Legislature:
Category:
Reset
Active:

Port il-Kbir — Shore-to-ship

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22199 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid x’inhuma r-riżultati tal-proġett shore-to-ship fil-Port il-Kbir u jekk verament wassalx għal tnaqqis ta' 90% tat-tniġġis minn vapuri, u kemm tnaqqsu emissjonjiet kemm ilu li ġie inawgurat? Jista’ jgħid ukoll x'inhu l-progress fuq il-proġett shore-to-ship fiż-żona tal-Freeport? Jista’ jipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Provvista Onshore Power Supply (OPS) ġiet introdotta fil-Port il-Kbir fl-2024. Dan jipprovdi lill-bastimenti tal-kruċieri li jsejħu l-Port il-Kbir bl-opportunità li jgħaqqdu l-OPS u jaqilbu l-magni tagħhom, u b’hekk inaqqsu l-emissjonijiet. Il-konnessjoni mal-OPS issir obbligatorja f’Jannar 2030, f’liema punt, il-bastimenti tal-kruċieri kollha se jkollhom jikkonnettjaw mal-OPS. Huwa f’dan il-punt li se jkun esperjenzat tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 90%. Mill-2024 'il quddiem, b’żieda fin-numru ta’ bastimenti tal-kruċieri li jikkonnettjaw mal-OPS, l-emissjonijiet fil-port konsegwentement se jibdew jonqsu sakemm nilħqu l-livelli tal-2030.

Il-Belt Valletta – Tabelli elettroniċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tabelli elettroniċi l-Belt Valletta u fejn jinsabu? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-raġuni għalfejn it-tabella elettronika li tinsab fil-bidu ta’ Triq San Mark, ilha mis-sajf dejjem timmarka l-istess numru ta’ parking spaces?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Belt Valletta hemm tabella elettronika li tinsab fi Triq San Mark. Ninsab infurmat li din it-tabella mhijiex amministrata mill-Ministeru jew xi entità fi ħdan il-Ministeru.

Residential Parking Schemes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24162 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23683 dwar ir-residential parking schemes, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex it-talba ma ġietx approvata għal kull lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-iskema ilha sospiża mill-2013 wara deċiżjoni li ttieħdet minħabba t-tħassib mifrux dwar il-mod kif kienet ġiet implimentata. Il-Ministeru huwa konxju li din l-iskema tista’ ma tkunx l-iktar soluzzjoni adegwata, u għaldaqstant, bħalissa mhux jiġu kkunsidrati talbiet għal din l-iskema. Ladarba jiġu identifikati soluzzjonijiet aktar effettivi u sostenibbli biex jitjiebu s-sistemi tal-parkeġġ b’mod ġenerali, il-Ministeru jkun f’pożizzjoni li jikkollabora mal-Kunsilli Lokali sabiex jipproponi inizjattivi ġodda li jindirizzaw b’mod ħolistiku l-ħtiġijiet tal-komunità.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Dikjarazzjoni tal-Assi għas-sena 2023

