Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz 1717

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1554 u jgħid jekk is-servizz tal-1717 bediex jitħaddem f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni qed jaħdmu f'dan is-servizz kemm dan ilu jopera? Il-persuni li ntgħażlu, fuq liema kriterji ġew ingaġġati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tal-1717 beda jitħaddem mis-16 ta’ Mejju 2022 u hemm erba’ persuni jaħdmu f'dan is-servizz. Il-persuni li qed jaghtu dan is-servizz ingħataw it-taħriġ meħtieġ.

Animal Welfare – ġbir ta’ qtates

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1555 u jgħid kemm inġabru qtates minn Jannar sal-aħħar ta' Mejju mill-Animal Welfare? Kemm kien hemm minn dawn il-qtates li kellhom jitraqqdu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju nġabru 606 qattus mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u li minnhom, 149 qattus gew imraqqda. Il-maġġoranza assoluta minnhom kienu involuti f’inċidenti awtomobilistiċi u oħrajn. Id-deċiżjoni dejjem ittieħdet mill-veterinarji abbażi ta’ raġunijiet mediċi u l-kundizzjoni ta’ saħħa li jkun jinsab fiha l-qattus.

Irziezet f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1619 u jgħid kemm irziezet waqfu jew għalqu milli jkomplu joperaw f'Malta mill-2016 sal-lum? Jista’ jagħti kemm għalqu sena b'sena, lokalità b’lokalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Welfare Officers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1620 u jgħid kemm kien hemm persuni li jagħmlu xogħol ta' Welfare Officers li huma jew mislufin minn dipartiment/dipartimenti oħra u/jew ma daħlux jaħdmu direttament bħala AW Officers?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta

Question

Fid-dawl tad-dokument “Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta” (SWD(2020) 387 final), liema dokument ipoġġi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fir-rigward tal-pjan strateġiku tagħhom għall-Politika Agrikola Komuni u partikolarment għall-Artikolu 1.5 - Rakkomandazzjonijiet, jista' l-Ministru jelenka kif il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qed jindirizzaw din ir-rakkomandazzjoni (inkluż dati ta’ meta bdew jiġu implimentati) fir-rigward ta’ taħriġ tal-bdiewa dwar kif għandhom jaċċessaw u jużaw teknoloġiji diġitali intelliġenti u kapaċitajiet ta’ innovazzjoni, filwaqt li tiġi appoġġata d-dispożizzjoni ta’ data rilevanti biex tiżdied l-effettività tat-teknoloġiji diġitali u l-produttività u s-sostenibbiltà?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet imsemmija ġew indirizzati fl-abbozz tal-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2021. L-għan li jsir taħriġ tal-bdiewa dwar kif għandhom jaċċessaw u jużaw teknoloġiji diġitali intelliġenti u kapaċitajiet ta’ innovazzjoni u żieda fl-effettività tat-teknoloġiji diġitali u l-produttività u s-sostenibbiltà hu maħsub specifikament taħt: § Objettiv Speċifiku 2 “ Enhance market orientation and increase farm competitiveness both in the short and long term, including greater focus on research, technology and digitalisation ”; § Objettiv Speċifiku 6 “ Contribute to the protection of biodiversity, enhance ecosystem services and preserve habitats and landscapes ”.

