Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sheltered accommodations

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni meta x-sheltered accommodations huma mimlijin? Jista’ jgħid jekk hemmx pjan biex jiżdiedu sheltered accommodations oltre dak li nfetaħ – dar Il-Milja, fiż-Żejtun – li huwa second stage shelter?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa hawn seba’ (7) shelters għall-vittmi ta’ vjolenza domestika. Erbgħa (4) minn dawn ix-shelters huma esklussivament għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u joffru 33 post għall-vittmi u wliedhom. Minbarra dawn hemm tliet (3) back-up shelters li mhumiex esklussivament għall-vittmi ta’ vjolenza domestika imma jospitaw nisa bi problemi soċjali oħra u allura f’każ ta’ bżonn jintużaw għall-vittmi ta’ vjolenza domestika wkoll. F’dan il-back-up shelters hemm 35 sodda. L-ispiża totali għat-tmexxija ta’ dawn ix-shelters kollha u li hija ffinanzjata kollha direttament mill-Gvern hija ta’ € 1,702,324 fis-sena. Ovvjament, l-FSWS bħala l-entità tal-Gvern li hija responsabbli li tassigura l-provvediment tas-servizzi soċjali, inklużi dawk ta’ vjolenza domestika, tiġbor tagħrif statistiku kontinwament biex jekk tinħass il-ħtieġa ta’ aktar shelters tinforma b’ dan lill-Ministeru bil-għan li jsir il-capacity building meħtieġ.

Child Protection Services – tfal fuq il-lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fuq il-waiting list taċ-Child Protection Services?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li din is-sena, sal-lum, id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri irċieva 2185 rapport. Dawn ir-rapporti kollha jiġu eżaminati preliminarjament, u anke dawk il-każijiet illi jidhru fuq il-“waiting list” ikunu ġew assessjati sabiex ikun stabbilit jekk: (a) il-każ ikunx qiegħed jippreżenta problemi jew riskji lejn minuri; u (b) x’inhu l-livell ta’ riskju preżenti fil-ħajja tal-minuri. Dan ifisser illi kemm-il darba każ jippreżenta riskji imminenti, serji u letali, il-professjonisti jaħdmu immedjatament sabiex ikun ikkontrollat ir-riskju. Għaldaqstant it-terminoloġija “waiting list” tindika lista ta’ każijiet illi ġew assessjati bħala riskju baxx u wara li s-sitwazzjoni tal-minuri ġiet ikkontrollata. F’dawn il-każijiet id-Direttorat ikun qiegħed ukoll jgħin lill-familji, partikolarment il-ġenituri, biex itejjbu l-qagħda tagħhom. Minn dawn hemm 315-il kas. Dawn il-każijiet xorta jibqgħu jiġu mmonitorjati mid-Direttorat biex jekk ikun hemm deterjorament fil-qagħda tal-minuri l-każ jiġi allokat u jiskattaw azzjonijiet oħra skont kif provduti mil-liġi (Kap. 602).

Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, nagħmel użu minn karozza waħda, tal-għamla Mercedes Benz 220D. Wara talba għall-kwotazzjonijiet, din tinkera għall-prezz ta’ €27.97 kuljum.

Adozzjonijiet f’Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru adozzjonijiet kull sena fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022? Jista' jgħid kemm minnhom kienu f'Malta u kemm minnhom f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll minn dawn l-adozzjonjiiet kemm minnhom kienu ta' tfal minn Malta stess u kemm minnhom ta' tfal minn pajjiżi barranin? Jista' jagħti break down tal-adozzjonijiet li saru minn pajjiżi barranin, pajjiż pajjiż?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabelli annessi. Adoption completed in the State of Origin Malta Gozo Grand State of Origin 2018 2019 2020 2021 2022 2018 2019 2020 2021 2022 Total India 32 23 15 14 30 1 1 2 1 - 119 Slovakia - - - - 2 - - - - - 2 Vietnam - - - 1 - - - - - - 1 Grand Total 32 23 15 15 32 1 1 2 1 - 122 An adoption from India was dissolved after being concluded in the State of Origin in 2020 Dissolution of adoption Malta Grand Total State of Origin 2020 India 1 1 Grand Total 1 1 Request for adoption completed in the United Kingdom to be recognized in Malta for citizenship of adopted children 2019 Grand Total State of Origin Unknown United Kingdom 2 2 Grand Total 2 2 Adoptions completed in Malta Malta Grand Total 2018 2019 2020 2021 2022 Bulgaria - - - 3 - 3 India 6 3 1 19 29 Malta - 3 2 2 2 9 Portugal 9 1 2 1 11 24 Slovakia 4 4 - - - 8 Thailand - 1 - - - 1 Grand Total 19 12 5 6 32 74 The couple was not living in Malta or Gozo at the time

