Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' interventi li saru matul is-sena li għaddiet biex jiġu maħruġa persuni minn vetturi li kienu involuti f'inċidenti tat-traffiku.?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li matul is-sena l-oħra d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettaq 144 intervent biex jinħarġu persuni minn vetturi nvoluti f'inċident tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' appell tal-persuna, li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, għax huma qed jgħidu li min għamel l-appell diġà instema?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ma hux ċar għal xhix qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant meta jgħid li 'min għamel l-appell warajh diġa' instema' għaliex ma jirriżultalix li l-appell instema’. Il-kawżi, u naturalment anki appelli bħal dawn, jiġu appuntati esklussiżavament mill-Qorti rispettiva u jien ma għandi ebda setgħa li nintervjeni kif suġġerit mill-Onorevoli Interpellant fid-diskrezzjoni tal-Qorti f’dan ir-rigward. B’danakollu jien infurmat li l-appell in kwistjoni jinsab appuntat għas-smiegħ fil-25 ta’ Marzu, 2010.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew le li l-extra li jaħdmu l-pulizija jibda jiġi ntaxxat bir-rata ta' 15% bħala part-time? Ma jidhirlux li dan ikun jagħmel sens meta wieħed iqis illi l-ħlas li jirċievu l-pulizija huma ferm anqas minn dak ta' overtime normali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li mhuwiex possibbli li dħul mill-extra jiġi ntaxxat bl-istess mod daqs li kieku kien xogħol part-time għar-raġuni li dawn is-servizzi jintalbu lid-Dipartiment tal-Pulizija u huwa d-Dipartiment stess li jassenja x-xogħol lill-membri tal-Korp u eventwalment iħallas l-ammont dovut lil min ikun għamel tali xogħol. Ninforma l-Onorevoli Interpellant ukoll li bħalissa qed jiġu studjati r-rati ta’ ħlas għal xogħol ta’ extra duty bil-ħsieb li dawn ikunu jistgħu jirriflettu aħjar iż-żmenijiet preżenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' persuni li jridu jirrpurtaw fuq bażi regolari fl-għasses ta' San Pawl il-Baħar, Melllieħa, Qawra, Mosta u Naxxar?
Kemm minn dawn il-persuni huma Maltin u kemm huma barranin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:-
numru ta' persuni li qed jippreparaw biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' persuni li qed jippreparaw biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru fil-preżent ta' persuni li qed isegwu kors ta' taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija huwa ta' 135, peres li rtiraw erba' studenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-inċidenti fatali li seħħew f'Malta u f'Għwdex matul l-2009 u din is-sena sal-lum?
Fejn seħħew dawn l-inċidenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' inċidenti fatali li seħħew f'Malta u f'Għawdex matul l-2009 u matul l-ewwel xahrejn ta' din is-sena kienu ta' 48 u ta' 7 rispettivament. Dawn seħħew f'dawn il-lokalitajiet:-
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li tiġi riveduta s-sistema tal-maħfriet presidenzjali li allegatament ġiet użata f'mod kemxejn liberali żżejjed fis-snin l-imgħoddija? Liema suġġett għamel aċċenn għalih f'kuntest aktar wiesa' anke l-E.T. il-President tar-Repubblika fil-programm Dissett? Jista' jelenka b'mod ċar il-kriterji li fuqhom isiru rakkmandazzjonijiet simili lill-President tar-Repubblika sabiex dan ma jibqax meqjus miċ-ċittadin komuni bħala suġġett li jista' jiġi trattat b'mod suġġettiv u anke possibilment miftuħ għall-abbuż?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-perċezzjoni (jew impressjoni) li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, li s-sistema tal-Maħfriet Presidenzjali hi b’xi mod liberali, hi għal kollox żbaljata u għalhekk ma jirriżultax li hemm xi ħtieġa li s-sistema kurrenti tiġi riveduta fuq dan il-punt. Il-każijiet li dwarhom issir petizzjoni tant ivarjaw wieħed mill-ieħor, li hu impossibbli li wieħed jelenka ċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jinċidu fuq id-deċizjoni dwar x’rakkmandazzjoni tingħata f’kull każ. Il-kriterju ewlieni hu jekk, tenut kont tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat, tal-proċeduri kriminali in kwistjoni u ċ-ċirkostanzi personali ta’ min jagħmel it-talba kif ukoll dawk tal-vittmi tar-reat, ikunx indikat li għandu jkun hemm maħfra jew temperament fil-piena inflitta mill-Qorti.