AgriFair — esebituri kummerċjali

Question

Filwaqt li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bħall-AgriFair ta’ min ifaħħarhom u għandhom ikomplu jiġu organizzati fuq bażi annwali, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li bihom intgħażlu l-kumpaniji kummerċjali bħala esebituri, kif kien assenjat lilhom l-ispazji ta’ esebizzjoni, u kemm kien il-ħlas għal kull stand li ngħataw dawn l-entitajiet kummerċjali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din l-ewwel edizzjoni tal-Malta AgriFair 2022, dawk l-esebituri kummerċjali kollha li wrew interess li jipparteċipaw wara li kien hemm sejħa ta’ interess, setgħu jirreġistraw sal-15 ta’ April 2022 u dawk li l-prodotti jew s-servizzi li huma joffru huma relevanti għas-settur agrikolu, tas-sajd u tal-akwakultura ġew aċċettati. Iż-żona ta’ ġewwa tal-Fiera kienet maqsuma fi tliet kategoriji ewlenin: 1. agrikoltura f'termini ta' kull ħaġa relatata mal-uċuħ tar-raba'; 2. prodotti tal-bhejjem u kwalunkwe prodott/servizz ieħor relatat mal-bhejjem; 3. sajd/akkwakultura. Kien hemm każijiet fejn esebituri kienu jaqgħu f’aktar minn kategorija waħda, madankollu l-allokazzjonijiet tal-istands kienu dejjem assenjati bi qbil mal-esebituri u aktar minn post ta’ allokazzjoni wieħed kien offrut għall-għażla. Il-ħlas ta’ kull stand kienet dipendenti fuq id-daqs tal-istand meħtieġ kif ġej: · 4m x 2m: €100 inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku · 4m x 4m: €200 inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku · 4m x 8m: €400 inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku Importanti wkoll li wieħed jirrimarka li d-Dipartimenti, d-Direttorati u l-Entitajiet fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, kellhom irwol importanti sabiex jilħqu lill-partijiet interessati kollha f’dawn is-setturi.

AgriFair — ħlas għal spazji/stands

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bdiewa, raħħala u l-koperattivi tagħhom, hekk kif inhu ġust u xieraq għax fieri bħal dawn għandhom isiru biex iservu ta' vetrina għall-prodott lokali Malti, kinux eżentati minn ħlas għall-ispazji/stands disponibbli biex jesebixxu l-prodotti agrikoli tagħhom waqt l-AgriFair?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżati tal-istands li kienu ssusidjati mill-Ministeru, kienu applikabbli għall-parteċipanti kollha li ħadu sehem bħala esebituri waqt il-Malta AgriFair 2022, kemm kumpaniji kummerċjali kif ukoll bdiewa, raħħala, kooperattivi u għaqdiet volontarji.

AgriFair

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-AgriFair hux ser tibqa' tiġi organizzata fuq bażi annwali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-attendenza u l-interess li ntwera waqt l-ewwel edizzjoni huwa indikazzjoni ċara li l-Malta AgriFair għandha terġa’ tiġi organizzata. Bħalissa għaddej proċess ta’ evalwazzjoni ta’ din l-ewwel edizzjoni li ser iwassal ukoll għal deċiżjoni dwar kull meta l-fiera għandha tiġi organizzata.

AgriFair — attendenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm attendew persuni għall-AgriFair tul il-ġranet tal-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd, ġurnata b’ġurnata separatament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li attendew l-AgriFair kien hekk kif ġej: · Il-Ġimgha 5,700 · Is-Sibt 11,600 · Il-Ħadd 15,800