Fostering ta’ tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li huma fostered fil-preżent u kemm minnhom huma fostered f’familja f’Malta u kemm minnhom f’familji f’Għawdex? Jista' jgħid kull sena mis-sena 2018 sal-lum kemm kien in-numru totali ta' tfal li ġew fostered? Jista' jgħid kemm hemm tfal li bħalissa qed jistennew li jiġu fostered?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent il-fostering placements huma kif qed ikun elenkat hawn taħt: Malta (0 sa 17-ilsena) 212 -il minuri Malta (18+) 34 -il maġġorenni Għawdex (0 sa 17-il sena) 17 -il minuri Għawdex (18+) 3 maġġorenni Total 266 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ tfal li bħalissa qed jistennew li jitpoġġew f’foster placement jammonta għal 57 minuri. Inkompli billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ fostering placements ġodda kull sena, mill-2018 sal-lum, huwa kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt: Sena Total ta’ Fostering Placements Ġodda fis-Sena 2018 28 2019 22 2020 28 2021 44placementsġodda u 1 li biddel il-placementminħabbaplacement breakdown. Total 45 2022 24placementsġodda u 1 li biddel il-placementminħabbaplacement breakdown. Total 25 2023 – sat-13 ta’ Frar 2

DASH Risk Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-każ ta’risk assessments id-DASH Risk Assessment qed jintuża għal kulħadd, anke għal abbuż minn ulied fuq ġenituri jew aħwa fuq aħwa, meta l-mistoqsijiet huma speċifikament indirizzati għall-partners u miżżewġin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Kapitolu 581 tal-Liġijiet ta’ Malta li hu l-Att dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika, jinkorporha fih kull tip ta’ abbuż li jseħħ f’ambjent domestiku. Il-Liġi ma tittrattax biss vjolenza bejn partners jew miżżewġin, iżda tiġbor kull tip ta’ vjolenza domestika. Għaldaqstant, id-Domestic Violence Risk Assessment Service fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) jiġu mitluba jagħmlu ir-risk assessment ma’ dawk il-vittmi li jkunu qed jirrapurtaw lill- pulizija. Fil-każijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, ir-risk assessors jieħdu l-fatturi li kollha qed jikkontribwixxu għar-riskju li l-persuna li tkun qegħda tirraporta tkun fih. Dawn il- fatturi joħorġu wkoll mir-risk assessment tad-DASH. Dawn il-fatturi jingħataw l-importanza massima u jiġu enfassizzati sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-vittmi kkonċernati. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-taħriġ f’dan il-qasam huwa kontinwu u skont il-ħtiġijiet ġodda emerġenti li jkunu qed jiġu rrappurtati lis-servizz tal-Vjolenza Domestika fi ħdan l-FSWS. F’ dan il-kuntest, realtà pjuttost ġdida li ġiet innutata hija dik tal-vjolenza tat-tfal fuq il-ġenituri, l-hekk imsejħa child to parent violence. Hawn l-FSWS ħadet ħsieb illi tħarreġ lill-ħaddiema tas-sezzjoni taċ-Child to Parent Violence Service u anke ġew mħarrġa dwar metidoloġija oħra biex jiġu assessjati dawn il-kazijiet.

Xogħol ta’ risk assessments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm ħaddiema li jagħmlu DASH risk assessments li l-unika background ta’ studju tagħhom huwa fil-healthcare (MCAST), meta jrid ikun hemm minimu ta’ konoxxenza fil-psikoloġija jew suġġetti umanistiċi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhuwiex infurmat sewwa dwar il-background ta’ studju tal- ħaddiema li jagħmlu DASH risk assessments. Infatti, kif qed ikun elenkat hawn taħt, il-kwalifiki ta’ 13-il risk assessors li jagħmlu DASH Risk Assessments huma: · B.A. Youth Work 1 persuna · Master’s in Spirituality 1 persuns · B.Psy. (Hons) 5 persuni · B.A. in Health and Social Care Management 3 persuni · B.A. Criminology 1 persuna · B.A. Psychology & Criminology 1 persuna · B.A.; M.A. in Teaching & Learning 1 persuna Nixtieq ukoll ninforma lill-Onor. Interpellant li, 2 mill-ħaddiema jinsabu wkoll fl-aħħar fażi tal-istudji tagħhom fil-Master’s in Forensic Psychology. Għal dan is-servizz, tintalab b’mod partikolari kwalifika fis-suġġetti umanistiċi.

