Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - talbiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li xi impjegati fid-Dipartment tal-Visitor Services qed iduru lil sħabhom sabiex jikkontribwixxu għar-rigal tal-Milied li jingħata lil Manager tagħhom? Jista' jassigura li dawk li ma jixtiqux jipparteċipaw minħabba raġunijiet personali ma jiġux maqbuża fl-overtime?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-management ta’ Heritage Malta ma jidħolx f’inizjattivi privati tal-impjegati tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li l-overtime jinħadem b’sistema awtomatika skond min ikun imissu u għalhekk ħadd ma jista’ jinqabeż.
GSOs — xogħol ta’ executive – substitution allowances
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex xi numru ta’ Gallery and site officers (GSOs) li qed jagħmlu xogħol temporanju ta' Executive (li qed ukoll imniżżel fil-job description tal-post ta' Visitor Services - Executive) mhux qed jingħataw is-substitution allowance? Jista' jassigura li Heritage Malta tirratifika dan in-nuqqas?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar xhur kienx hemm xi problemi fit-tinda tat-Tempji ta' Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur kien għaddej l-aħħar fażi ta’ setting tekniku, kif inhu normali għal kull struttura ta’ dan it-tip, li kien iffukat sabiex l-ilma jiskula mingħajr ostakli.
Heritage Malta – Laboratorji tar-Restawr f’Bighi – open day
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta Heritage Malta se torganizza open day ġewwa l-laboratorji tar-restawr ġewwa Bighi? Jista' jassigura li dan l-avveniment tant mistenni jsir fil-weekend biex tiżdied l-aċċessibilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-aħħar darba li saret open day simili kien f’Novembru tas-sena l-oħra. Għad ma hemmx data ffissata ta’ meta se terġa tiġi organizzata attivita simili.
Jista’ l-Ministru jgħid meta beda l-ġemelaġġ ‘Douselage’ ma’ diversi pajjiżi oħra mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala? Kemm kienet l-ispiża tal-Kunsill Lokali sal-lum biex jieħu sehem f’dan il-ġemelaġġ? X’benefiċċji qegħda tħalli din l-inizjattiva?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala issieħeb f’dan id-douzelage f’Mejju 2009 meta kien iffirma l-sħubija tiegħu f’Althea, Spanja. F’dan id-douzelage hemm bosta lokalitajiet minn diversi pajjiżi, b’kull sena ssir laqgħa annwali tal-lokalitajiet imsieħba fejn il-Kunsill jibgħat rappreżentanti biex jattendu għaliha.
Il-Kunsill kiseb ħafna benefiċċji minn din id-douzelage għaliex issieħeb bħala partner f’ħafna proġetti. Propju din is-sena per eżempju, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala issieħeb f’applikazzjoni fejn din il-ġimgħa stess se jkun qed jilqa’rappreżentanti minn ħames pajjiżi taħt progett EU Local. Għal dan il-proġett, il-Kunsill irċieva diġa €6000 u se jirċievi €9000 oħra fl-aħħar tal-proġett. Dan ma kienx l-unika proġett u kważi kull sena sar proġett jekk mhux aktar minn proġett wieħed. Il-Kunsill fil-fatt irnexxielu wkoll jagħmel proġett bħala lead partner ukoll fejn kienu issieħbu erba’ pajjiżi oħra fl-istess proġett. Il-Kunsill saħansitra tella’ studenti barra minn Malta biex jistudjaw fuq proġett ta’ tibdil ta’ klima. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispiża tal-Kunsill Lokali kull sena sas-sena l-oħra, fir-rigward ta’ dan id-douzelage.
Dan id-douzelage huwa attiv ferm u ħalla ħafna frott. Ovvjament, il-Kunsill irid jaħseb għaliex xi darba se jkollu jorganizza il-Laqgħa Ġenerali Annwali li ssir kull sena u li jrid japplika bil-quddiem biex jikseb il-fondi u possibilment l-għajnuna tal-Ġvern Ċentrali.
MCCAA – lmenti dwar kanċellament mir-Ryanair ta’ ċertu flights
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1719, jista’ l-Ministru jispjega x’miżuri qed jittieħdu mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex dawk il-konsumaturi li m’għandhomx aċċess għal Facebook, huma wkoll ikollhom aċċess għal informazzjoni msemmija fit-tweġiba?
