Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sit uffiċjali tal-Gvern — ismijiet ta' membri appuntati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għala s-sit ufficjali tal-Gvern (www.gov.mt) m’għadux juri l-ismijiet tal-membri appuntati mill-Gvern tal-aġenziji u bordijiet tal-Gvern?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9032.

Avviż Nru 752 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9899 mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2023, jista’ l-Prim Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli għal dawn il-ħatriet peress li mill-imsemmi avviż nru 752 imkien ma hemm indikat la min hu l-Ministru responsabbli u lanqas l-istrument legali jew liġi li a tenur tagħha saru dawn il-ħatriet?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru responsabbli għal dawn il-ħatriet huwa dak għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – konsulenti legali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – membri ta’ bordijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri preżenti kollha ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż iċ-Chairperson u s-Segretarju/a? Jista' jgħid x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull persuna fil-bord jew entità rispettiva?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu t-total ta' ħaddiema fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnu fl-aħħar ta' Mejju 2023 u kemm minnhom kienu ċittadini Maltin?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li hemm 466 ħaddiem kollha ċittadini Maltin fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – kuntratti mogħtija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri; ċ. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (ABELA, ROBERT)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabeż l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali — kuntratti mogħtija

Question

Jista' l-Prim Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri; ċ. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (ABELA, ROBERT)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabeż l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.

Tribunal Industrijali — Każijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali sal-aħħar ta’ Mejju 2023, kemm daħlu każijiet ġodda fis-sena 2022 u kemm ġew deċiżi sal-aħħar tal-2022? Kemm huma l-aktar każijiet li ilhom pendenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju, 2023 kien hemm 241 każ pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali. Fl-2022 daħlu 92 każ ġdid u sal-aħħar tal-istess sena kienu ġew deċiżi 85 każ. Każi pendenti jmorru lura sal-2021 apparti tlett eċċezzjonijiet .

Memorandum of Understanding dwar l-enerġija u interconnector elettriku

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding li ħabbar li ġie ffirmat mal-Gvern Libjan dwar l-enerġija u interconnector elettriku?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Onor. Interpellant diġà kien ikkuntatjat biex ikun jista’ jara dan il-Memorandum of Understanding.

Prim’Awla Sede Kostituzzjonali – kawżi pendenti kontra l-Avukat tal-Istat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9466 mogħtija fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju, 2023, tenut kont tan-numru konsiderevoli ta’ kawżi li hemm pendenti dwar l-allegat ksur tal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni, fejn jidher li l-poteri ta’ diversi regolaturi taħt diversi liġijiet li jimponu sanzjonijiet, inkluż penalitajiet sostanzjali, qed jiġu ddikjarati mill-qrati li huma bi ksur tal-istess artikolu 39(1), jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed iqis x’passi leġiżlattivi jistgħu jittieħdu biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 8109.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — rata ta’ pagi lill-ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-paga fis-siegħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imħallsa lill-ħaddiema kollha (elenkati skont ix-xogħol jew kif ġew ippubblikati l-offerti) li huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u jipprovdu servizz għall-Ministeru u l-awtoritajiet kollha, entitajiet tal-Gvern u kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li r-rata ta' pagi fis-siegħa u kundizzjonijiet tax-xogħol ta' aġenziji tax-xogħol huma regolati minn ċirkolarijiet fis-sena li joħorġu mid-Dipartiment tal-Kuntratti bit-tema "Award of service contracts and pegged rates". Għas-snin imsemmija ċ-ċirkolarijiet pertinenti huma 20/2018,17/2019,20/2020,21/2021, 4/2023 u 5/2023 li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct Orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders u kemm kien l-ammont totali tal-valur tagħhom, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul l-2022, xahar b'xahar?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 7466.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — persuni li għandhom car allowance

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom car allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fis-Servizz Pubbliku kollu fil-preżent hemm 499 impjegat li għandhom car allowance. L-informazzjoni rigward l-gradi u kemm hu l-allowance qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li fid-diversi taqsimiet relatati mal-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru hemm 21 persuna li għandhom car allowance li tvarja bejn €1,864 u € 4,659 fis-sena.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — vetturi mikrija

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9733 u jgħid kemm vetturi ġew leased/mikrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż mill-entitajiet u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew leased/mikrija, mingħand min, kemm jiswew kull sena u min jużahom?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għar Lapsi — pavimentar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti istruzzjoni lil Infrastructure Malta biex tneħħi t-tarmak li tpoġġa fin-niżla ta’ Għar Lapsi u minflok tagħmel pavimentar addattat għall-ambjent bħalma wieħed jistenna?

Response (ABELA, ROBERT)

Għandi nifhem li l-Onor. Interpellant għamel domandi u talab spjega dwar is-suġġett lill-Ministru kkonċernat.

Servizz Pubbliku – polza ta’ assikurazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk teżistix xi polza ta’ assikurazzjoni jew kopertura oħra simili biex tkopri lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku kontra kull eventwalità jekk huma jagħtu l-ewwel għajnuna lil persuni oħrajn waqt il-ħin tax-xogħol fis-Servizz Pubbliku?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali pubbliċi li jagħtu l-ewwel għajnuna lil persuni oħra waqt il-ħin tax-xogħol huma koperti mill-providementi legali fis-seħħ minn żmien għal żmien b’mod partikolari bl-aħħar emenda legali magħrufa bħala the “Good Samaritans Acts”.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Rwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-individwu, li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ma huwa membru tal-ebda bord li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali - rwol ta' individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-individwu, li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ma huwa membru tal-ebda bord li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali.

Ministeru għal Għawdex – sejħa pubblika ta’ Headship Positions

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub, bejn wieħed u ieħor, li tinħareġ is-sejħa pubblika ta' ‘Headship Positions’ (DGs u Diretturi) fi' ħdan il-Ministeru għal Għawdex, peress li ħafna minn dawn il-‘Headship Positions’ fil-ġimgħat li ġejjin jiskadi t-terminu tagħhom? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li fil-futur qarib jinħolqu karigi ġodda ta' ‘Headship Positions’ (DGs u Diretturi) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u jekk iva, liema se jkunu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi għadha kif inħarġet sejħa għal headship positions li tkopri 14-il Ministeru u madwar 70 pożizzjoni. Hekk kif jingħalaq dan il-proċess tinħareġ sejħa oħra skont pjanijiet li jiġu diskussi u approvati u skont esiġenzi tas-servizz. Dan huwa proċess kontinwu li jsir diversi drabi matul is-sena.

Awtorità li tinforza l-Att dwar il-Condominia

Question

B’referenza għall-Att dwar il-Condominia, fejn l-inkwilini huma obbligati bil-liġi li jkunu membri f’kondominju, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema hija l-awtorità li tara li din il-liġi qed tiġi osservata?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-awtorita responsabli mill-Att dwar il-Condominia hija l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet fi ħdan il- Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet.