B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16586 rigward il-proġett ta' Multi Modal Hub f’Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru ġentilment jispjega fid-dettall u jgħid kif 'il-pjanti ġew emendati biex ikunu konformi mal-istess suġġerimenti tal-SCH' u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif kienu l-pjanti oriġinali u kif ġew emendati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjanti ġew emendati b’tali mod li l-ogħla livell ma jaqbiżx it-terren eżistenti tal-madwar. Dan apparti li ġew inklużi earthen berms mad-dawra biex ikompli jnaqqas l-impatt viżiv minn kull angolu. B’dan il-mod mad-dawra żdiedet il-landscaped boundary zone li allura riedet tirrikjedi struttura li tiflaħ għal dan. Dan ifisser ukoll li l-iżvilupp għandu d-daqs appożitu biex joqgħod eżatt fil-kontorn tal-madwar.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-pjanti oriġinali kif ukoll dawk emendati.
Attachments:PQ 19028 - Għawdex – Ta’ Xħajma – Multi Modal Hub – pjanti.pdf
Kerċem Għawdex – Triq Għajn Abdul – bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala fi Triq Għajn Abdul ġewwa r-raħal ta' Kerċem Għawdex ma nbnewx ħitan tas-sejjiegħ fuq iż-żewġ naħat tat-triq iżda nbena ħajt tas-sejjiegħ fuq naħa waħda ta' triq biss?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħitan tas-sejjiegħ li qegħdin jinbnew huma intiżi biex jżommu l-ħamrija milli tintilef meta tagħmel ix-xita.
Ministeru għal Għawdex – Security Officers u Principal Security Officers
Question
Jista’ l-Ministru għal Għawdex jgħid kemm kien hemm ħaddiema taċ-Ċivil fil-grad ta’ Security Officer u Principal Security Officer fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex sena b'sena u xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ma’ liema direttorat jaħdmu, u fejn jaħdmu bħala post, u ma’ xiex jagħmlu xogħol ta' Security? Jista’ jgħid wkoll kemm min dawn il-ħaddiema jaħdmu bix-shift u x'tip ta’ shift jaħdmu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ19069 Security Officers u Principal Security Officers.pdf
Peress li fir-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 17775 fis-seduta tas-16 ta' Diċembru 2020, l-Ministru qal "Fil-ġranet li ġejjin il-kumpanija Gozo Channel se tkun qed toħroġ tender li jikkonċerna r-raba’ vapur." u peress illi fir-risposta illi ta l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 18698 fis-seduta tad-9 ta' Frar 2021, il-Ministru qal "Bħalissa qed isiru l-preparamenti u d-drafting tat-tender biex il-kumpanija tkun tista tixtri jew tikri vapur ieħor u peress li dan il-proċess jinkludi l-ħtieġa li jiġu kkonsultati rapporti tekniċi, il-kumpanija ma tistax tgħid eżatt meta se joħroġ dan it-tender.", jidhirlux il-Ministru li dawn iż-żewġ risposti huma kontradittorji u li r-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 17775 mhijiex korretta? Jista' jgħid għala l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għadha ma ddeċidietx tikriex jew tixtriex ir-raba' vapur? Jista' jgħid hux għaqli jekk din id-deċiżjoni tittieħed qabel mal-kumpanija terġa’ tingħata l-Public Service Obligation għat-trasport bejn Malta u Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel terġa ittenni li x-xogħol fuq it-tender dwar ir-raba vapur għadu għaddej. L-Onorevoli Interpellant konxju ukoll li l-pandemija bidlet ix-xenarji kollha possibbli, avolja Malta qed jirnexxielha tkampa fost l-aħjar fiċ-ċirkostanzi.
Ministeru għal Għawdex — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel għandha tliet ftehimi kollettivi li skadew fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Inżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.
