Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14325 u jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid:
a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva?
b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-Segretarjat tal-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra. L-istess fil-każ ta’ ingaġġ ta’ konsulenza.
Mill-bqija, karigi oħrajn fil-Ministeru tiegħi huma dawk ta’ Client Relations Officer, tliet Receptionists/Clerks, Office Management Assistant, PA to the Ministry Coordinator, żewġ PAs to the CEO, Pharmacist, Nurse Care Coordinator, Ministry Coordinator, Officer in Charge of Customer Care, erbgħa Customer Care Officers, Transport Coordinator, żewġ Coordinating Officers, sitt Messengers/Drivers u 1 Driver and support Services, ħames Security Support Officers, Maintenance Person u Maintenance coordinator, Clerk u Registry Clerk, HR Support Assistant, Customer Care coordinator, Operations Support Officer, Head of Customer Care, tliet Corporate Officials, Out of Stock Coordinator, Research Analyst, Sourcing Executive, Laboratory Operator, Customer Care and PR Executive u żewġ Customer Care Attendants.
B'referenza għas-sitwazzjoni kawżata minn COVID-19, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jispjega lill-Parlament dan li ġej: Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjonijiet separati għal Malta u għal Għawdex dwar
a) liema servizzi ta' terapija għall-persuni b'diżabilità waqfu jingħataw;
b) liema minn dawn is-servizzi għad ma reġgħux inbdew;
c) kemm persuni b'diżabilità intlaqtu mis-servizzi li twaqqfu;
d) x'qed isir jew x'sar biex il-konsegwenzi kawżati mill-interruzzjoni tas-servizzi, tiġi limitata kemm jista' jkun;
e) kif qed jiġu megħjuna l-persuni b'diżabilità issa li l-miżuri restrittivi qed jiġu rilassati u dawn il-persuni jridu jkomplu b'ħajjithom bħal bqija tan-nies; u
f) ma’ liema aġenziji jew assoċjazzjonijiet ikkonsulta l-Gvern biex jara li verament jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li fiċ-Ċimiterju tal-Mosta jsir il-manutenzjoni li kienet ippjanata li ssir biex tinbidel ir-rampa li tinsab wara l-kappella? Jista’ jikkunsidra li dan iċ-Ċimiterju jingħata l-isem ta’ Ċimiterju Ragħaj it-Tajjeb?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi diġa ġiet sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorita` tal-Ippjanar sabiex tittranġa r-rampa ta’ wara l-kappella fiċ-ċimiterju tal-Mosta. Bħalissa d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għaddej fil-proċess li jirċievi l-kwotazzjonijiet sabiex ix-xogħolijiet neċessarji jkunu jistaw isiru.
COVID-19 — Dipartiment tas-CPSU – nefqa f’overtime
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus f’overtime fis-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) waqt il-COVID-19? Jista’ wkoll jagħti rendikont tal-ispiża li ntefqet sabiex inkrew ċertu laptops biex il-maġġoranza tad-Dipartiment jaħdem mid-dar? Mingħand min inkrew dawn il-laptops?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ntefqet l-ebda spiża fir-rigward ta’ kiri tal-laptops peress li dawn il-laptops ġew mislufa internament minn dipartimenti oħrajn. Ninfurmah ukoll illi minn Frar sal-ahhar t’April ta’ din is-sena, l-ammont ta’ €69,324 intefaq f’overtime mid-dipartiment tas-CPSU. Dan l-overtime huwa relatat maż-żieda fl-attività għat-tħejjija għal COVID-19. Is-CPSU ġie assenjat biex jgħin lill-Gvern kollu bl-Akkwist u l-Provvisti tal-Ilbies Protettiv Personali flimkien ma’ provvisti relatati ta' trattamenti, tagħmir, servizzi u xogħlijiet.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jeżistiex forma ta’ inventarju fis-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) għax minn informazzjoni li għandi, dan l-eżerċizzju ilu ma jseħħ snin? Għaliex l-inventarju tal-post mhuwiex aġġornat speċjalment meta dan id-dipartiment huwa inkarigat mix-xiri u l-ksib ta’ mediċini u materjal ieħor?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-Central Procurement and Supplies Unit jeżisti inventarju sħiħ, komplet u li jiġi aġġornat perjodikament hekk kif mitlub mir-regolamenti finanzjari tal-gvern Malti u skont il-bżonnijiet tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
Ġaladarba ingħad li hemm studji xjentifiċi u risk assessment kontinwu, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti d-data ta’ meta ser jingħata l-permess li jinfetaħ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta baqa’ miftuħ għal vjaġġi ta’ merkanzija, għal titjiriet ta’ ripatrijazzjoni kif ukoll għal okazzjonijiet eċċezzjonali oħrajn.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn wasal il-proċess tal-konvenji ta’ diversi oqbra fiċ-ċimiterju tal-Addolorata u jekk hemmx xi idea ta’ żmien ta’ meta ser isiru l-kuntratti ta’ dawn l-istess oqbra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa ġew iffirmati total ta’ elf ħames mija u għoxin (1520) konvenju dwar xiri t’oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata. Ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-estenzjoni taċ-ċimiterju qiegħed fi stadju avvanzat u dalwaqt jibdew isiru l-ewwel kuntratti.
