Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tad-Drenaġġ — ilmenti dwar ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li xi ħadd imur fuq il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separament fejn qed joħroġ ħafna drenaġġ li minkejja li saru r-rapporti xorta waħda għadu ma mar ħadd?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport dwar dan il-każ ħlief mid-Dipartiment tas-Sanità fit-13 ta’ Frar. Minnufih beda x-xogħol biex tissolva l-problema u d-drenaġġ twaqqaf milli joħroġ fit-triq dak in-nhar stess.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kuntratti għall-ingaġġ ta' skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Kumpanija BWSC — ilment fuq il-kwalità tad-diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija BWSC ilmentatx f’dawn l-aħħar ġimgħat u/jew jiem dwar il-kwalità tad-diesel li tuża l-Korporazzjoni Enemalta? Kemm-il darba dan huwa minnu kif wieħed jista' jinkwadra dan kollu meta l-impjant huwa maħsub li se jaħdem fuq il-heavy fuel oil u suppost li jaħdem anki bl-agħar tip ta’diesel?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kumpanija BWSC ma lmentatx dwar il-kwalità tad-diesel li tuża’ l-Enemalta, li fil-fatt huwa ta’ kwalità akar superjuri minn dak speċifikat minn BWSC.

ARMS Ltd — fee lil dawk li jitolbu kont aġġornat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-ARMS Ltd twaħħalx xi fee lil dawk il-konsumaturi kollha li jitolbuha kont tad-dawl u l-ilma aġġornat, anki f’każijiet fejn ikunu ilhom madwar sena ma jirċievu l-aħħar kont mhux estimate (stima)? Jekk iva, x’inhi din iċ-charge?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm miżata ta’ €4.66 sabiex jinħareġ kont b’data speċifika (u fuq qari ta’ meters indikati mill-konsumatur) li jkun jeħtieġ konsumatur. F’każ li konsumatur jkun jeħtieġ kont għax ikun ilu ma jinħareġ, ma jkun hemm l-ebda miżata applikabbli.

ARMS Ltd — persuni li ma jħallsux fi żmien 45 ġurnata

Question

F’każ fejn persuna tirċievi xi tliet jew erbgħa kontijiet tard għax tkun ġiet invoiced tard minn ARMS Ltd, jista' l-Ministru jgħid jekk il-klijent xorta waħda jiġi charged l-interessi bħal kull min ma jħallasx fi żmien 45 ġurnata mid-data tal-invoice u jista’ saħansitra jiġi mhedded ukoll li jaqtgħulu s-servizz tad- dawl u l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li meta jinħarġu diversi kontijiet f’daqqa, jingħata kreditu ta’ 120 ġurnata mid-data tal-kont, minflok 45 ġurnata tas-soltu. L-interessi jiġu applikati wara dawk il-120 ġurnata. Fuq dawn il-kontijiet partikolari, ma tinħariġx l-ittra tas-sospensjoni fil-perijodu tal-120 ġurnata li tkun ġiet mogħtija u għaldaqstant m’hemmx riskju li jiġi sospiz is-servizz tad-dawl, dement li ma jkunx hemm xi djun sostanzjali minn qabel ma jkunu inħarġu l-kontijiet partikolari li fuqu jkunu ngħataw 120 ġurnata. Konsumaturi li xorta jkollhom xi forma ta' diffikultà, jistgħu jikkontatjaw l-ARMS Ltd sabiex jgħamlu arranġament għal ftehim ta’ pagamenti bin-nifs. Dan il-metodu jista' jelimina ir-riskju ta’ sospensjoni tas-servizz, dement li l-ftehim jiġi onorat u pagamenti jsiru regolari kif jkun stipulat fil-ftehim. Niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li meta jsir ftehim ta’ dan it-tip, xorta japplikaw l-interessi. Konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu pagamenti kull xahar skond kif jeħtieġu huma jew inkella bħala payment on account anke jekk dawn ma jkunux irċivew kont u mitluba sabiex jħallsu. Dan il-metodu jservi sabiex jinqasmu l-ispejjeż tal-konsum, fuq varji pagamenti.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31627, 31488, 31044 u 30642 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-mobile phones (kemm xiri kif ukoll it-telefonati) għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settembru 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Gozo Channel Company

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29303 u 29688 u jgħid min huwa r-related party li flimkien miegħu il-Gozo Channel Co. għamlet l-offerat biex tkompli topera is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim, jekk sar, bejn il-Gozo Channel Co u r-related party? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn il-Gozo Channel Co – u msieħba oħra jekk hemm – dwar it-tmexxija tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt it-tender il-ġdida? Sar Public Service Contract mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30082.