Triq li mir-Rabat twassal għal Marsalforn – testijiet fuq xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' testijiet bdew isiru f'dawn l-aħħar ġranet f'partijiet differenti mit-triq li mir-Rabat twassal għall-Marsalforn? Jista’ jgħid min minn qed isir dan ix-xogħol ta' testijiet, fejn u meta ħarġet is-sejħa biex isiru dawn it-testijiet u kemm hu ppjanat li jiġu jiswew u għala qed isiru issa dawn it-testijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħolijiet kollha li qegħdin isiru fit-Triq li mir-Rabat twassal għal Marsalforn huma kollha parti mit-tender CT3068/2019 u li ġiet awarded għas-somma ta’ Euro 8,942,640.87 (excl VAT).
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq il-Ħanaq ġewwa n-Nadur? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Marsalforn – Project Leader tar-Riġenerazzjoni tal-Menqa u Promenade
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-
Project Leader
(isem, kunjom u grad ta' individwu) tal-Proġett ta’ Pavimentar u xogħol ieħor fir-Riġenerazzjoni tal-Menqa u fil-Promenade ta' Marsalforn?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-fazijiet inizjali tal-proġett kien hemm Perit li ġie nkarigat mill-Ministeru għal Għawdex. Sussegwentament l-proġett gie fdat f’idejn Perit li huwa uffiċjal fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Peress li f'dawn l-aħħar ġimgħat l-Enemalta lestiet ix-xogħol fi Triq il-Pitkalija fix-Xewkija Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat (jagħti x-xahar u s-sena) li tingħata t-tieni kisja asphalt (wearing course) lil Triq il-Pitkalija ġewwa x-Xewkija Għawdex li parti kbira minnha ilha iktar minn sena b'kisja waħda ta' asphalt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin.
Marsalforn – Proġett tal-Menqa – refurbishment ta’ latrina pubblika
Question
B'referenza għall-inawgurazzjoni li saret mill-Ministru għal Għawdex fil-5 ta' Novembru 2020 tal-proġett tal-Menqa ta' Marsalforn, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex l-uniku latrina pubblika li hemm ġewwa l-area tal-Menqa għadu ma sarilhiex refurbishment u dan minkejja li din l-istess latrina ilha iktar minn sena magħluqa u ma tistax tiġi użata mill-pubbliku peress li hija fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid f’liema xahar u sena hija ppjanata li din il-latrina ssirilha refurbishment u terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq din il-latrina beda u qiegħed isir mill-ħaddiema tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid:
1) min huma ċ-Chairperson u membri tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex u kemm hi r-remunerazzjoni ta' kull membru?
2) kif ġew magħżula dawn il-membri?
3) kemm hu l-budget tal-istess Awtorità għas-sena 2021? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-budget kif approvat mill-istess Awtorità li juri kif qed tipproġetti l-infiq u dħul tagħha fis-sena kurrenti?
4) kemm kienet in-nefqa ta' din l-Awtorità fis-sena 2020 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' din in-nefqa?
5) kemm hemm impjegati ma’ din l-Awtorità fil-preżenti u x’inhu l-grad tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-komposizzjoni tal-Bord hi kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Ir-renumerazzjoni taċ-Chairman hija ta’ 30% ta’ Skala 4, filwaqt li dik tal-membri hija ta’ 11 % ta’ Skala 4.