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għas-sena 2023?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24591.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Konverżjoni – Tabelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta approvatx li fi Triq il-Konverżjoni, San Pawl il-Baħar, isiru sinjali ta’ passaġġ bir-riġel fuq il-bankina, kif ukoll tabella li turi li jista’ jsir parkeġġ fuq il-bankina fl-istess triq, u dan minkejja li hemm il-garaxxijiet? Jekk iva, meta ġew approvati dawn is-sinjali u tabelli? Min implimentahom? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument ta’ dawn l-approvazzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Publiċi — Skemi għal kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24167 u jagħti tagħrif dwar liema skemi nħarġu mill-Ministeru tiegħu, u li għalihom setgħu japplikaw il-kunsilli lokali matul is-snin 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi, separatament għal kull skema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali jistgħu jitolbu li jsir xogħol fil-lokalità tagħhom billi jimlew eform jew jagħmlu talba abbażi ta’ Memorandum of Understanding li kien ġie ffirmat fl-2024. Il-kunsilli lokali li applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi huma: Kunsilli Lokali li applikaw fuq eforms huma: 2023: Balzan, Birżebbuġa, Bormla, Fgura, Għargħur, Gżira, Iklin, Isla, Marsaxlokk, Mdina, Mellieħa, Mosta, Msida, Qormi, Qrendi, San Ġwann, Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Tarxien, Żabbar, Żejtun, Żurrieq 2024: Attard, Balzan, Birgu, Birżebbuġa, Bormla, Fgura, Floriana, Għargħur, Għaxaq, Gżira, Kalkara, Kirkop, Luqa, Marsa, Mdina, Mellieħa, Mġarr, Mosta, Mqabba, Marsaskala, Msida, Raħal Ġdid, Pembroke, Qormi, Qrendi, Rabat, Safi, San Ġwann, Isla, Siġġiewi, Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Santa Luċija, Tarxien, Valletta, Xgħajra, Żabbar, Żebbug, Żejtun, Żurrieq. Kunsilli Lokali li applikaw abbażi tal-Memorandum of Understanding huma: 2023: NIL peress li l-MOU daħal fis-seħħ fl-2024. 2024: Attard, Balzan, Birkirkara, Birżebbuġa, Bormla, Dingli, Fgura, Floriana, Għargħur, Għaxaq, Gudja, Gżira, Ħamrun, Isla, Kalkara, Kirkop, Lija, Luqa, Marsa, Marsascala, Marsaxlokk, Mdina, Mellieħa, Mġarr, Mosta, Mqabba, Msida, Mtarfa, Naxxar, Paola, Pembroke, Pietà, Qormi, Qrendi, Rabat, Safi, San Ġwann, Santa Venera, Siġġiewi, Sliema, San Ġiljan, St. Lucia, San Pawl il-Baħar, Swieqi, Ta’ Xbiex, Tarxien, Valletta, Vittoriosa, Xgħajra, Żabbar, Żebbuġ (Malta), Żejtun u Żurrieq.

Ħal Qormi — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru f'Ħal Qormi sal-aħħar ta' din is-sena? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u jelenka x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Sinjali tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex l-awtoritajiet responsabbli jżommu s-sinjali tat-traffiku f’qagħda tajba? Jista’ jara wkoll li partikolarment is-sinjali fir-ritratti annessi, li qegħdin proprju qrib iċ-Ċentru tat-Test tas-Sewqan fil-Furjana, jinżammu f’qagħda diċenti, hekk kif numru ta’ studenti qed jeħlu mit-test għax ma jimxux ma’ sinjali li lanqas biss jidhru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li se nara li tittieħed azzjoni.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Konsulenti Maltin u barranin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamel użu minnhom minn 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2023? Jista' jgħid ukoll jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz, kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta — Qasma fi tliet entitajiet separati

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjanijiet li jkun hemm qasma ta’ Transport Malta fi tliet entitajiet separati, waħda tirregola t-Trasport, l-oħra l-aspett Marittimu u l-oħra l-Avjazzjoni Ċivili u dan tenendo li l-esperjenza ta’ pajjiżna dejjem kienet li qdejna l-investitur u lil min ġie f’pajjiżna aħjar meta tajna servizz iffokat u speċjalizzat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’entità bħal Transport Malta, ir-ristrutturar huwa xi ħaġa kostanti. Is-servizz lejn l-investitur għadu wieħed mill-aqwa, u ser jibqa’ jitjieb u jispeċjalizza ruħu, irrilevanti tkunx entita’ waħda jew le.

Transport Malta — Settur marittimu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jidħol is-settur marittimu u apparti l-aspett ta’ reġistrazzjoni ta’ bastimenti, x’inhuma l-oqsma ta’ prijorità attwali ta’ Transport Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prijorità ewlenija tad-Direttorat għall-Bastimenti Merkantili hija r-reġistrazzjoni ta’ bastimenti Maltin. Madankollu, dan id-Direttorat għandu wkoll dawn il-prijoritajiet: Taħriġ u ċertifikazzjoni ta’ baħħara (inkluż l-akkreditazzjoni ta’ fornituri tat-taħriġ, korsijiet, u l-organizzazzjoni ta’ eżamijiet); L-iżgurar tal-konformità abbord bastimenti Maltin (Flag State Control) u fuq il-bastimenti kollha fit-territorju Malti (Port State Control); Servizzi oħra ta’ sostenn relatati mar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti. Il-prijoritajiet prinċipali tad-Direttorat għall-Portijiet u l-Yachting huma: Tisħiħ tal-infrastruttura marittima; Promozzjoni ta’ bidla lejn it-trasport marittimu sabiex jitnaqqas it-traffiku fuq it-toroq permezz ta’ diversi servizzi; Konformità mar-regolamenti u d-direttivi relatati mal-emissjonijiet fl-arja, inkluż l-introduzzjoni ta’ alternative fuels ; Promozzjoni tal-użu tal-Provvista ta’ Enerġija mill-Art (Onshore Power Supply) biex titnaqqas it-tniġġis tal-arja fil-portijiet tagħna.

