Legislature:
Category:
Reset
Active:

Warrants Board

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ipproċessa warrants l-Warrants Board tad-Direttorati tal-Edukazzjoni matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm minn dawn kienu permanent warrants u kemm kienu temporary warrants? Kemm kienu għal għalliema fl-iskejjel tal-istat u kemm kienu għal għalliema fi skejjel oħra? Kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet li ġew rifjutati għal xi raġuni jew oħra, u x'kienu r-raġunijiet f'kull każ? Kull meta jiltaqa' l-bord? Kif inhu kompost il-bord? Lil min jirrispondi dan il-bord?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Petizzjonijiet leġġittmi li tressqu quddiem il-Public Service Commission

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex wara li saru numru ta' petizzjonijiet leġġittmi li tressqu quddiem il-Public Service Commission skond l-Estacode, b'referenza għal ċerta pożizzjonijiet fid-Direttorati tal-Edukazzjoni dawn il-pożizzjonijiet imtlew xorta, u l-appointments ħarġu wkoll, għalkemm il-każijiet għadhom qed jiġu investigati mill-PSC u għadu ma ngħata l-ebda ruling dwarhom? Ma taħsibx li dan juri disrispett assolut lejn l-istess PSC? Ma taħsibx li kien ikun ferm aktar prudenti li kieku l-ewwel ġew iċċarati l-affarijiet? Ma taħsibx li b'li sar ġew ippreġudikati d-drittijiet fundamentali tal-individwi konċernati li jkollhom smiegħ xieraq fi żmien raġjonevoli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema pożizzjonijiet qed jirreferi sabiex tingħata l-informazzjoni mitluba.

Skejjel — Minor staff compliment

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu kbir il-compliment tal-minor staff fl-iskejjel? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? Kemm hemm personnell f'kull branka ta' din is-sezzjoni? Kemm minnhom huma full time u kemm minnhom huma casual jew part-time? Kemm naqas minn sena għal oħra matul dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta' full-timers fis-sezzjoni tal-minor staff?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Complement tal-Minor Staff fl-iskejjel statali f’Malta jammonta għal 515. minnhom hemm 269 nisa u 246 irġiel. Il-personnel f’kull branka ta’ din is-sezzjoni hu mqassam hekk: General Hands (Tindif) - 290 General Hands (Manutenzjoni) - 73 Part-time Cleaners - 152 Minnhom hemm 363 full-time u 152 part-time. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ full-timers fis-sezzjoni tal-Minor Staff.

Public Service Commission — Assistenti Diretturi

Question

Issa li ġew iċċarati l-affarijiet mill-Public Service Commission dwar il-pożizzjonijiet ta' assistenti diretturi li kienu fil-post qabel ma ħarġu sejħiet għal Assistenti Diretturi ġodda, jidhrilha l-Ministru li jkun ferm aktar xieraq li dawk li kellhom il-biża' li l-pożizzjoni tagħhom tkun abolita jingħataw spejgazzjoni u assigurazzjoni bil-miktub mill-istess permanent secretary minflok li l-affarijiet jintqalu lilhom bit-telefon?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-Segretarju Permanenti informa lill-Assistenti Diretturi bis-sitwazzjoni tagħhom kemm b’telefonata, kemm f’laqgħa magħhom kif ukoll b’nota kif miftiehma ma’ l-istess Ass. Diretturi.

MCAST — nefqa kapitali fuq bini, tibdil, tiġdid u apparat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet in-nefqa kapitali tal-Ministeru tagħha għal bini, tibdil, tiġdid u apparat, eċċ separatament għall-MCAST f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli Lokali — Attivitajiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw għajnuna speċifika biex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti jgħin diversi entitajiet kif ukoll Kunsilli Lokali sabiex itellgħu attivitajiet kulturali matul is-sena. Dawn il-fondi jingħataw skond il-ħtieġa tal-attivita’ u l-kriterji maħruġa mill-MCCA (Malta Council for Culture and the Arts) dwar il-programm tal-Għajnuna Kulturali.

