id-dokument iffirmat li jaċċettaw id-deċiżjoni bħala finali, filwaqt li hemm il-proċess tal-128 appell.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm minuri ta’ 16 u 17-il sena li qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-persuni ta’ 16 u 17-il sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sal-aħħar t’Awwissu 2024 kien biss ta` 37 persuna. Filwaqt li t-total ta' persuni kontinwament ikun baxx f'dawn l-etajiet, juri li żgħażagħ idumu żmien qasir ifittxu impjieg sew jekk hux l-ewwel impjieg jew bdiel ta' impjieg.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid u jipprovdi kemm-il persuna hemm jaħdmu mal-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, u jipprovdi l-work description tal-ħaddiema u kemm-il persuna hemm f'din il-kariga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Filwaqt li b'mod kontinwu hemm impenn biex jitwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari, ninsab infurmat li tali eżerċizzju jaqbeż l-advisory cost.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati professjonisti mal-Identità? F’kull każ, x’inhi l-professjoni u kemm ilu impjegat? Jista’ jgħid kemm attwalment hemm konsulenti esterni mal-Identità u fir-rigward ta’ xiex ġew inkarigati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-Aġenzija Identità hemm total ta’ 15-il impjegat li huma professjonisti bil-warrant, imqassmin kif ġej:
WarrantData tal-Ingaġġ
Warrant ta’ Accountant18/07/2022
Warrant ta’ Accountant29/10/2018
Warrant ta’ Accountant30/06/2016
Warrant Legali01/05/2024
Warrant Legali07/02/2022
Warrant Legali01/01/2015
Warrant Legali10/10/2023
Warrant Legali01/01/2021
Warrant Legali27/02/2023
Warrant Legali01/04/2024
Warrant Legali13/04/2015
Warrant Legali13/02/2018
Warrant Legali03/10/2022
Warrant Legali14/10/2019
Warrant ta’ Għalliem11/03/2024
Jirriżulta wkoll li fil-preżent hemm żewġ konsulenti esterni li jipprovdu konsulenza dwar policies u inizjattivi oħra marbuta mal-affarijiet dwar l-immigrazzjoni, u dwar materji ta’ riżorsi umani.
Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema — Persuni li nstabu jagħmlu użu mill-ħaxixa/marijuana fil-pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li nstabu jagħmlu użu mill-ħaxixa/marijuana fil-pubbliku minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ġewwa Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema, maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li bejn Mejju 2024 u Settembru 2024 kien hemm każ ġewwa San Ġiljan.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 18511 u 21774, jista' l-Ministru jgħid għal liema użu qiegħda tintuża l-għassa ta' San Pawl il-Baħar mill-Pulizija tal-Komunità? Jista' jgħid ukoll jekk din l-għassa għadhiex tintuża mill-istess Pulizija tal-Komunità? Jekk iva, x'inhi r-raġuni li t-tabelli, inkluż it-tabella li tindika li hemm parkeġġ riservat għall-pulizija, tneħħew?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-għassa ta’ San Pawl il-Baħar kienet qed tintuża mill-Pulizija tal-Komunità li ġew rilokati fl-għassa tal-Qawra, minħabba proċess biex tgħaddi lura għand sidha wara proċeduri legali li nfetħu kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat mis-sidien tal-istess post. Hemm il-ħsieb li fiż-żmien li ġej, il-Pulizija tal- Komunità terġa’ topera minn post alternattiv San Pawl il-Baħar wara li jkunu konklużi l-arranġamenti neċessarji.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 13804 u 14514 dwar id-definizzjoni ta' Assistent Personali, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi u jekk iva, xi żviluppi kien hemm?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija tat-Rabat, Malta, hux ser terġa’ tkun miftuħa u tiffunzjona sa qabel il-Milied 2024?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet importanti li għaddejjin fl-għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Malta hu previst li jitlesta lejn Marzu/April tas-sena 2025, fl-istess żmien meta hu maħsub li l-għassa tkun tista’ terġa’ tiftaħ.
