Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26239 u jgħid kemm-il passiġġier għamel użu mill-vannijiet tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fil-Faċilità San Vincenz de Paul minn meta ilu jagħti dan is-servizz sal-lum? Jista' jgħid ukoll x'kien in-numru ta' passiġġiera maqsuma xahar b'xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-informazzjoni miġbura ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pazjenti li jagħmlu użu mill-iskema tal-POYC sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' wkoll jagħti rendikont tal-pazjenti li għamlu użu minn din l-iskema matul is-snin, minn meta ġiet imwaqqfa din l-iskema, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mediċini fuq il-formularju tal-POYC sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' wkoll jagħti rendikont ta' kif żdiedet din il-lista ta' mediċini tul is-snin minn meta ngħata bidu għal dan is-servizz, b'riflessjoni wkoll lejn l-investiment li sar matul is-snin?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li b’kollox hemm 810 prodott mediċinali.
Minn meta’ bdiet il-POYC, fl 2009, kien hemm 191 introduzzjoni ġdida ta’ prodotti medicinali. Fl-2024 ġew introdotti 36 prodott mediċinali ġdid. Din is-sena, diġa ġew introdotti 8 mediċinali ġodda.
Ninsab infurmat li l-introduzzjonijiet ġodda msemmija f’din it-tweġiba jirrefru għall-formularju tal-‘Outpatients’ u ma jurix dawk li jkunu ġew inklużi għall-isptar jew vaċċini.
Skema tal-POYC — Estensjoni tal-lista ta' mediċini
Question
Fid-dawl li reċentement reġa' kien hemm estensjoni tal-lista ta' mediċini fuq il-formularju tal-POYC li tinkludi aċċess aħjar ta' mediċini għall-kura tas-saħħa mentali, jista' l-Ministru jgħid dwar liema mediċina/i ddaħħlu fil-formularju, l-investiment li qed jalloka l-Gvern f'dan ir-rigward u kemm ser ikunu qegħdin igawdu pazjenti minn dan it-tiġdid?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li minn Jannar 2024 sal-lum, kien hemm żieda ta 13-il prodott mediċinali ġdid illi jintuzaw fil-kura tas-saħħa mentali.
Dawn il-mediċini jikkonsistu f’diversi forom ta’ Aripiprazole, Buprenorphine, Buprenorphine u Naloxone, Bupropion u Olanzapine.
L-investiment assoċjat ma dawn l-introduzzjonijiet li semmejna huwa ta’ madwar €2 miljuni u minnu mistenni jibbenefikaw aktar minn 16,000 pazjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni ta' Cystic Fibrosis f'pajjiżna sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' wkoll jagħti rendikont tal-investiment li sar mill-Gvern, maqsum sena b'sena minn meta ddaħħlet din il-mediċina ġdida f'pajjiżna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-pazjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 20 pazjent li qed jieħdu trattament ‘CFTR modulator’ għas-Cystic fibrosis mill- POYC. Madankollu, n-numru totali hu x’aktarx 42 għax hemm pazjenti li għandhom Cystic Fibrosis u ma jieħdux dan it-trattament.
Infurmat ukoll li minn Lulju 2021 meta ddaħlet din il-mediċina ġdida, sar investiment ta’ €10,692,202
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li qed jibbenefikaw mill-continuous glucose monitors (maqsuma f'kategoriji ta' età) u x'inhu l-investiment li diġà wettaq il-Gvern minn meta ġie offrut? Jista’ wkoll jagħti tbassir ta' investiment għas-snin li ġejjin f'dan is-settur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm 1244 pazjent li qed jibbenifikaw mill-continuous glucose monitors, 308 minnhom huma taħt l-24 sena. Minn meta beda jiġi offrut dan is-servizz sal-2024 sar investiment ta’ €9,563,010. Huwa mbassar li sal-aħħar tas-sena tal-2026 jkun hemm investiment ta’ €18,578,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri prospettivi li bħalissa jinsabu għaddejjin mill-proċess tal-IVF sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li minn Awwissu 2024 sal-lum, 560 genitur prospettiv qed jagħmlu użu minn dawn l-proceduri differenti li jinkludu IVF/ICSI, embryo transfers, IUI (intra-uterine insemination), preservar ta’ fertilita (fertility preservation of gametes for future use) kemm ta’ sperma fl-irgiel kif ukoll bajd fin-nisa, surgical testicular aspirations, kif ukoll IVF/ICSI bl-uzu ta’ donaturi identity release.