Sant' Andru — Heavy plant - staff allokat

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-heavy plant ta' St. Andrew? Kemm hemm staff allokat hemm, xi grad huma u x'inhuma is-sigħat ta' xogħol tagħhom? Kemm saru tiswijiet f'dan il-garaxx mill-bidu ta' din is-sena fuq karozzi tad-Direttorati? Ta' liema natura kienu dawn it-tiswijiet, u fuq liema vetturi? Kemm huwa stmat li jiswew dawn it-tiswijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Heavy Plant Garage f’St. Andrew’s se jkompli jagħti s-servizz li qed jagħti illum. Fih hemm tlett impjegati li huma zewġ Senior Tradesman u xufier. Fix-xitwa dawn jaħdmu mis-7.00 a.m. sal-4.00 p.m. u fis-sajf mis-7.00 a.m. sas-1.00 p.m. Mill-bidu ta’ din is-sena saru 114-il tiswija fuq vetturi tad-Direttorati. It-tiswijiet kienu jvarjaw minn service ta’ rutina, tiswijiet relatati ma’ steering u suspension, braking, chassis, body u magna. Il-vetturi li saru tiswijiet fuqhom kienu dawn: 1 Peugeot 306, 1 Toyota Corolla, 5 AEC 505, 4 Toyota Coaster, 1 Ford Plaxton, 1 Kia Asia Combi, 1 Toyota Hilux, 6 Ligier Nova, 1 Skoda Favorit, 1 Peugeot 505, 2 Renault Master, 1 Isuzu Gemini, 2 Peugeot 405, 2 Renault 19, 1 Toyota Hiace, 1 LDV Convoy, 1 VW Golf, 8 Chevrolet Kalos, 1 Chevrolet Nubira, 1 Citroen Xsara, 1 Renault Megan, 1 Seat Inca. Huwa stmat li dawn it-tiswijiet swew €12,698,80.

Computers ġodda fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu computers ġodda din is-sena fl-iskejjel? F'liema skejjel, skola skola u l-ammonti? Kemm ser jiswa lid-Direttorati l-kiri u l-manutenzjoni ta' dawn il-computers, kull sena? X'sar mill-computers li ġew imwarrba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diviżjoni tas-Saħħa -Sezzjoni Sanita — spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il spezzjoni saret fl-iskejjel tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin mid-Diviżjoni tas-Saħħa, sezzjoni sanita sena b'sena, u skola skola? Kemm-il rapport sar minn dawn l-ispetturi tas-sanità, u x'kienu l-affarijiet li għalihom inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet li għanhom jiġu indirizzati? X'passi ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rata uffiċjali li biha jitħallsu l-eżaminaturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-rata uffiċjali li biha għandhom jitħallsu eżaminaturi li jiġu mqabbda mid-Dipartiment tal-Eżamijiet? Kemm ilha ma tiġi riveduta din ir-rata? Min jistabilixxi din ir-rata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li r-rata uffiċjali li biha jitħallsu eżaminaturi mqabbda mid-Dipartiment tal-Eżamijiet hija hekk: Kull eżami ta' livell SEC ('O' level) jew anqas: Issettjar tal-karta - €35 Korrezzjoni - €1 kull karta Kull eżami ta' livell MATSEC ( Advanced Level ) Issettjar tal-karta - €52.50 Korrezzjoni - €1.50 kull karta Kull eżami ta' livell ta' Degree Issettjar tal-karta - €70 Korrezzjoni - €2 kull karta Din ir-rata ġiet riveduta fit-3 ta' Lulju 2007. Ir-rakkomandazzjoni sabiex jiġu rriveduti r-rati tiġi mingħand id-Direttur tal-Eżamijiet bi qbil mal-Management and Personnel Office fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.

Health and Safety Inspectors — mezz ta' prevenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru Health and Safety Inspectors, li kienu rrakmandati mill-Bord Intern tal-inkjesta li kien twaqqaf mill-Ministru preċedenti, wara l-mewt traġika ta' student fl-iskola San Franġisk T'Assisi fl-2003? Jekk le, tista' tagħti r-raġunijiet li azzjoni fuq rakkmandazzjoni bħal din ħadet daqshekk żmien biex tiġi implimentata, meta dawn l-ispetturi jistgħu jkunu mezz ta' prevenzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Bord ta’ Inkjesta li kien twaqqaf mill-Ministru preċedenti , wara l-mewt traġika ta’ student fl-iskola San Franġisk t’Assisi, kien issottometta 14-il rakkomandazzjoni. Tnax minnhom ġew attwati b’mod immedjat u qed iħallu r-riżultat mixtieq. It-tnejn l-oħra jirrakommandaw il-ħatra ta’ uffiċċjali speċjalizzati li jimmoniterjaw ix-xogħol li qed isir mill-Health and Safety Teachers fl-iskejjel, fost ħwejjeġ oħra. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ħa dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet bis-serjeta’, tant li llum il-ħatra ta’ dawn l-uffiċjali m’għadiex biss rakkomandazzjoni ta’ Bord ta’ Inkjesta, imma tifforma parti mill-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-MUT, u tifforma parti mid-dokument “Student Services within the Directorate for Education Services:a framework of operation”. Il-ħatra ta’ dawn l-uffiċċjali ser issir skont il-pjan imfassal mid-Direttorat għall-ħatriet kollha, b’mod gradat.