AgriFair — tenders

Question

B’referenza għall-AgriFair, jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders għall-aspetti varji tal-organizzazzjoni ta’ din il-fiera, bħal: (a) provvista ta’ dawl; (b) immuntar u żarmar tal-istands; (ċ) sound system; (d) conference facilities, (e) sigurtà, (f) tindif, (g) fotografija u videografija; u (h) servizzi oħra? F’kull każ, jista' l-Ministru jinkludi l-isem tal-kuntrattur/i u l-valur imħallas lill-kuntrattur/i għas-servizz/i li pprovda/ipprovdew, jekk dawn ingħatawx b’tender jew direct order u f’kull każ inġibitx l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għall-Malta AgriFair 2022, il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli stabbilixxa diversi kuntratti u sejħiet għall-offerti għall-ispejjeż ewlenin kollha tagħha bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti fosthom: 1. CT500/2019 – NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE ORGANISATION OF THE NATIONAL AGRICULTURAL FAIR IN 2020 Kuntratt bejn il-Ministeru u MFCC Ltd bħala l-post uffiċjali tal-Malta AgriFair B’ammont totali massimu ta’ €342,076,50 exc. VAT approvat mid-DOC Apparti l-użu tal-post għall-Fiera, il-kuntratt kien jinkludi ħafna servizzi addizzjonali li huma: a. Immuntar u żarmar tal-istands; b. Twapet kullimkien inkluż passaġġi u żona tal-konferenzi; c. Stands tal-esibituri inklużi spazju, tapit, ħitan tal-PVC, dwal u elettriku d. Elettriku ġenerali limtat għal 33,000 unità e. Stage/platform – 12m x 10m x 0.75m; dan intuża fiż-żona tal-konferenzi u parzjalment fiż-żona tal-kompetizzjonijiet tal-annimali f. Arja kkundizzjonata matul il-ġranet tal-fiera kollha g. Total ta’ żona ta’ barra ta’ 750sqm mgħotijja b’tined għall-esebizzjoni tal-annimali u l-kompetizzjonijiet h. Din iż-żona ta’ barra kienet tinkludi wkoll twapet, provvista ta’ dawl u elettriku, servizzi ta' ilma u drenaġġ i. Żona tas-sala li tinkludi siġġijiet u sufani għar-rilassament j. Konċessjoni ta' 200sqm f'termini ta' branding u stampar għal stands relatati mal-Gvern k. Konċessjoni ta’ 100sqm f’termini ta’ branding u stampar ġenerali madwar il-post kollu l. Appoġġ tat-tim tal-bejgħtal-MFCC taħt l-awtorita’ tal-Ministeru m. Żewġ persuni tas-sigurtà 24/7 matul it-tul kollu tal-fiera mill-bidu tal-immuntar, waqt il-Fiera u sal-aħħar ġurnata ta’ żarmar; n. Tindif fil-post kollu ġewwa u barra eskluż skart relatat mal-annimali. 2. MESDC 433/2019/2 – SERVICE TENDER FOR THE DEVELOPMENT AND IMPLEMENTATION OF AN INTEGRAL PROMOTIONAL AND MARKETING CAMPAIGN ON THE NATIONAL AGRICULTURAL FAIR IN AN ENVIORNMENTALLY FRIENDLY MANNER Tender li kien ipubblikat fuq l-Epps fit-2019 u mirbuħ mill-kumpanija Outlook Coop Għall-ammont totali ta’ €191,789.00 exc. VAT Li kien jinkludi dawn is-servizzi ta’ marketing u promozzjoni: a. Adattament tad-disinn kif ikun hemm bżonn matul it-tul tal-kuntratt; b. Riklami fuq rivisti u gazzetti; c. Produzzjoni ta' vidjows d. Disinn u stampar ta' materjal ta' reklamar: fuljetti, stands tal-fuljetti, programm, gwida u mappa ta' avvenimenti għall-viżitaturi, flyer u poster; e. Backdrops, televisions u roll up banners; f. Reklamar fuq it-TV; g. Reklami fuq ir-radju; h. Brand ambassadors; i. Fotografu u vidjografer professjonali; j. Reklami fuq il-karozzi tal-linja; k. Relazzjonijiet pubbliċi inklużi intervisti fuq programmi televiżivi u programmi tar-radju; l. Reklamar diġitali fuq portali tal-aħbarijiet onlajn. 3. MAFA_CFQ01/2022 – PROVISION OF INDOOR CHILDREN ENTERTAINMENT ACTIVITIES DURING THE MALTA AGRIFAIR 2022 Call for Quotes ippubblikata fuq l-Epps fit-2022 u mirbuħ mill-kumpanija ALKA Ceramics Għall-ammont totali ta’ €9,600.00 exc. VAT . 