B’referenza għar-rapport Bathing Water Monitoring Programme 2020 (18-24 May 2020) maħruġ mid-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għal-liema raġuni dawn il-bajjiet (jew partijiet minnhom) ma laħqux l-istandard ta’ eċċellenza tal-bajjiet l-oħra?
a. B’Bugia (St George’s Bay – A 10 & A11)
b. Xgħajra (A02)
c. Golden Bay (C05)
d. Mellieħa Bay (C11)
e. Salini (C31)
f. Balluta Bay (B08)
g. Spinola (B07)
Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm periklu għas-saħħa ta’ min mar jgħum? Jekk iva x’tip ta’ periklu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kull sena hekk kif jibda l-istaġun tal-għawm joħroġ rapport kull gimgħa fuq il-monitoraġġ tal-kwalita` tal-ilma baħar minn 87 sit madwar Malta u Għawdex.
Mill-kampjuni tal-ewwel ħmistax tal-ittestjar li bdew fl-ewwel ġimgħat ta’ Mejju, 78 minn dawn is-siti huma klassifikati bħala ta’ livell eċċellenti.
Ninfurmaha ukoll illi fis-87 siti kollha ma kien hemm l-ebda periklu għal min mar jgħum fihom.
Nfakkarha illi f’każ li jkun hemm xi tip ta’ periklu jew riskju, dan id-Direttorat għandu l-obbligu li jagħlaq dik jew dawk iż-żoni affetwati u jinforma lill-pubbliku kemm billi jwaħħal tabelli fil-post kif ukoll billi joħroġ stqarrija fil-media.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm suwiċidji kull xahar minn Jannar 2019 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-imwiet kien hemm 23 mwiet minn suwiċidji f’residenti f’Malta u Għawdex matul is-sena 2019 kif ukoll 6 mwiet matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2020. Minn dawn 4 kienu nisa u 25 kienu raġel.
Dawn huma maqsuma skont it-tabella hawn taħt:
Perjodu
numru ta' mwiet
Jannar-Marzu 2019
8
April-Ġunju 2019
5
Lulju-Settembru 2019
6
Ottubru-Diċembru 2019
4
Jannar-April 2020*
6
* hemm ċertifikati tal-mewt li għadhom provviżorji u qed jistennew aktar investigazzjonijiet
Persuni li talbu għajnuna minħabba problemi ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li talbu għall-għajnuna minħabba problema ta’ saħħa mentali kull xahar minn Jannar 2019 sa kemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Jannar tal-2019 u l-aħħar t’April ta’ din is-sena, t-total ta’ pazjenti ġodda li ġew ammessi fl-isptar Monte Karmeli kien ta’ 2,482, n-numru ta’ każijiet ġewwa l-CYPS kien 471, 498 persuni li ġew referuti għas-servizz ta’ psycologist fl-isptar Monte Carmeli, kien hemm ukoll 2,077 persuni li għal ewwel darba ħadu servizz mis-Psychiatric Outpatient Department ta’ Mater Dei u mill-kliniċi taċ-ċentri tas-saħħa. Ninfurmaha ukoll illi bejn Marzu u Mejju ta’ din is-sena kien hemm 338 persuna li esperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali u rrikorrew għal għajnuna permezz tal-helpline 1770.
Ħaddiema tas-Servizz tas-Saħħa – użu tal-Employee Support Services
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm ħaddiema tas-servizz tas-saħħa (primarjament nurses u midwives) li għamlu użu mis-servizz tal-Employee Support Services offrut min-Nursing Services Directorate?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Employee Support Services ma jagħmilx parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.
Dan is-servizz huwa anonimu. L-impjegati li jagħmlu użu minnu m'għandhomx il-ħtieġa li jinfurmaw lill-Ministeru rispettiv għalhekk l-Ministeru għas-Saħħa ma għandu l-ebda informazzjoni jew data.
Ħaddiema tas-Settur tas-Saħħa – sapport morali u psikoloġiku
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ sapport (morali u psikoloġiku) qed jingħata lill-ħaddiema tas-settur tas-saħħa marbut mal-ħidma tagħhom tul il-pandemija tal-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sabiex ikun jista’ jingħata sapport morali u psikoloġiku lill-ħaddiema, wieħed jista’ jirreferi għas-servizz tal-Employee Support Services. Apparti minn hekk, f’każ ta’ ħtieġa/appoġġ urġenti, l-frontliners huwa possibbli li jagħmlu użu ukoll mis-servizzi tad-Dipartiment tal-Psikoloġija tal-isptar Mater dei. Matul il-pandemija tal-COVID 19 saru ukoll diversi sessjonijiet dwar resilience u self care lill-ħaddiema f’numru ta' dipartimenti li huma frontliners.