Sponsorship għal attivitajiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sponsorja attivitajiet kulturali l-Ministeru tal-Edukazzjoni matul din is-sena? X'kienu dawn l-attivitajiet, waħda waħda? Liema kienu l-entitajiet konċernati li lilhom ingħata sponsorship? Kemm kien jiswa l-isponsorship għal kull attività f'termini ta' flus jew forom oħra ta' sponsorship?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Transfers

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3911 fejn il-Ministru qalet li l-persuna, li isimha qed jidher separatament, qegħda sservi fl-iskola primarja Mqabba Kulleġġ San Benedittu bi qbil magħha stess, tara l-Ministru li hi għandha informazzjoni ħażina u dan peress li hi qatt ma qablet u jew aktar għamlet xi forma ta' ftehim biex isservi f'din l-iskola imma dejjem talbet li tingħata postha lura bħala general hand f'Villa Saigon Ħad-Dingli, jew fil-gardening unit tal-Ħamrun jew fl-uffiċini tal-gardening unit Birkirkara jew fl-uffiċini tal-gardening unit, Msida? Tista' tara li din il-persuna tinbagħat fejn huwa postha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab assigurata li t-tweġiba li tajt hija korretta.

Riforma fl-edukazzjoni

Question

Fid-dawl tar-riforma fl-edukazzjoni li għadha kif tħabbret, tista' l-Ministru tgħid kif jinkwadraw f’din ir-riforma studenti li qegħdin fir-raba’ sena tal-primarja, jew huma iżgħar fl-età u li jattendu skola privata li ma toffrix servizz ta' edukazzjoni f’livell sekonadarju, bħalma huma l-Garendon School, it-Thi Lakin School u l-Little Angels School? Tista' tgħid x’metodu ser jiġi adattat sabiex dawn jgħaddu għas-sekondarja u x’ser ikunu l-opportunitajiet għalihom kemm fi skejjel tal-Istat u/jew tal-Knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni, entitajiet bħal dawn it-tlett skejjel imsemmija sejrin ikollhom l-opportunita’ li jiddiskutu mad-Direttorati l-possibilitajiet differenti li din ir-riforma ħa ġġib għall-istudenti li jattendu fihom.

San Pawl il-Baħar — skejjel primarja - sapport ta' attenzjoni personali għat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru u f'liema sena skolastika jinsabu t-tfal li bħalissa għandhom is-sapport ta' attenzjoni personali minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont totali li sal-lum qed jibbenifikaw minn xi forma ta’ sapport ta’ attenzjoni personali minħabba l-ħtiġijiet speċifici tagħhom hu 30. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ kif huma mqassmin.

Fondi mill-Ewropa għal-laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar minnhom il-fondi tal-European Regional Development Fund li kellhom jiġu mill-Ewropa u li kienu deskritti bħala l-fondi li kellhom jibdlu l-laboratorji kollha tax-xjenza fl-iskejjel f'laboratorji state of the art? X'sar minnu l-bord li kien ġie kompost biex jagħmel il-preparazzjonijiet meħtieġa u stimi biex jinġabu dawn il-flus li kienu konsiderevoli? Minn kemm nies kien kompost il-bord? Kemm kienet is-somma mistennija li tiġi akkwistata għal dan il-għan mill-ERDF?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-fondi tal-European Regional Development Fund qegħdin lesti ħalli jkunu jistgħu jintużaw meta jintrebħu t-tenders għax-xiri ta’ l-apparat fl-iskejjel. Dawn il-fondi huma diretti lejn titjib fil-laboratorji tax-xjenza kif wkoll f’numru ta’ laboratorji tat-teknoloġija. Il-bord magħmul minn seba’ persuni li ħadmu biex jippreparaw l-applikazzjoni għal dan il-proġett, issa lesta xogħolu. Bħalissa qegħdin isiru sejħiet, li qed jidhru wkoll fil-gazzetti lokali, biex jiġi ingaġġat project manager biex jiffinalizza id-dokumenti meħtieġa ħalli joħroġ it-tender biex jinxtara l-apparat neċessarju. L-ammont kollu huwa ta’ 3,090,495.52 Ewro inkluż il-VAT.

Skejjel tal-Istat — Kotba ġodda għal libreriji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw kotba ġodda għal-libreriji fl-iskejjel tal-Istat, mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-istess skejjel skola skola? X'intnefaq minn kull skola għal dan il-għan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Diploma courses - Libraries and Information Studies

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qiegħed iżomm milli jiġi organizzat ġewwa Għawdex, Diploma Course fil-Libraries and Information Studies taħt il-kappa tal-Università ta' Malta? Minn informazzjoni li għandi jirriżulta li hemm diversi persuni interessati biex jagħmlu dan il-course, inkluż ukoll numru ta' għalliema. Ninsab ċert li t-tagħlim f'dan il-livell jgħolli mhux ftit is-servizz fil-libreriji f'Għawdex, inkluż l-iskejjel.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d- Diploma Course fil-Libararies and Information Studies li jsir filgħaxija matul il-ġimgħa, fil-preżent mhux possibli li jsir f’Għawdex minħabba n-nuqqas ta’ nies speċjalizzati u riżorsi adekwati.