Vjaġġi bejn l-Imġarr u Sa Maison

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kemm-il vjaġġ bir-ritorn sar mill-Gozo Channel bejn l-Imġarr u Sa Maison xahar xahar minn Settembru 2011 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn Settembru 2011 sa Jannar 2012 il-Gozo Channel Co. Ltd għamlet dawn il-vjaġġi bejn l-Imġarr u Sa Maison : Settembru 2011 16-il vjaġġ Ottubru 2011 16-il vjaġġ Novembru 2011 14-il vjaġġ Dicembru 2011 10 vjaġġi Jannar 2012 13-il vjaġġ

vetturi kummerċjli li qasmu bil-vapur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm vetturi kummerċjali qasmu (a) minn Għawdex għal Malta u (b) minn Malta għal Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel mill-2000 sas-sena 2011? Jista’ jagħti dan it-tagħrif separatament għaċ-Ċirkewwa u għal Sa Maison?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-2000 sas-sena 2011 il-Gozo Channel Co. Ltd biegħet 54,557 billjetti lill-vetturi kummerċiali ; 4,410 minn Sa Maison u 50,147 miċ-Ċirkewwa.

biljetti mibjugħa mill-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħu biljetti mill-Gozo Channel għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex xahar xahar minn Settembru 2008 sa Awwissu 2009 u minn Settembru 2009 sa Awwissu 2010 lill-: a) passiġġieri residenti f’Għawdex bil-vettura; b) passiġġieri residenti f’Għawdex bla vettura; ċ) passiġġieri residenti Malta bil-vettura d) passiġġieri residenti Malta bla vettura; e) passiġġieri barranin bil-vettura; u f) passiġġieri barranin bla vettura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar id-dependency ratio

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dependency ratio f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2006 ‘l hawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li tnaqqas mid-dekasteru tiegħu bħala parti miż-0.59% mnaqqsa mill-budget għas-sena 2012? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-ammonti u liema huma l-line items?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ċensiment dwar Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk miċ-ċensiment hix se tittieħed u tiġi analazzata informazzjoni biex ikun hemm data speċifika dwar Għawdex u l-kwalità tal-ħajja f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti d-dettalji relattivi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni kollha li kienet miġbura miċ-ċensiment tkun ippubblikata b’mod separat għal Malta u għal Għawdex, kif sar f’ċensimenti oħra fil-passat riċenti. Fit-tieni kwart ta’ din is-sena se jkun ippubblikat ir-rapport preliminari, filwaqt li kmieni s-sena d-dieħla, ikun ippubblikat ir-rapport finali.

High net worth individual scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm kien hemm applikanti li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom taħt il-High net worth individuals scheme dwar residence permits li ħareġ il-Gvern f'Settembru li għadda? Kemm minnhom ġew approvati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li s’issa kien hemm 8 persuni li tefgħu l-applikazzjoni taħt il-High Net Worth Individuals Scheme. Minn dawn l-applikazzjonijiet, 2 ġew approvati, filwaqt li s-6 l-oħra qiegħdin jiġu pproċesssati.

Delimara — estenzjoni tal-power station - heavy fuel oil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm heavy fuel oil inġieb lejn pajjiżna in konnessjoni mat-tħaddim tal-estensjoni tal-power station ta' Dellimara? Kemm inġieb f'pajjiżna, b'liema prezz, minn fejn inxtara, min kienu l-aġenti involuti u b'liema metodu ddaħħal f'pajjiżna dan il-heavy fuel oil?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li il-heavy fuel oil li nġieb Malta għall-power station ta’ Delimara ser jintuża kemm għall-impjant il-ġdid kif ukoll għall-impjant eżistenti. Peress li x-xiri tal-fuel huwa oġġett kummerċjali, mhux prudenti li l-prezz u minn fejn inxtara, kif ukoll l-identità tal-aġenti involuti jiġu pubblikati. Il-fuel oil kollu jidħol Malta mill-baħar fuq vapuri attrezzati biex iġorru dan il-prodott.