Depot — risk assessors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fix-shift tar-risk assessors stazzjonati fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija hemm biss żewġ ħaddiema? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kif diġa’ spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 6433, in-numru ta’ Risk Assessors huwa ta’ 14. Dawn jaħdmu b’ sistema ta’ Day / Night / Rest / Off, 24 siegha kuljum, il-ġranet kollha tas-sena. Dan ifisser ukoll li hemm 4 xiftijiet u li hemm 3 Risk Assessors f’ kull shift mhux 2 kif qed ikun elenkat mill-Onor. Interpellant. Fl-aħħar nett, tajjeb li nirrimarka li, sa issa, dawn ir-risk assessors jattendu ġewwa d-Depot meta mitluba mill-Pulizija tal-iskwadra kontra l-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru. It-talba min-naħa tal-Pulizija biex dawn ir-risk assessors jkunu stazzjonati di sentu fid-Depot waqt ix-shift rispettiv tagħhom saret biss fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru li għadda, jiġifieri Diċembru 2022. L-FSWS aċċettat din it-talba u bħalissa l-Korp tal-Pulizija qed jaħdem biex ilesti post adegwat għal dan il-għan.

Tfal adottati minn Aġenziji tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew adottati mill-Fondazzjoni tas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, FSWS - Direttorat għall-Kura Alternattiva - Servizzi ta' Adozzjoni (Aġenzija APPOĠĠ) fir-rigward ta' adozzjonijiet minn pajjiżi barra minn Malta (Intercountry Adoptions), mis-sena 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma sena b'sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 4587.

Tfal Adottati minn Aġenziji privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew adottati minn aġenziji privati fir-rigward ta' adozzjonijiet minn pajjiżi barra minn Malta (Intercountry Adoptions), mis-sena 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma sena b'sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpallent sabiex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt, għall-mistoqsija parlamentari tiegħu stess, numru 4588.

Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna tista’ tkun aċċessata mis-sit uffiċjali tal-Ministeru, mill-ħolqa t’hawn taħt: https://family.gov.mt/wp-content/uploads/2021/05/Malta-Drugs-Policy-2008-EN.pdf Madanakollu, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Politika Nazzjonali msemmija minnu.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — ħaddiema taċ-Ċivil - Vacation Leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru tiegħu għad għandhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 363 ħaddiema taċ-Ċivil fil-Ministeru li kien fadlilhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave.

Żieda fil-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5746, u jgħid kemm hemm anzjani li qabżu l-età tal-pensjoni li lanqas ħadu ż-żieda ta’ €2.60 fil-pensjoni? F'każ li hemm xi każijiet, x'inhi r-raġuni prinċipali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda li ħadu l-pensjonanti kienet ta’ €12.50 maqsuma €9.90 bħala ż-żieda tal-għoli tal-ħajja u €2.60 bħala żieda li ta l-Gvern fir-rata tal-pensjoni nnifisha. Il-pensjonanti jitħallsu r-rata tal-pensjoni kif ukoll il-bonus tal-għoli tal-ħajja fl-istess pagament. Il-parti tal-COLA li żdiedet mal-pensjoni kienet ta’ €6.60 (żewġ terzi ta’ €9.90) kif ukoll iż-żieda addizzjonali ta’ €2.60 li allura tfisser li r-rata tal-pensjoni żdiedet b’€9.20 fil-ġimgħa. It-terz l-ieħor tal-għoli tal-ħajja (€3.30) tħallas fil-bonus tal-għoli tal-ħajja bħala żieda ma’ dak li kien diġà qiegħed jitħallas is-sena l-oħra. B’hekk it-total taż-żieda mogħtija huwa €12.50 fil-ġimgħa. Jista’ jkun hemm każijiet li għalissa għadhom jitħallsu bir-rata tas-sena l-oħra minħabba l-fatt li qegħdin f’residenza fejn is-servizz residenzjali huwa ffinanzjat mill-Gvern u li r-rata ta’ tnaqqis mill-pensjoni għad trid tinħadem. Jista’ jkun hemm ukoll każi li jieħdu pensjoni żgħira pro-rata taħt xi ftehim bilaterali internazzjonali allura kif dejjem isir f’dawn il-każi ma jieħdux iż-żieda sħiħa imħabbra imma pro-rata. Dawn ikunu qed jirċievu wkoll pensjoni oħra minn pajjiż ieħor.

Pensjoni tar-Romol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5518 u jgħid illum kemm hawn nisa li jirċievu Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni kellhom dritt għall-pensjoni tagħhom, iżda minflok għażlu li jirċievu l-pensjoni tar-raġel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, n-numru ta’ nisa li jircievu Pensjoni għar-Romol jammonta għal 17,435. Minnhom hemm 2,656 illi għażlu li jirċievu l-pensjoni tar-raġel minflok il-pensjoni tagħhom.