4. MAFA_CFQ02/2022 – PROVISION OF OUTDOOR CHILDREN ENTERTAINMENT ACTIVITIES DURING THE MALTA AGRIFAIR 2022 Call for Quotes ippubblikata fuq l-Epps fit-2022 u mirbuħ mill-kumpanija ALKA Ceramics Għall-ammont totali ta’ €7,335.00 exc. VAT. 5. Saħħa u sigurtà: a. Risk assessment - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-imejl fl-2019 u l-orħos offerta waslet mingħand Stanley Azzopardi Occupational Health and Safety Consultancy għall-ammont totali ta’ €590.00 exc. VAT minħabba li l-AgriFair ġiet posposta minħabba il-COVID-19 ir-risk assessment ġie abbozzat però qatt ma ġie konkluż u ffirmat; b. Fit-2022 Stanley Azzopardi Occupational Health and Safety Consultancy ġie kkuntattjat direttament biex jifinalizza ir-risk assessment u jiġi ffirmat għall-ammont totali ta’ €480.00 exc. VAT ; c. Minħabba l-livell u l-kobor tal-fiera u hekk kif ġie stabilit mir-risk assessment id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew ingaġġjati direttament għas-servizzi relatati ma’ nar u salvataġġ għall-amount totali ta’ €5,958.80 exc. VAT ; d. Sevizz ta’ ambulanza u first aiders - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Fire and Security Engineering għall-ammont totali ta’ €1,102.50 exc. VAT ; e. Servizz ta’ sigurtà addizzjonali għall-kontroll tan-nies - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Goldguard Services Ltd għall-ammont totali ta’ €3,118.41 exc. VAT ; f. Polza ta' assigurazzjoni - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Thomas Smith Insurance Broker għall-ammont totali ta’ €4,500.00 exc. VAT. 6. Servizzi awdjoviżivi: a. Iffilmjar taħt l-ilma tat-tonn – Direct Order li saret fit-2019 fuq bażi ta’ urġenza u raġunijiet tekniċi u artistiċi mingħand Studio 7 Co Ltd. għall-ammont ta’ €640.00 exc. VAT ; b. Produzzjoni ta’ disinn grafiku bil-qwiel Malti relatat mal-biedja u s-sajd – Direct Order li saret fit-2019 fuq bażi ta’ raġunijiet tekniċi u artisitiċi mingħand Studio 7 Co Ltd. għall-ammont ta’ €3,861.52 exc. VAT ; c. LED Wall 6m by 3m – Direct Order li saret fit-2022 fuq bażi ta’ raġunijiet tekniċi u artistiċi mingħand Studio 7 Co Ltd. għall-ammont ta’ €9,384.00 exc. VAT ; d. Servizzi awdjoviżi fiż-żona tal-konferenzi - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 madankollu ħadd mill-fornituri ma seta’ jipprovdi s-servizz minħabba ħafna avvenimenti oħra li kienu qed iseħħu fl-istess tmiem il-ġimgħa tal-AgriFair. Għalhekk fuq din il-bażi u fuq raġunijiet relatati ma’ urġenza ġie ingaġġat direttament Genaudio Ltd għall-ammont totali ta’ €7,953.20 exc. VAT ; e. Servizzi awdjoviżi fiż-żona tal-kompetizzjonijiet tal-annimali - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 madankollu ħadd mill-fornituri ma seta’ jipprovdi s-servizz minħabba ħafna avvenimenti oħra li kienu qed iseħħu fl-istess tmiem il-ġimgħa tal-AgriFair. Għalhekk fuq din il-bażi u fuq raġunijiet relatati ma’ urġenza ġie ingaġġat direttament Genaudio Ltd għall-ammont totali ta’ €6,186.74 exc. VAT . 7. Servizzi oħra: a. Oġġetti promozzjonali għall-esebituri kollha ( poloshirts, lanyards u lapel pins ) - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Playcraft Promotional Items għall-ammont totali ta’ €1,864.00 exc. VAT ; b. Billboards 1 – Direct Order li saret fit-2019 approvata mill-Ministeru għall-Finanzi mingħand Border & Co Ltd. għall-ammont totali ta’ €19,820.00 exc. VAT ; c. Billboards 2 – Direct Order li saret fit-2019 mingħand Streetcom għall-ammont totali ta’ €6,000.00 exc. VAT ; d. Billboards 3 – Direct Order li saret fit-2019 mingħand Keen għall-ammont totali ta’ €3,600.00 exc. VAT ; e. Kukkardi għall-kompetizzjoni tal-annimali - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Horace Enterprises Ltd għall-ammont totali ta’ €403.75 exc. VAT ; f. Vawċers tal-għalf tal-annimali (premjijiet għall-kompetizzjonijiet tal-annimali) - Direct Order li saret fit-2022 mingħand KPH Group għall-ammont totali ta’ €4,988.52 exc. VAT ; g. Akkomodazzjoni f’lukanda għal żewġ judges barranin għall-kompetizzjonijiet tal-annimali - sejħa għall-kwotazzjonijiet ġiet ippubblikata bl-email fit-2022 u l-orħos offerta waslet mingħand Corinthia Palace, Attard għall-ammont totali ta’ €1,308,41 exc. VAT; h. Fjuri dekorattivi – Direct Order li saret fit-2022 mingħand The Malta Florist għall-ammont totali ta’ €1,016.88 ; i. Spejjeż tal-persunal li saru minn Meridiana Wine Estate sabiex saru it-tours tal-produzzjoni tal-inbid u l-vinja waqt il-Malta AgriFair - Direct Order li saret fit-2022 ma’ Meridiana Wine Estate għall-ammont totali ta’ €1,763.00 exc. VAT .