Persuni fil-Faċilità Korretiva ta' Kordin — kura l-isptar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni fil-Faċilità Korretiva ta' Kordin li ntbagħtu għall-kura l-isptar matul l-2009? X'nazzjonalità huma? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-nurmu ta' persuni li matul l-2009 bdew jiskontaw sentenza ta' priġunerija u f'liema ċentri ta' korrezzjoni ġew allokati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li ġew ikkundannati u li bdew jiskontaw sentenza matul l-2009 huwa ta' 374. Dawn jinkludu priġuniera li jista' jkun qed jiskontaw aktar minn sentenza waħda kif ukoll priġuniera li bdew u skontaw is-sentenza matul l-istess sena. Dawn jiġu kollha allokati fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni, nisa u rġiel, li ngħataw sentenza sospiża matul l-2009 mill-Qrati ta' Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom qed jissoktaw programmi ta' riabilitazzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mill-Qrati ta' Malta u Għawdex ingħataw 419 u 5 sentenzi sospiżi rispettivament. Ninforma lill-Onorevoli Membru illi dwar il-kumplament tal-informazzjoni mitluba ma tinżammx statistika f'dan ir-rigward.
Victor Tedesco Stadium — kwestjoni bejn uffiċjal tal-Pulizija u uffiċjali tal-MFA
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir investigazzjoni tal-inċident fil-Victor Tedesco Stadium li ġara nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar waqt il-half time tal-logħba Msida SJ kontra Hamrun meta uffiċjal tal-pulizija daħal mingħajr permess fid-dressing room tar-referee u beda għajjat u b’mod aggressiv kellem lill-uffiċjali meta dan ma kellu l-ebda dritt jagħmel hekk? Jista' jgħid ukoll jekk jafx li dan il-membru tal-Korp kważi aggredixxa lil wieħed mill-uffiċjali u nżamm minn pulizija ieħor u membri tal-istess staff tal-Malta Football Association?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qiegħed jiġi investigat.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li jintużaw meta membru tal-korp ikun kiser il-liġi u wieħed jiġi sospiż u l-ieħor le? Għaliex ċerti każi qed idumu s-snin biex jinqatgħu u dan kemm għad-detriment tal-Korp kif ukoll tal-pulizija nnifsu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi meta membru tal-Korp ikun suspettat li kiser il-liġi, jittieħdu proċeduri kif stipulati fir-Regolamenti tal-1999 dwar il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta’ Dixxiplina). Il-kriterji wżati mill-Pulizija jekk membru tal-Korp, suspettat li wettaq delitt, jiġix sospiż jew le, isir skont l-entità tal-każ li jkun qed jiġi akkużat bih. Kemm meta l-każ ikun suġġett ta’ proċeduri quddiem il-Qorti, kif ukoll f’dawk ta’ dixxiplina. Il-Pulizija tagħmel ħilitha kollha sabiex tressaq il-provi tagħha kemm jista' jkun malajr. Fil-fatt dan l-aħħar inħarġu struzzjonijiet sabiex il-Pulizija, f'każi li jinvolvu uffiċjali pubbliċi, jikkonkludu l-provi tagħhom fl-iqsar żmien possibli u mhux aktar tard minn tlett xhur żmien.
