Jista' l-Ministru jgħid kif tinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja u liema oġġetti/servizzi essenzjali jittieħdu in konsiderazzjoni inkluż l-weighting li jingħata lil kull wieħed?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ż-zieda għall-għoli tal-ħajja tirrifletti l-Ftehim Nazzjonali dwar Relazzjonijiet Industrijali milħuq f’Diċembru 1990.
Il-metodoloġija għall-komputazzjoni għall-għoli tal-ħajja hi bbażata fuq żviluppi inflazzjonarji stmati abbażi tal-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI). L-eżerċizzju jeħtieġ l-komputazzjoni tal-12-il xahar rata ta’ inflazzjoni li jiċċaqilqu (
moving average
), definita bħala l-bidla perċentwali bejn il-medja f’RPI f’aħħar 12-il xahar sa Settembru tas-sena u l-medja tal-perjodu komparabbli preċedenti.
Din ir-rata tal-inflazzjoni mbagħad tiġi applikata fuq il-paga bażi u l-figura tiġi aġġustata għall-eqreb Lm0.25 sabiex tinkiseb il-figura finali li tingħata bħala żieda. Mill-adozzjoni tal-Euro bħala l-munita nazzjonali, il-komputazzjoni għall-għoli tal-ħajja ewwel tiġi komputata f'Lm u mbagħad maqluba f'Euro.
Peress li ż-żieda fl-inflazjoni tinħadem fuq l-RPI, il-
weightings
huma pre-determinati kif stabiliti mill-formulazzjoni ta’ l-istess RPI.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31752 u jgħid kemm ilma ġie trasferit minn Malta għal Għawdex kull sena mill-2009 sal-2011? Jista’ jagħti din l-informazzjoni xahar b'xahar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-volum ta’ drenaġġ iġġenerat kull sena f’Malta u f’Għawdex separatament mill-2000 sal-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha records biss mill-2007 ‘l quddiem dwar kemm jinġabar drenaġġ fis-sena. Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dejn pubbliku konsolidat u tal-gvern ġenerali kellux jiżdied matul l-2011 minħabba s-self li l-gvern ta lill-Airmalta? Jekk iva, b'kemm żdied id-dejn pubbliku ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-effett tas-self tal-Airmalta fuq id-dejn pubbliku ammonta għal 37 miljun Ewro fis-sena 2011.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-assi li għandha l-Air Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni tinstab fl-aħħar Audited Financial Statements tal-kumpanija li ġew ippublikati f’Jannar ta’ din is-sena. Qed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex trinka mħaffra mill-Korporazzjoni Enemalta fi Triq it-Turisti, l-Qawra, tibqa' mhux mogħtija l-aħħar wiċċ, minkejja li x-xogħol fuq il-cable kien lest? Meta tħaffret l-istess trinka?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-aħħar saff ta’ tarmac ġie mgħoti nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Frar u x-xogħol issa tlesta.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li twaħħal arblu tad-dawl quddiem l-istabbiliment tagħha fiż-żona industrijali ta' Ħal Farruġ u qed joħloq inkonvenjent qawwi għall-vetturi li jiġu jidħlu f'dan il-post biex isewwu l-vetturi tagħhom? Jista' jikkunsidra li dan l-arblu tad-dawl jiġi riallokat ftit metri 'l bogħod?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu li jattwa l-master plan fiż-żona eżistenti ta' Ħal Farruġ fejn diversi kumpaniji investew fuq dan il-pjan fejn illum binjiet antiki li suppost kellhom jitneħħew f'dan il-master plan baqgħu hemm u ma jistgħux jaħdmu tajjeb minħabba problemi ta' parkeġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-master plan qiegħda għand il-MEPA sabiex tiġi approvata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30669 u jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isiru pjanijiet mill-Unjoni Ewropea biex jibdew jinġabru taxxi biex imorru direttament għall-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk dawn it-taxxi humiex se jkunu addizzjonali ma' dawk diġà eżistenti jew jekk humiex taxxi li diġà jeżistu u li se jingħataw forma oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhix l-ewwel u l-aħħar darba li ideat fuq riformi li jmissu t-taxxa mħallsa f’pajjizi membri jigu introdotti fl-aġenda ta’ xi wieħed mill għadd kbir ta kumitati tekniċi li jiddiskutu materja finanzjarja. Naturalment il-gvern Malti dejjem jistudja fid-dettal u b’reqqa kbira l-implikazzjonijiet ta suġġerimenti ta din in-natura mill-punto di vista ta’ pajjiż li hu ħerqan jissalvagwardja l-kompetenza li jgawdi f’qasam strateġiku u sensittiv bħal ma hu dak tat-taxxa.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjan, li d-dettaljid waru qed jintbagħtu separatament, li minkejja l-flus li għandu l-bank jaqtgħulu bil-15%, imma minn kemm ilu li ħa ż-żieda spiċċa taxxabli u qed jaqbad inqas mis-sena l-oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.