Ninsab infurmat ukoll li sakemm qed isir dan ix-xogħol saru l-arranġamenti biex il-pubbliku jinqeda aħjar mill-għases tal-Imdina u l-Imtarfa, filwaqt li għaddej xogħol kontinwu mill-pulizija tal-komunità.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21721, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u li issa ġiet referuta lilu u jgħid liema huma l-għases f’Għawdex li jkunu miftuħa 24 siegħa kuljum u ċjoè ma jingħalqux għal ebda raġuni, fejn wieħed jista’ jdaħħal rapport hu x’inhu? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-għases f’Għawdex li huma magħluqa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li llum Għawdex għandu mhux biss Għases li joperaw 24/7, iżda Għawdex kollu huwa kopert bil-pulizija tal-komunità, li hija strateġija effettiva u differenti minn dik ta’ meta snin ilu kien hemm taparsi għases miftuħa b’pulizija wieħed jew miftuħa biss f'okkażjonijiet oħra bħal fil-ġimgħa tal-festa. Infurmat għalhekk li l-Għases tal-Imġarr, ir-Rabat u Marsalforn, flimkien max-Xlendi (tul ix-xhur tas-Sajf), joperaw 24 siegħa kuljum. Hemm ukoll uffiċċji operattivi li jaħdmu minnhom il-Pulizija tal-Komunità, f’Għajnsielem, l-Għarb, l-Għasri, Kerċem, in-Nadur, il-Qala, San Lawrenz, is-Sannat, Ta’ Pinu, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ. L-Għases tar-Rabat u Marsalforn iservu wkoll ta' uffiċċju għall-Pulizija tal-Komunità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti li saru online minn meta ddaħlet is-sistema ta' remote reporting?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi mill-15 ta’ Lulju 2024 meta ġiet introdotta s-sistema tal-online reporting fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, sat-22 ta Ottubru 2024, kien hemm total ta’ elf, sebgħa mija u sitta u disgħin (1,796) rapport li sar online.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm omiċidji mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew solvuti u kemm le?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li mis-sena 2020 sal-24 ta’ Ottubru 2024, kien hemm tnejn u għoxrin (22) każ ta’ omiċidju, li kollha ġew solvuti kif jidher fit-tabella hawn taħt:
Sena
Numru ta każi
Każi solvuti
2020
6
6
2021
2
2
2022
8
8
2023
2
2
2024
4
4
Total
22
22
Tas-Sliema — Triq San Franġisk - Azzjoni fuq żewġ muturi
Question
Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni fuq żewġ muturi, wieħed abjad u ieħor iswed, li ilhom iktar minn sena mitluqa mingħajr ma għandhom liċenzja u li qed jokkupaw parkeġġ fi Triq San Franġisk kantuniera ma' Triq in-Nazzarenu f’Tas-Sliema? Jista' jgħid għalfejn matul dan il-perjodu kollu ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwarhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li dwar iż-żewġ muturi, li rrefera għalihom l-Onor. Membru, il-mutur iswed, huwa liċenzjat u kopert b’polza ta’ sigurtà sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Dwar il-mutur abjad, infurmat li wara li l-Pulizija waħħlet avviż fuq l-istess mutur biex dan jitneħħa fi żmien stipulat mill-liġi, Infurmat li l-mutur tneħħa mill-post indikat.
Paceville u San Ġiljan — Persuni taħt l-età li nstabu jixorbu l-alkohol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni taħt l-età li nstabu jixorbu l-alkoħol ġewwa Paceville u San Ġiljan minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fis-sena 2024 kien hemm 3 persuni li nħarġu l-akkużi għaliex kienu jinstabu ġewwa stabbilimenti f'Paceville jew San Ġiljan, meta taħt l-età. Din l-informazzjoni ma tinkludix jekk xorbux jew le.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni/entitajiet kummerċjali kienu nstabu li għandhom daqq ta’ mużika/storbju barra l-ħinijiet legali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2023 il-pulizija segwiet disa’ u disgħin (99) każ dwar persuni/entitajiet kummerċjali fuq daqq ta’ mu¿ika/storbju barra l-ħinijiet legali fil-post ta’ negozju tagħhom, wara li kienu skoperti waqt ir-ronda jew wara rapporti li saru mill-pubbliku. Fis-sena 2024 sal-15 ta’ Ottubru, segwiet fuq mija u tlieta u għoxrin (123) każ simili.