Transport Malta — Settur tal-avjazzjoni ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jidħol is-settur tal-avjazzjoni ċivili u apparti l-aspett ta’ reġistrazzjoni, x’inhuma l-oqsma ta’ prijorità attwali ta’ Transport Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-missjoni tal-Awtorita’ f’dan ir-rigward hija li nattiraw aktar kumpaniji sabiex jiksbu liċenzja ta’ operat minn Malta, jistabbilixxu l-uffiċċji tagħhom f’pajjiżna, u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. Għandna wkoll interess speċjali fit-tisħiħ tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ewlieni għall-kiri tal-ajruplani, b’enfasi fuq l-aspett regolatorju u l-capacity building tad-direttorat.

San Ġwann — Pjazza Awrikarja - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23288 fejn intqal li x-xogħlijiet fil-Pjazza Awrikarja ġewwa San Ġwann kienu sejrin jibdew fil-ġranet li ġejjin u din it-tweġiba kienet mogħtija fi 26 ta’ Novembru, 2024, jista’ l-Ministru jagħti update ta’ fejn waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur jinsab fil-proċess li jibda l-mobilizzazzjoni u jottjenti l-approvazzjonijet neċessarji mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

L-Imġarr – Triq San Pietru – Culverts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24417 u ċjoè: Fid-dawl li fi Triq San Pietru fl-Imġarr u fil-viċinanzi, sar bosta żvilupp ta' bini ġdid waqt li hemm maħsub aktar żvilupp, jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru l-Culverts għax-xita f'din it-triq peress li meta tagħmel ix-xita, bosta basements qegħdin jispiċċaw megħrqa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn assessjar li sar fit-triq imsemmija, irriżulta illi l-qlib tal-ilma hu sodisfaċenti sabiex it-triq pubblika ma tegħriqx bl-ilma, filwaqt li ninnota li l-iżvilupp ta’ bini minn terzi fi triq pubblika għandu jiżgura li tali sitwazzjonijiet ma jiġux esperjenzati mir-residenti.

Sistema ta’ metro

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24057 u jgħid jekk hux se jinbeda x-xogħol fuq is-sistema ta' metro li d-dettalji dwarha kienu ngħataw mill-Gvern ftit tas-snin ilu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi qed jevalwa diversi metodi ta’ trasport tal-massa, kif ġie spjegat waqt it-tħabbira ta’ għadd ta’ miżuri mmirati sabiex itaffu l-problema tat-traffiku. Sadanittant, il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jinsab fil-fażi finali, u fil-ġimgħat li ġejjin, se jibdew jitwettqu l-ewwel miżuri li tħabbru ftit ġimgħat ilu.

LPTS (Y-plates) — Public Service Garage - Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24488 u ċjoè: Peress li l-Avviż Legali 269 tal-2024, Regolamenti tal-2024 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri b’Vetturi Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi, jgħid li operaturi ta' LPTS (Y-plates) li għandhom minn 5 vetturi 'l fuq, kellhom sat-18 ta' Diċembru tal-2024 sabiex jippreżentaw applikazzjoni għal Public Service Garage, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-operaturi kollha li ma kinux konformi ma' dan ir-rekwiżit, inkluż kemm għandu karozzi l-operatur, u meta ġiet sospiża jew revokata l-liċenzja tal-operatur?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Politika Nazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili — Pjan ta' Azzjoni

Question

Jista' l-Minisru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23779, 23975, 24172 u 24236 ċjoè: Peress li l-Politika Nazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili, ippubblikata f'Jannar 2023, tgħid fir-raba' parti li l-Ministeru ma' entitajiet oħra se jistabbilixxi set ta' miżuri li se jiġu formulati fi Pjan ta' Azzjoni li kellu jkun pubblikat sal-aħħar ta' Diċembru 2023, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex pubblikat dan il-Pjan ta' Azzjoni u fejn wieħed jista' jsibu, u jekk ma ġiex pubblikat jgħid x'wassal għal dan in-nuqqas u meta jaħseb li dan se jiġri?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor.. Interpellant li dalwaqt jiġi ppubblikat.