Delimara — estenzjoni tal-power station - heavy fuel oil

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jinżamm il-heavy fuel oil li nġieb f'pajjiżna in konnessjoni mat-tħaddim tal-estensjoni tal-power station ta' Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-heavy fuel oil li nġieb Malta, għat-tħaddim kemm tal-estensjoni, kif ukoll għall-impjant eżistenti tal-power station ta’ Delimara qed jinżamm Delimara stess.

Enemalta — vapuri biex jinġieb il-fuel

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk il-Korporazzjoni Enemalta kkummissjonatx vapuri ta' kumpaniji lokali biex permezz tagħhom ikun jista' jinġieb il-fuel minn fuq bastimenti appożiti tal-ġarr ta' fuel għal ġo pajjiżna? Għaliex inħasset il-ħtieġa li jiġu kkummissjonati vapuri? Meta beda x-xogħol ta' dan il-vapur/i? Kemm tħallset il-kumpanija lokali għalih u minn min? Huwa normali li jintuża dan il-vapur biex jinġieb il-fuel f'pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Enemalta ma kkummissjonat l-ebda vapur (kemm lokali, kif ukoll barrani) biex jinġieb fuel minn fuq bastimenti tal-ġarr tal-fuel. Enemalta kultant tagħmel użu minn vapuri żgħar lokali biex isir trasferiment tal-fuel minn ġol-ħażna (kemm tagħha, kif ukoll tat-terzi) għall-ħażniet oħrajn f’Malta skont il-ħtieġa.

BWSC — informazzjoni dwar il-kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jindika, in konnessjoni mal-bini tal-estensjoni tal-power station ta' Delimara x'obbligi fadlilha tagħmel il-BWSC skont il-kuntratt? Kemm tħallset? Kemm fadlilha titħallas? Hemm xi affarijiet li l-BWSC jew m'għamlitlhomx jew għamlithom mhux a kuntentizza tal-gvern jew damet biex għamlithom? Jekk hemm affarijiet li damet biex għamlithom, għaliex damet biex għamlithom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kostruzzjoni tal-impjant huwa lest. L-impjant qed jiġi tested. Dan jinkludi ttestjar tal-boilers u l-isteam turbine, ttestjar tal-impjant tat-tisfija tat-tniġġis, u 30 ġurnata prova ta’ affidabilità fuq l-impjant. Dan biex ikun assigurat li l-estensjoni taħdem skont l-aqwa standard ambjentali li abbażi tagħhom ingħatat il-permess IPPC mill-MEPA. Il-pagamenti lil BWSC s’issa ammontaw għal €157,463,386 u mill-pagamenti assoċjati diretti mall-kuntratt, jonqos €8,671,167. Ninsab infurmat ukoll li l-impjant hu magħmul minn ħafna makkinarju differenti u s’issa m’hemmx diffikultajiet f’dak li ġie istallat.

Xgħajra — Impjant ta’ Barkat - ġarr ta' sludge

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt biex jinġarr is-sludge mill-Impjant ta’ Barkat fix-Xgħajra għall-Magħtab? Inħarġet b'tender jew ingħata b’direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kopja tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u l-‘Letter of Acceptance’ qed jipoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kuntratt ingħata wara sejħa pubblika għall-offerti.

Dettalji tax-xogħol ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-persuna, li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ (Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma)? Dan ix-xogħol jinkludi sewqan tal-bowsers?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi din il-persuna għandha l-grad ta’ MSF Level 4 (Multi-skilled Fitter), u bħalissa taħdem fis-sezzjoni tal-Wastewater tad-Deep Sewers (North Region). Dan ix-xogħol jinkludi tindif bil-bowser.