Attachments:PQ 18784 - Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex.pdf
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17271, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitkompla x-xogħol infrastrutturali fuq Triq il-Wardija fil-Qala peress li r-residenti ilhom diversi xhur ibatu minn inkonvenjent kbir, wara li saret trinka tad-drenaġġ f’din it-triq u issa hija fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid ukoll fiex waslu d-diskussjonijiet mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ntlaħaq ftehim mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17262 u jgħid kemm kienet in-nefqa taħt kull item of expenditure għas-sena 2020 sew kapitali kif ukoll rikorrenti tal-Ministeru tiegħu? Kemm hu l-ammont kommess għan-nefqa taħt kull item u li s'issa għadu ma tħallasx? Saru xi trasferimenti ta' fondi minn item għal ieħor u jekk iva kemm kien dan l-ammont?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17633 u jgħid kemm-il kilometru ta’ toroq ġodda jew bini mill-ġdid ta’ toroq saru matul is-sena 2020, kif ukoll jgħid:
(a) kemm minnhom kienu toroq arterjali u distributorji;
(b) kemm minnhom tlestew kompletament u liema minnhom għadhom mhux lesti;
(c) f'każ ta' dawk it-toroq li għadhom mhux lesti, x'persentaġġ ta' xogħol fadal u meta jaħseb li ser jitlesta dan ix-xogħol;
(d) x'tip ta' servizzi nbidlu (dawl, mains tal-ilma tax-xorb, mains tad-drenaġġ, eċċ.);
(e) fejn saru water culverts u x'tulijiet ta' water culverts saru f'kull triq;
(f) fejn saru walk through culverts u x'tulijiet saru ta' walk through culverts f'kull triq;
(g) fejn saru bankini ġodda u gutters u x'tulijiet saru ta' bankini ġodda u gutters f'kull triq; u
(h) kemm kien stmat li tiġi tiswa’ kull triq u kemm fil-fatt ġiet l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li saru ħafna xogħlijiet u sabiex wieħed jiġbor din il-massa ta’ informazzjoni tirrikjedi ħafna mir-riżorsi tal-Ministeru, nitolbu sabiex ikun aktar speċifiku fuq liema triq irid l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Post fejn tistkenn għal min ikun bil-mutur fil-kju tal-vapur biex taqsam bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jara li jkun hemm fejn jistkenn mix-xita min irid jaqsam b'mutur bejn Malta u Għawdex meta jkun fil-kju tal-vapur fiċ-Ċirkewwa jew l-Imġarr?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm it-terminal fejn wieħed jista’ jidħol jistkenn.
Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament min organizza ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija lejn l-aħħar ta’ Jannar? Jista’ jagħti rendikont ta’ kemm ġiet tiswa din iċ-ċerimonja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Mitħna tax-Xewkija ġiet organizzata mis-Sezzjoni tal-Kultura fi ħdan id-Direttorat tal-Wirt Kulturali fil-Ministeru għal Għawdex u ġiet tiswa s-somma ta’ €14,742 (VAT eskluż).
Ministeru għal Għawdex – Diviżjoni Strateġija u Support – nefqa ta’ flus
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mid-Diviżjoni Strateġija u Support fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum? Jista' jagħti lista ta' kull pagament li sar mill-vot tad-Diviżjoni Strateġija u Support mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum u għal xiex sar kull pagament? Jista' jgħid f'kull każ jekk il-pagament sarx wara direct order, call for quotations jew tender u lil min ingħata bħala kumpanija jew individwu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-divizjoni tkopri diversi direttorati u sezzjonijiet fil-Ministeru għal Għawdex u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Ministeru għal Għawdex – post ta’ assistant foreman (Agriculture)
Question
B'referenza għas-sejħa li ħarġet internament f’dawn l-aħħar ġimgħat mill-Ministeru għal Għawdex għal Post ta' Assistant Foreman (Agriculture), jista’ l-Ministru għal Għawdex jgħid fil-ġimgħat li ġejjin skont il-Capacity Building (HR Plan) approvat għas-sena 2021, kemm hemm ippjanati li jingħataw promozzjonijiet internament mal-Ministeru għal Għawdex ta' Assistant Foreman (Agriculture) u jekk humiex ħa jaqdu d-dover tagħhom fid-Direttorat tar-Rural Directorate?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu vakanza waħda f'dan il-grad. Il-persuna li tiġi appuntata ser taqdi dmirijietha skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar f’liema xahar u sena hu ppjanat li toħroġ it-tender biex jinxtara r-raba' vapur tal-Gozo Channel u jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-iskop?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel Operations Ltd qiegħda taħdem fuq dan it-tender. Bħalissa qed isiru l-preparamenti u d-drafting tat-tender biex il- kumpanija tkun tista tixtri jew tikri vapur ieħor. Peress li dan il-proċess jinkludi l-ħtieġa li jiġu kkonsultati rapporti tekniċi, il-kumpanija ma tistax tgħid eżatt meta se joħroġ dan it-tender.