Nixtieq ukoll ninforma lill-Onorevoli Membru, li inġibditli l-attenzjoni, illi meta inġabar it-tagħrif sabiex tkun imwieġba il-Mistoqsija Parlamentari numru 14178 li ġiet imwieġba fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa 20 ta’ Jannar 2010, fil-lista ta’ każi ta’ membri tal-Korp tal-Pulzija li għaddejjin proċeduri quddiem il-Qorti imma li m’humiex sospiżi, ġew inklużi żewġ każi fil-fatt li għadhom qed ikunu investigati. Dawn il-każi huma, wieħed ta' kuntistabbli li jidher li huwa akkużat bi stupru u feriti fuq il-persuna u ieħor dwar allegat każ ta’ serq. Hekk kif dawn l-investigazzjonijiet ikunu konklużi u jirriżulta li hemm provi biżżejjed sabiex jinbdew proċeduri kriminali, titkompla kull azzjoni meħtieġa.
Għandu jingħad ukoll, illi l-kuntistabbli li fl-istess tweġiba jidher li huwa sospiż għax għaddej proċeduri kriminali dwar pornografija, dan kien akkużat ukoll b'akkużi ta' stupru.
Jista' l-Ministru jara li tiġi kkunsidrata li parti minn Triq il-Kampnar Bormla (li hi magħmula kważi minn żewġ toroq separati) tingħata isem għal ġieħ Ġulju Cauchi (1829-1904) Bormliż li kien figura ewlenija fil-fondar tal-qniepen f'Malta ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq ma rċieva l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta' Bormla għall-għoti ta' isem lit-triq il-ġdida fil-lokalità.
Jista' l-Ministru jara li tiġi kkunsidrata li xi triq fl-akwati tal-Każin tal-Banda ta' Bormla tingħata isem f'ġieħ Charles Clews?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq ma rċieva l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta' Bormla, għall-għoti ta' isem lit-triq il-ġdida fil-lokalità.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Prim Imħallef jagħtix intervisti lill-Istampa? Jagħti intervisti lix-xandir tal-Istat jew lil xi gazzetta partikolari u għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li m’inix f’pożizzjoni li nagħti tweġiba għall-interpellanza in kwistjoni peress li din il-materja ma taqax taħt il-kompetenza ta’ l-amministrazzjoni tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati każi ta' kuntratti dwar separazzjoni bonarja fl-aħħar tliet snin? Jista' jgħid kemm hemm każi dwar separazzjoni pendenti quddiem il-qorti tal-ġustizzja? Kemm kienu reġistrati każijiet għal separazzjoni sena b'sena fl-aħħar tliet snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Familja hija kif ġej:-
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mhux kull kuntratt ta' separazzjoni approvat jiġi reġistrat mill-ewwel u għalhekk ikun hemm diskrepanzi bejn l-istatistika tal-Qorti tal-Familja u tar-Reġistru Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il għassa tal-pulizija, jew sezzjoni oħra, għandha interrogation room speċifikament destinata għal dan l-użu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-Għasses tal-Pulizija, m’hemmx kmamar destinati speċifikament bħala interrogation room. Ġeneralment l-intervisti ta’ xhieda jew suspettati jsiru fl-uffiċċju ta’ l-iSpettur investigattiv. Madankollu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija hemm sitta. Dawn jintużaw primarjament mit-taqsimiet investigattivi tal-Korp, bħal ma huma is-CID, it-Taqsima ta’ kontra d-Droga, it-Taqsima ta’ kontra l-Vizzji u t-Taqsima ta’ l-Economic Crime. Però meta u jekk ikun meħtieġ, il-Pulizija tad-Distrett jistgħu ukoll jagħmlu użu minn dawn il-kmamar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ma jaħdmu uħud mis-CCTV cameras ġewwa d-Depot u oħrajn mqabbda mad-Depot? X'wassal għal tali nuqqas?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi s-sistema tas-CCTV fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija bħalissa kollha jaħdmu u lanqas ma jirriżulta li dan l-aħħar dawn kienu bil-ħsara. Infurmat ukoll li fejn ikun hemm okkazzjonijiet fejn dawn, bħal kull apparat ieħor, jiżviluppaw ħsarat din tissewwa malajr kemm jista' jkun.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi s-sena l-oħra, fejn il-Qorti sabet ħtija u tat sentenzi relatati ma' vjolenza domestika? Jista' jagħti din l-informazzjoni dwar is-sena l-oħra (2009) xahar b'xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:14986 - Kazijiet ta' Vjolenza Domestika.doc