Pensjoni tar-Romol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5519 u jgħid illum kemm hawn irġiel li jirċievu Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni kellhom dritt għall-pensjoni tagħhom, iżda minflok għażlu li jirċievu l-pensjoni tal-mara?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ rġiel li jircievu Pensjoni tar-Romol jammonta għal 495. Minnhom hemm 127 li għażlu li jirċievu l-pensjoni tal-mara minflok il-pensjoni tagħhom.

Aġenzija Appoġġ – tfal addottati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew addottati mill-Aġenzija Appoġġ minn International Adoptions, mis-sena 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-adozzjonijiet fi ħdan l-FSWS jaqgħu taħt id-Direttorat għall-Kura Alternattiva, skont id-diżposizzjonijiet tal-Kap. 602 tal-Liġijiet ta’ Malta. L-adozzjonijiet minn pajjiżi barranin mill-2019 sal-lum konklużi minn dan id-Direttorat seħħew kif qed ikun elenkat hawn taħt: 2019 · Adozzjoni waħda minn Thailand · 3 adozzjonijiet mis-Slovakia · Adozzjoni waħda mill-India 2020 · Adozzjoni waħda mill-Portugal 2021 · Ma seħħew l-ebda adozzjoni min pajjiżi barranin 2022 · 6 adozzjonijiet mill-Portugal · Adozzjoni waħda mill-India 2023 Sa issa ma kienet konkluża l-ebda adozzjoni minn pajjiżi barranin.

Aġenziji privati– tfal addottati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew addottati f’pajjiżna minn aġenziji privati, minn International Adoptions?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2019 sad-data li fiha qed titwieġeb din l-Interpellanza kien hemm total ta' 115-il adozzjoni b’kollox minn aġenziji privati, kif qed ikun muri fit-tabella t’hawn taħt: Ġeneru (Bniet/Subien) 2019 2020 2021 2022 2023 Total Bniet 15 6 8 25 1 55 Subien 11 12 9 27 1 60 Grand Total 26 18 17 52 2 115

FSWS – Social Worker u Social Welfare Professional

Question

Jista’ l-Ministru jagħti "job description" u "role definition" ta' Social Worker u ta' Social Welfare Professional, rispettivament, fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2344, 2345, 2346, 2347 u, partikolarment, 2348 dwar dan is-suġġett. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-job descriptions dettaljati dwar iż-żewġt irwoli kif provduti mill-uffiċċju tar-Riżorsi Umani u Taħriġ tal-FSWS.

FSWS – Looked After Children – staff complement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-istaff complement tal-Looked After Children (LAC) fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS)? Jista’ jgħid kemm irriżenjaw staff mil-LAC minn Jannar 2020 sal-aħħar ta' Diċembru 2022?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-istaff complement tal-Looked After Children (LAC) fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) huwa ta’ 35 impjegat. Minn Jannar 2020 sal-aħħar ta' Diċembru 2022 irriżenjaw 19-il impjegat mil-LAC.

FSWS – social workers u social welfare professionals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm social workers u social welfare professionals fl-entitajiet fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) hawn taħt imsemmija? Jista’ jagħti wkoll il-job descriptions tas-social workers u s-social welfare professionals f’dawn l-entitajiet fi ħdan l-FSWS: Child Protection Services; Looked After Children; Fostering; Intake and Family Support Service; Domestic Violence Unit; Sedqa community service ; Agency for Community and Therapeutic Services; Housing Authority ; Correctional Services Agency; u Active Ageing and Community Care?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2344, 2345, 2346, 2347 u, partikolarment, 2348 dwar dan is-suġġett kif ukoll mistoqsija parlamentari 5795 li għadni kif tajtha tweġiba fis-seduta tal-lum. Intant, dwar kemm jaħdmu Ħaddiema Soċjali (social workers) u Professjonisti fil-Ħarsien Soċjali (social welfare professionals) fis-servizzi varji li staqsiet dwarhom, qed nelenka hawn taħt it-tagħrif mitlub minnha. SERVIZZ Nru ta' Social Workers Nru ta' Social Welfare Professionals Child Protection Services 33 13 Looked After Children 22 10 Fostering 13 1 Intake and Family Support Service 19 1 Domestic Violence Unit 22 16 Sedqa community service 18 0 Agency for Community and Therapeutic Services 35 30 Housing Authority 2 4 Correctional Services Agency 5 8 Active Ageing and Community Care 12 4