Dawn il-proceduri huma kollha ffinanzjata mill-Gvern, inkluzi l-procurement ta’ gameti ta’ donaturi. Sal-lum għal dawn il-proċessi ta’ outsourcing diġa nġibu Malta 372 donor oocytes (bajd) minn banek barranin approvati mill-Awtorità Regolatorja Maltija l-EPA.
Jista’ l-Ministru jgħid kif persuni li jieħdu mediċina tal-Calcium 500g darbtejn kuljum u issa nbidlet għal Calcioral D3 tal-1g, jistgħu jkunu jafu x’fiha l-mediċina meta l-letteratura ta’ informazzjoni u l-kaxxa miktuba huma kollha bil-lingwa Griega?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li din l-ordni waslet f’Diċembru 2024, u wara l-approvazzjoni mir-regolatorju, l-POYC ngħata l-pilloli urġenti fl-24 ta’ Diċembru 2024 u fit-13 ta’ Jannar. Il-POYC bagħtet it-traduzzjoni lill-ispiżeriji għal tagħrif dovut lill-pazjenti.
Kopja tat-traduzzjoni qed titpoġġa fuq Il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26357 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’riformi saru f’dawn l-aħħar 5 snin fil-qasam tas-saħħa relatati mal-persuni LGBTIQ+?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul l-aħħar ħames snin kompla l-investiment fil-Gender Wellbeing Clinic bir-reklutaġġ ta' Plastic Surgeon bħala parti mill-proċess tal-affermazzjoni tal-ġeneru.
Infurmat ukoll li kien hemm taħriġ għal kirurgi tal-klinika biex ikunu jistgħu jipprovdu 'follow-up' għal dawk il-persuni li jagħmlu 'gender reassignment surgeries'.
Barra minn hekk, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi ħdan is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa adotta sistema ta' screening imtejba li tnaqqas ħafna l-perjodu ta' żmien li matulu viruses li għadhom kif ġew kuntrattati jistgħu ma jinstabux. Minn Settembru 2022, il-politika tad-donaturi tad-demm MSM ġiet riveduta biex tkun l-istess għall-ġeneri kollha, bil-kundizzjoni li d-donaturi kollha jaderixxu mal-kriterji preskritti.
Kif hemm fin-National Sexual Health Strategy 2025-2030, komplew it-taħdidiet ma ċentri speċjalizzati barra minn Malta, biex Gender Affirming Surgeries (genital surgeries) jibdew isiru f’dawn iċ-ċentri bħala parti mis-servizz offrut mill-Gender Wellbeing Clinic
Il-National Sexual Health Strategy ġiet ppubblikata f'Diċembru 2024 bħala dokument għall-konsultazzjoni pubblika li fiha ħafna proposti inkluż il-provista ta' PEP/ PrEP, condoms b'xejn u diversi inizjattivi oħra.
Gender Wellbeing Clinic — Reklutaġġ għal Psikjatri
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21062 fejn ingħad, "Ninsab infurmat li l-proċess ta’ reklutaġġ għal psikjatra għall-Gender Wellbeing Clinic għadu għaddej peress illi mis-sejħa pubblika li nħarġet aktar kmieni din is-sena, l-ebda applikant ma kien eleġibbli.", jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kritirji tal-eliġibbiltà f’din is-sejħa pubblika u kemm kien hemm applikanti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa kienet pubblika u l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-kriterji kienu pubblikati fuq ir-recruitment portal tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu mill-entità/entitatijiet responsabbli, fosthom mid-diviżjoni tas-saħħa, biex l-invażjoni ta’ firien u ġrieden li hemm bħalissa fiż-żona tal-Wardija, limiti ta' San Pawl il-Baħar, tiġi kkontrollata? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu sa issa għal dan il-għan?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva lment wieħed biss matul din is-sena rigward infestazzjoni ta’ ġrieden fiż-żona tal-Wardija. Permezz ta’ ħaddiema mit-Taqsima tal-Pest Control Unit kien sar trattament għal kontra l-ġrieden fit-12 ta’ Frar 2025.
Infurmat ukoll li hemm skedat ukoll programm intensiv ta’ trattament għal kontra l-ġrieden fiż-żona tal-Wardija bejn it-3 ta’ Marzu u is-7 ta’ Marzu 2025.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2025?