provvista ta' elettriku- spezzjonijiet fi djar residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jara li xi ħadd mill-Korporazzjoni Enemalta jmur jagħmel spezzjoni fuq il-main tad-dawl tal-anzjan li d-dettlaji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li qed jissuspetta li xi ħadd seraqlu xi fergħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret fil-preżenza tal-konsumatur jirriżulta li l-provvista tal-elettriku qiegħda skont ir-regolamenti tal-elettriku u ma nstab l-ebda rregolarità.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — flus f'konsulenzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jghid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31846 u jagħti lista tal-kumpaniji li l-Malta Enterprise qalet li investew €320 miljuni f'dawn l-aħħar erba' snin? Jista' jagħti breakdown tat-3,200 impjieg li qegħdin jgħidu li ħolqu dawn il-proġetti ġodda?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
estensjoni tal-power station ta' Delimara — informazzjoni dwar il-pipelines
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta bnietx pipeline jew pipelines ġodda li jagħtu għall-estensjoni tal-power station ta' Delimara? Jekk iva, kemm sewa (jew swew) dawn il-pipelines biex inbnew? Minn fejn jagħtu dawn il-pipelines u għal fejn jagħtu dawn il-pipelines? Kif qed jintużaw dawn il-pipelines bħalissa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-kuntratt tal-impjant il-ġdid ġewwa Delimara nbnew numru ta’ pipelines ġodda kif ukoll tankijiet tal-fuel li huma konnessi mas-sistema interna eżistenti tal-power station ta’ Delimara. Dawn kienu parti mill-kuntratt tal-impjant u m’hemmx prezz separat għalihom. Dawn il-pipelines ser jintużaw biex ikun jista’ jitwassal il-fuel mit-tankijiet eżistenti għall-impjant il-ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għadhom qed jistennew li jingħataw lura l-ammont ta’ VAT li huma ħallsu għal funeral ta’ xi qarib tagħhom? Kemm ilhom jistennew biex jingħatw dan ir-refund? Kemm huwa l-ammont globali ta’ refund għal VAT fuq funeral li jridu jingħataw lura mid-dipartiment?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħargu s’issa tenders mill-Malta Enterprise għall-provvista ta’ dawl għal skop ta’ street lighting fl-industrial parks? Jista’ jgħid x’tip ta' dawl u bozoz qed jiġu mitluba għal dan l-istess għan?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-2011 sal-lum, ħarġu żewġ tenders għax-xiri ta’ servizzi, xogħlijiet u provvista ta’ materjal relatat mad-dawl tat-triq fiż-żoni industrijali. It-tip ta’ bozoz li kienu msemmija fl-iskeda tat-tenders kienu:
· Low pressure 90W Sodium lamp (SOX)
· High pressure 70W Sodium lamp (SON)
· High pressure 150W Sodium lamp (SON)
· High pressure 250W Sodium lamp (SON)
· Metal Halide 400 W
· High pressure mercury vapour lamp 125W