Annimali — Rapporti dwar abbu jew negliġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jgħaddi żmien minn meta jiddaħħal rapport fuq suspettat abbuż jew negliġenza fuq l-annimali minn xi membru tal-pubbliku, sakemm issir spezzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jikklassifika r-rapporti skont l-urġenza li joħroġ mir-rapport, u spezzjonijiet jiġu ppjanati skont dik l-urġenza.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Furjana — King George V Recreational Grounds – sezzjoni dedikata għall-qtates

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk huwiex possibbli li s-sezzjoni dedikata għall-qtates fil-ġnien magħruf bħala King George V Recreational Grounds fil-Furjana, tiġi mġedda u miżmuma aħjar?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni tas-salarji mitluba.

Pitkalija — Bdiewa – tnaqqis ta’ 1%

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li minn din il-ġimgħa lill-bdiewa qed inaqqsulhom 1% oħra 'over and above' id-9% (8% commission lill-pitkala u 1% tal-kaxxi tal-pitkalija) li kienu diġà qed inaqqsulhom minn dak dovut lilhom meta jbiegħu l-prodotti tagħhom fil-pitkalija? Min ser jibbenefika mill-1% addizzjonali li ser ikunu qed iħallsu l-bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-commission tal-bdiewa kienet ta’ 8%, li 7% minnha kienet tmur għand l-Aġent tal-Bejgħ, filwaqt li 1% kienet tmur għand il-Malta Food Agency. Mit-18 ta’ Mejju ta’ din is-sena, bi qbil li kien hemm mal-ghaqdiet tal-bdiewa, din il-commission żdiedet għal 9%, maqsuma f’8% għall-Aġenti tal-Bejgħ u 1% għall-Aġenzija.

Farm to Fork — Green Deal

Question

Fid-dawl tal-istrateġija Farm to Fork tal-Unjoni Ewropea u li biha ser ikun hemm stabbiliti l-valuri/ miri nazzjonali li jridu jintlaħqu bħala parti integrali mill-Green Deal, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ħejjiex pjan speċifiku għal pajjiżna biex jiġi konformi ma’ din l-istrateġija? Jekk fl-affermattiv, jista': (a) jgħid ma' min (stakeholders, għaqdiet, koperattivi eċċ.) iddiskuta dan il-pjan; (b) ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan; u (ċ) jgħid għandux l-approvazzjoni tal-Kabinett għal dan il-pjan? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn dan il-pjan għadu ma sarx?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li it-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta

Question

Fid-dawl tad-dokument “Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta” (SWD(2020) 387 final), liema dokument ipoġġi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fir-rigward tal-pjan strateġiku tagħhom għall-Politika Agrikola Komuni u partikolarment għall-Artikolu 1.5 - Rakkomandazzjonijiet, jista' l-Ministru jelenka fid-dettall kif il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qed jindirizzaw din ir-rakkomandazzjoni (inkluż id-dati ta’ meta bdew jiġu implimentati) fir-rigward tar-rakkomandazzjoni dwar titjib tal-valur miżjud fis-settur agrikolu u billi jiġu appoġġati l-investimenti fit-tnaqqis tal-ispejjeż u fil-produzzjoni ta’ kwalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet imsemmija ġew indirizzati fl-abbozz tal-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2021. L-għan li jittejjeb il-valur miżjud fis-settur agrikolu u jiġu appoġġati l-investimenti fit-tnaqqis tal-ispejjeż u fil-produzzjoni ta’ kwalità hu maħsub specifikament taħt: § Objettiv Speċifiku 1 “Support viable farm income and resilience of the agricultural sector across the union in order to enhance long-term food security and agricultural diversity as well as ensure the economic sustainability of agricultural production in the Union”; § Objettiv Speċifiku 3 “Improve farmers bargaining position in the supply chain”; § Objettiv Speċifiku 5 “Foster sustainable development and efficient management of natural resources such as water, soil and air, including by reducing chemical dependency”.

Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta

Question

Fid-dawl tad-dokument “Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta” (SWD(2020) 387 final), liema dokument ipoġġi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fir-rigward tal-pjan strateġiku tagħhom għall-Politika Agrikola Komuni u partikolarment għall-Artikolu 1.5 - Rakkomandazzjonijiet, jista' l-Ministru jelenka kif il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qed jindirizzaw din ir-rakkomandazzjoni (inkluż dati ta’ meta bdew jiġu implimentati) fir-rigward ta’ tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bidwi fil-katina tal-valur billi tiġi appoġġata sħubija akbar tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li twassal għal skambju u kooperazzjoni mtejba tal-għarfien? X’qed jagħmel il-Gvern biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa (b’mod partikolari fis-settur tal-frott u tal-ħxejjex)?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet imsemmija ġew indirizzati fl-abbozz tal-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2021. L-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bidwi fil-katina tal-valur u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa hu maħsub specifikament taħt: § Objettiv Speċifiku 2 “Enhance market orientation and increase farm competitiveness both in the short and long term, including greater focus on research, technology and digitalisation”; § Objettiv Speċifiku 3 “Improve the farmer’s position in the value chain”.

Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta

Question

Fid-dawl tad-dokument “Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta” (SWD(2020) 387 final), liema dokument ipoġġi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fir-rigward tal-pjan strateġiku tagħhom għall-Politika Agrikola Komuni u partikolarment għall-Artikolu 1.5 - Rakkomandazzjonijiet, jista' l-Ministru jelenka kif il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qed jindirizzaw din ir-rakkomandazzjoni (inkluż dati ta’ meta bdew jiġu implimentati) fir-rigward tat-tisħiħ tal-modernizzazzjoni agrikola u titjib tal-iżvilupp tan-negozju agrikolu biex jiġu attirati bdiewa żgħażagħ billi jiġu indirizzati l-ostakli għad dħul fis-settur (jiġifieri l-aċċess għall-art) u jingħata inċentiv għall-użu ta’ teknoloġiji intelliġenti, ekoloġiċi u diġitali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet imsemmija ġew indirizzati fl-abbozz tal-Pjan Strateġiku għall-PAK għal Malta li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2021. L-għan li jsir tisħiħ tal-modernizzazzjoni agrikola u titjib tal-iżvilupp tan-negozju agrikolu biex jiġu attirati bdiewa żgħażagħ u inċentiv għall-użu ta’ teknoloġiji intelliġenti, ekoloġiċi u diġitali hu maħsub specifikament taħt: § Objettiv Speċifiku 2 “ Enhance market orientation and increase farm competitiveness both in the short and long term, including greater focus on research, technology and digitalisation ”; § Objettiv Speċifiku 5 “ Foster sustainable development and efficient management of natural resources such as water, soil and air ”; § Objettiv Speċifiku 6 “ Contribute to the protection of biodiversity, enhance ecosystem services and preserve habitats and landscapes ” § Objettiv Speċifiku 7: “ Attract and sustain young farmers and new farmers and facilitate sustainable business development in rural areas ”.