Response (BONNICI, OWEN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-konsumaturi li m’għandhomx aċċess għal Facebook qed jiġu nfurmati permezz ta’ programmi fuq il-media u artikli fil-gazzetti. Jeżisti numru freephone 80074400 fejn in-nies jistgħu jċemplu għall-iktar informazzjoni.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – press releases
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena 2014 sad-data ta’ din il-mistoqsija, xahar b’xahar kemm il-press release ħarġet id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) dwar deċizjonijiet finali tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur li ma ġewx onorati min-negozjant li kontrih ingħatat id-deċizjoni? Jista' jgħid mill-bidu tal-2014 sad-data ta’ din il-mistoqsija, xahar b’xahar jekk kienx hemm xi deċizjonijiet finali tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur li allura ma ġewx onorati min-negozjant li kontrih ingħatat id-deċizjoni li dwarhom ma inħarigtx press release? X’kriterji huma segwiti mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) f’ħdan l-MCCAA biex jinħargu press releases dwar d-deċizjonijiet finali tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li m’hemmx każijiet fejn ma nħargitx press release fil-konfront tan-negozjanti li ngħatat deċiżjoni kontrihom u li ma mxewx mad-deċiżjoni. Hemm 6 każijiet pendenti li qed naħdmu fuqhom biex in-negozjanti jimxu mad-deċiżjonijiet maħruġa fil-konfront tagħhom. Fil-każ li dawn ma jonorawx id-deċiżjoni li ngħatat, ma jkunx hemm triq oħra ħlief li noħorġu public warning.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex numru ta' ħaddiema ġewwa Heritage Malta ġew mogħtija transfers jew ossija ġie revokat id-dettaljar tagħhom ftit wara l-elezzjoni ta' Ġunju 2017? Jista', fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru ma jgħidx sempliċiment li t-transfers ingħataw skont l-esiġenzi tas-servizz imma jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar il-ħtieġa ta' dawn it-transfers?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li revocation of detailing sar sabiex Heritage Malta jindirizza ħtiġijiet tal-operat tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem kellha Heritage Malta fil-15 ta' Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema kienu impjegati diretti ta' Heritage Malta, fuq secondment jew mal-IPSL (illum RSSL)? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu nisa, il-grad tagħhom kif ukoll il-livell tal-edukazzjoni li jħaddnu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-15 ta’ Marzu 2013 Heritage Malta kellha 293 impjegat. 86 minnhom nisa u 207 irġiel. Il-livell ta’ edukazzjoni qiegħed spjegat iktar dettaljat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ċentru tal-Viżitaturi f’Ħaġar Qim u reception tal-Palazz tal-Inkwiżitur – air conditioners
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb sabiex jiġu stallati air conditioners fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ġewwa Ħaġar Qim kif ukoll fir-reception tal-Palazz tal-Inkwiżitur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proċess sabiex jiġu nstallati air conditioners fiż-żewġ siti diġà beda. Dan se jkun proċess twil minħabba d-diffikultajiet prattiċi ppreżentati mis-siti msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'Heritage Malta fi grad ta' Coordinator? Jista' jgħid kemm minnhom għandhom diploma qualification jew ċertifikat f'livell MQR 4?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fi ħdan Heritage Malta hemm 21 impjegat fil-grad ta’ Coordinator, li minnhom hemm ħdax li għandhom livell ta’ MQR 4.
B'referenza għal sejħiet futuri li Heritage Malta għad trid toħroġ għal grad ta’ conservator, jista’ l-Ministru jassigura li kull persuna li tingħata din ir-responsabilità jkollu kwalità ta' livell MQR 6 fuq is-suġġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kull darba li Heritage Malta timpjega xi konservatur dan dejjem isir b’osservazzjoni sħiħa tal-obbligi legali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta qatgħet għal kollox l-appoġġ li tagħti lil istaff tagħha sabiex jorganizzaw avvenimenti għall-impjegati tagħha stess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-għajnuna li Heritage Malta kienet tagħti lill-istaff rigward attivitajiet għall-impjegati qatt ma naqset.
Avukat Ġenerali – użu ta’ Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni intuża mill-Avukat Ġenerali biex jinħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni mill-1988 sa Marzu 2013?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Membru illi minkejja tfittxijiet u mistoqsijiet lil persuni li kienu jokkupaw il-kariga t’Avukat Ġenerali matul il-perjodu indikat fl-interpellanza (u li għadhom ħajjin) ma ġew rintraċċjati ebda każijiet fejn intużat il-fakulta’ tal-Avukat Ġenerali li joħroġ tali ċertifikat t’immunita’ fil-perjodu indikat.
Avukat Ġenerali – użu ta’ Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ntuża mill-Avukat Ġenerali biex jinħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-lum l-Avukat Ġenerali ħareg ċertifikati lil persuni taħt l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni biex dawn il-persuni jixhdu fi proċeduri kriminali taħt immunita minn prosekuzzjoni dwar atti ta’ korruzzjoni fis-segwenti dati u kwantitajiet:
6 persuni – fil-5 ta’ Marzu 2014
15-il persuna – fit-18 ta’ Gunju 2014
18-il persuna – fl-1 ta’ Lulju 2014
10 persuni – fil-15 ta’ Dicembru 2014
11-il persuna – fis-16 ta’ Marzu 2015
Persuna wahda fit- 3 ta’ Marzu 2017.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-tkaxkir tas-saqajn biex l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Lawyer’s Act, jiġi ppublikat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. membru illi fuq il-Lawyers Act ma hijiex kwistjoni ta’ ‘tkaxkir ta’ saqajn’ kif jiddeskriviha hu iżda ta’ nuqqas ta’ qbil fuq ċerti proposti dwar l-organiżazzjoni tal-professjonijiet legali fejn jidher illi d-dibattitu għad irid jevolvi, inkluż minn membri ewlenin fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li privatament urewni tħassib kbir dwar uħud mill-proposti. Il-Gvern jittama illi fuq dan is-suġġett ikun jista’ jsir progress fl-interess tal-professjoni legali u tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-limitu ta' introjtu li hu eżentat minn freezing orders, stabbilit fl-1986, għandux ikun rivedut?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif qed jindika tajjeb l-Onor. Interpellant, il-Ligi ilha stabbilita mill-1986, seba’ amministrazzjonijiet ‘il boghod minn dik attwali u li jinkludu wkoll dawk fejn kien membru prominenti l-istess Interpellant. L-informazzjoni li għandi hi li l-Art 5(1) tal-Kap 373 u l-Art 22 A(1) tal-Kap 101, persuna li tkun inħargitilha ordni ta’ ffriżar fil-konfront tagħha tkun intitolata, fejn ikun hemm mezzi biżżejjed, għal €13,976.24 fis-sena. Jien miftuħ għal kwalunkwe suġġerimenti dwar dan is-suggett, inkluz il-pozizzjoni ufficjali tal-Oppozizzjoni dwar dan il-punt.