Bħal ma dejjem isir, baqa’ ukoll jingħata appoġġ speċifiku u assistenza lill-professjonisti li għandhom bżonn appoġġ fejn għandu x’jaqsam l-holistic wellbeing tagħhom (fiżiku, mentali, emozzjonali, soċjali, u spiritwali kif ukoll dwar il-mediċina).
Jista' l-Ministru jara li l-vaċċin Prevnar, issa li ġie mħabbar li ser tingħata b'xejn mill-Gvern, tingħata b'xejn wkoll, fid-doża li jonqoshom, lil dawk li laħqu ħadu xi parti minnha? X'jistgħu jagħmlu dawk li laħqu ħallsu u ħadu xi parti minn din il-vaċċin Prevnar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-4 ta’ Mejju ta’ din is-sena ġiet introdotta tilqima ġdida fl-Iskema Nazzjonali tat-Tilqim Maltija. Din hi t-tilqima kontra il-pneumococcus. Dan il-mikrobu jista’jikkawża meninġite jew infezzjoni fid-demm (septicaemia) speċjalment fit-tfal ta’ taħt is-sentejn. It-tilqima tilqa’ kontra 10 tipi ta’ pneumococcus u jisimha Synflorix™. Qed tingħata lil tfal ta’ xagħrejn, b’doża oħra ta 4 xhur u t-tielet doża ta’ sena. Dawk it-tfal li diġa ħadu xi doża/dożi mill-vaċċin Synflorix™ fil-privat, issa se jkunu jistaw ikomplu jieħdu l-kumplament ta’ din it-tilqima mingħajr ħlas.
Minn-naħa l-oħra hu rrakommandat mill-awtoritajiet tas-saħħa internazzjonali li wieħed għandu jkompli l-kors ta’ tilqim bl-istess tip ta’ vaċċin li jkun beda’ bih u allura min ikun beda’ kors tilqim ta’ ditta oħra qed jingħata l-parir li jispiċċa dan il-kors.
Jista' d-Depuat Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, in-numri ta' persuni li mietu f'xi wieħed mill-isptarijiet u/jew kliniċi f'pajjiżna, xahar b'xahar minn Jannar 2016 sa April 2020? Jista' jaqsam l-informazzjoni skont il-cause of death?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli illi skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet, in-numri ta' persuni li mietu f'xi wieħed mill-isptarijiet u/jew kliniċi f'pajjiżna, xahar b'xahar minn Jannar 2016 sa April 2020 hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt.Ninfurmah ukoll illi l-informazzjoni mitluba minnu fit-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Xahar
2016
2017
2018
2019
2020
Jannar
261
310
292
325
289
Frar
212
239
256
247
211
Marzu
179
201
237
262
226
April
184
204
207
236
187
Mejju
195
199
222
208
-
Ġunju
165
176
201
214
-
Lulju
188
175
202
187
-
Awissu
172
188
181
177
-
Settembru
192
164
181
181
-
Ottubru
198
184
185
182
-
Novembru
191
218
204
208
-
Diċembru
217
236
233
223
-
Total
2354
2494
2601
2650
-
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14114, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallset il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’direct orders mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, u għal xiex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minkejja fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 14114 l-kumpanija msemmija minnu separatament hija mniżżla, jirriżulta li ma ngħata l-ebda direct order lilha imma inxtara tagħmir relatat mal-pandemija tal-Covid 19 permezz tal-proċedura ta’ direct negotiation, skont ir-regolamenti tal-Public Procurment.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallset il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’direct orders mill-1 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2019, sena b’sena, u għal xiex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ngħata l-ebda direct order lill-kumpanija msemmija separatment fis-snin indikati minnu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallset il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’direct orders mill-1 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2019, sena b’sena, u għal xiex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallset il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’direct orders mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, u għal xiex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba minnu fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn ġiet irrilokata temporanjament il-Gżira Primary Health Centre? Dawn il-premises inxtraw jew inkrew? Jekk inxtraw, kemm ġew jiswew? Jekk inkrew, kemm hi l-kirja kuljum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-ftehim?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li qed isir xogħol estensiv ta’ rinovar u tiġdid fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, numru sostanzjali ta’ servizzi offruti minn dan ic-Ċentru sal-14 ta’ Mejju 2020, mill-15 ta’ Mejju bdew jiġu offruti temporanjament minn sit fi Triq San Albert, daqs 150 metru ‘l bogħod minn dan iċ-Ċentru tas-Saħħa. Servizzi oħrajn li normalment jingħata appuntament għalihom, qegħdin jingħataw minn ċentri tas-Saħħa oħra. Dan is-sit ġie mikri għal sena mingħand il-Kunsill Lokali tal-Gżira.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ġiet admitted l-Isptar Monte Karmeli l-pazjenta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Att dwar is-Saħħa Mentali huma fis-seħħ, informazzjoni personali kif qed jitlob hu ma tistax tingħata sakemm ma jingħatax permess speċifiku mill-pazjent innifsu jew mill-carer responsabbli maħtur mill-pazjent innifsu.