Qasam tas-saħħa — Persuni LGBTIQ+ - Standards of Practice
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jeżistux ‘standards of practice’ fis-settur tas-saħħa għal meta persuni LGBTIQ+ ikollhom bżonn servizzi tas-saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fin-‘National Patients' Charter' hemm iddikjarat li l-persuni kollha għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar saħħithom, kura tajba u rispettuża, irrespettivament “mill-età. kulur, diżabilità jew mard, ġeneru, żwieġ, sħubija ċivili, maternità, razza, reliġjon jew twemmin, orjentazzjoni sesswali, nazzjonalità, politika jew status soċjali.”
Ninsab infurmat li diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom opportunitajiet li jiksbu taħriġ speċifikament dwar suġġetti relatati mas-saħħa tal-persuni LGBTIQ+ mill-proġett TRANSFORM.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu intitolat għal-mediċina b’xejn PREP?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li għaddejjin laqgħat biex jiġi abbozzat il-Health Technology Assessment dwar l-introduzzjoni ta' PREP. Meta dan id-dossier jiġi ppreżentat fil-kumitati fejn ikun hemm is-sottomissjonijiet għall-introduzzjoni ta' mediċini ġodda fuq il-formoralju nazzjonali, jibda l-proċess ta' xiri tal-mediċini kif ukoll il-proċess loġistiku u ta' intitolament.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25654 dwar is-sapport ta' psikjatri jew psikologi għal dawk li jidħlu fl-isptarijiet, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tfal bejn l-età ta' 0 u tnax-il sena ġewwa Għawdex li kellhom bżonn dan is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm tfal bejn l-età ta' 0 u tnax-il sena li kellhom bżonn jagħmlu użu minn dan is-servizz fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fis-sena 2024.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25353 u jgħid jekk kienx hemm ilmenti dwar bullying li sar minn xi persuna fuq il-kontrolluri finanzjarji (financial controllers)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Management ma rċieva l-ebda rapport uffiċjali fuq bullying li sar fuq l-Financial Controllers.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25352 u jgħid jekk ix-xogħol ta’ Costings tas-servizzi tal-Isptar Mater Dei jistax isir b’mod aktar ekonomiku u effiċjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li f’kull qasam, isir kull sforz biex ix-xogħol isir b’mod mill-aktar ekonomiku u effiċjenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' jiftaħ in-Night Shelter li kien hemm fil-Faċilità San Vincenz de Paul? Jista' jgħid ukoll x'kienet ir-raġuni tal-għeluq tiegħu meta n-Night Shelter kien ikun dejjem mimli meta kien għadu miftuħ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li peress li fi żmien il-pandemija tal-Covid 19, in-Night Shelters ma baqgħux miftuħin, matul dan il-perjodu, il-binja inbidlet fi kwartieri għat-tobba li kienu jaħdmu qrib residenti bil-Covid.
Hemm pjanijiet biex fiż-żmien li ġej, f’din il-binja jinħoloq dipartiment ġdid b’servizzi li se jibdew jingħataw għall-ewwel darba f’San Vinċenz de Paul.
Faċilità San Vincenz de Paul — Residents' Board - Ilmenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ilmenti li rċieva r-Residents' Board fil-Faċilità San Vincenz de Paul fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li dan il-Bord twaqqaf fl-aħħar tas-sena 2022 u għaldaqstant, ma teżistix informazzjoni għas-snin 2020, 2021 u 2022. Kull ilment li ġie mressaq ġie nvestigat u fejn kien meħtieġ ittieħdet l-azzjoni neċessarja.
Matul is-sena 2023 tressqu dawn l-ilmenti jew talbiet -
· 4 fuq ikel, 4 fuq ħasil ta’ ħwejjeġ, 2 fuq pensjoni, 3 fuq tv/network, 2 fuq iġjene minħabba l-ħamiem fil-bitħa, 2 talbiet għal pitch tal-boċċi, 1 fuq il-mobile van tax-xiri ta’ affarijiet ta’ kuljum u 2 dwar impjegati barranin.
Matul is-sena 2024, tressqu dawn l-ilmenti jew talbiet -
· 3 fuq ikel, 2 talbiet għal pitch tal-boċċi, 2 fuq il-mobile van tax-xiri ta’ affarijiet ta’ kuljum, 2 talbiet għal magna tal-bank (ATM), 1 talba għal magna tal-BCRS, 3 talbiet għal korsijiet edukattivi għall-adulti, 1 dwar membru tas-sigurtà fl-entratura, 2 dwar membru tas-sigurta’ fil-blokka l-ġdida, 2 dwar is-sound fit-teatru, 2 dwar ir-residents bracelet tracker device u 4 talbiet għal aktar attivitajiet fil-Ġimgħa l-Kbira u ħruġ ieħor.