Legislature:
Category:
Reset
Active:

operators licence għal trasport mhux imġedda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-pedina penali mhux qiegħda tinħareġ lill-persuni li għandhom operators licence għal trasport mill-pulizija, meta din hi meħtieġa sabiex tiġġedded il-liċenzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ħruġ mill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ ċertifikati tal-kondotta huwa regolat bl-liġi ad hoc, ċioe l-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta (Kap. 77 tal-Liġijiet ta’ Malta). Din il-liġi tispeċifika l-kategoriji ta’ ċertifikati li l-Kummissarju tal-Pulizija jista’ joħroġ, li huma jew ċertifikat ta’ kondotta tajba jew dikjarazzjoni magħmula skont il-Formula B li hemm fl-Ewwel Skeda li tinsab mall-Ordinanza, li jkun hemm imniżżel fiha l-kundanni kontra l-persuna msemmija fiċ-ċertifikat mogħtija mill-Qorti ta’ Ġustizzja u li għandhom jiġu rreġistrati skont kif hemm provdut fl-istess Ordinanza.
Leg 11 PQ #15574 Sitting 199 2010-03-15 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korettiva ta' Kordin — inmates

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) x'inhi l-ispiża rikkorrenti sabiex tkun amministrata l-Faċilità Korettiva ta' Kordin? b) kemm hemm inmates f'din il-faċilità li huma ta' inqas minn: i) 15-il sena sa 18-il sena? ii) 18-il sena sa 20 sena? iii) 20 sena sa 25 sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ispiża rikkorenti sabiex tkun amministrata l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hija ta’ € 8,859,000. F’dan l-ammont hawn inkluż il-pagi, spejjeż (day to day running) li jinqalgħu fil-ħabs, il-gratuity u work and pay li jitħallsu l-inmates, it-tobba, nurses, tal-Caritas u tas-Sedqa li jagħtu s-servizz tagħhom kuljum. Infurmat ukoll li f'dan l-ammont hawn inkluż € 185,000 Kapitali li dan jintuża biex isir ir-refurbishment tad-divisions, kif ukoll manutenzjoni fejn ikun meħtieġ. L-informazzjoni għat-tieni mistoqsija hija kif ġej:- i) inmates bejn 15-il sena sa 18-il sena 6 ii) inmates bejn 18-il sena sa 20 sena 13 iii) inmates bejn 20 sena sa 25 sena 82
Leg 11 PQ #15238 Sitting 198 2010-03-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kwalità aħjar tal-gardjoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titjieb il-kwalità u jiżdiedu l-faċilitajiet tal-gardjoli li huma użati kuljum mill-membri tal-Korp tal-Pulizija sabiex jaqdu d-doveri tagħhom waqt il-fixed points? X'inhi r-raġuni li dawn il-gardjoli ma fihomx bieba li tingħalaq sabiex jiġi evitat li fix-xita l-pulizija jixxarrab?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gardjola qiegħda hemm sabiex il-Pulizija li jkun qed jagħti protezzjoni jew sigurtà jkollu fejn ipoġġi l-affarijiet tiegħu u mhux biex joqgħod fiha huwa matul l-ħin ta’ l-għassa. Dan sabiex jagħti l-aħjar protezzjoni jew sigurtà fuq il-post lilu ordnat. Barra minn hekk, il-lum il-ġurnata l-istess protection duty qiegħda tiġi maqsuma b'shifts.
Leg 11 PQ #15240 Sitting 198 2010-03-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — shifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-membri tal-Korp tal-Pulizija assenjati bix-shift ta' Night - Second - First - Off, m'għandhomx 11-il siegħa rest period bejn shift u ieħor kif tipprovdi l-liġi industrijali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi skont ir-Regolamenti dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol (L.S.452.87), dak li hemm ipprovdut fir-regolament 4 ta’ l-istess Regolamenti dwar mistrieħ ta’ kuljum, mhux applikabbli għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Dan skont ir-regolamenti 15 u 16 ta’ l-istess Regolamenti. Infurmat ukoll illi dan ix-xift beda jiġi ntrodott fil-Korp tal-Pulizija f’April 2006 minflok ix-xift ta’ night – second – night – second – first – off jew 24 siegħa duty – 24 hrs rest jew inkella night (12 hr) – day (12hr) – rest, jiġifieri fejn pulizija kienu jaħdmu f’xifts ta’ 96 siegħa jew 47 siegħa, illum ġew jaħdmu f’xifts ta’ 46 siegħa, b’tali mod li xift illum ma jiġix iddisturbat. Dan iffisser li Pulizija b’dan ix-xift jista jipprogramma l-agenda personali tiegħu anke sa sena qabel. Barra minnhekk ta’ min izid illi l-membri tal-Korp in ġenerali laqgħu tajjeb l-introduzzjoni ta’ dan l-istess xift.
Leg 11 PQ #15242 Sitting 198 2010-03-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — ftehim kollettiv taċ-ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huwa dak il-Bord, fejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħu jmorru sabiex jinnegozjaw ftehim kollettiv ġdid għalihom, u mhux kif qed jiġri fil-preżent fejn qed jiġu mdaħħla fil-ftehim kollettiv taċ-ċivil, mingħajr qatt ma jkunu ġew konsultati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Naħseb li l-Bord li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, huwa l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar, skont ma jipprovdi l-Artikolu 21 tal-Att dwar il-Pulizija, Kap 164 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Leg 11 PQ #15135 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

raids fuq ħwienet tal-logħob

Question

B'referenza għas-sitwazzjoni li żviluppat f'Awwissu tas-sena l-oħra 2009, fejn il-Pulizija ġiet ordnata tagħmel diversi raids fuq ħwienet tal-logħob ( gambling parlours ) f'ħafna lokalitajiet u kien irriżulta li ingħalqu xi postijiet ukoll inkluż li ġew issekwestrati xi magni tal-logħob, jista' l-Ministru jaġġornani dwar x'inhi s-sitwazzjoni llum? Jista' jgħid ukoll jekk itteħdux proċeduri legali mill-Pulizija, u jekk fl-affermattiv f'liema stadju waslu dawn il-proċeduri legali mill-Pulizija u/jew mill-avukat ġenerali fil-konfront tal-azzjonjiet li ħadet il-Pulizija dakinhar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi wara li l-Awtorita' tal-Lotteriji u Logħob kienet għaddiet lill-Pulizija informazzjoni dwar ħwienet tal-logħob li kienu qed joperaw mingħajr liċenzja tal-istess Awtorita, il-Pulizija kienet ħadet l-azzjoni meħtieġa sabiex dawn il-ħwienet jingħalqu u jsiru l-investigazzjonijiet opportuni. Appena dawn jiġu konklużi tittieħed kull azzjoni ulterjuri opportuna skont il-liġi.
Leg 11 PQ #15168 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Trasferiment ta' snieter — carnet de chasse

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu jikkawża d-dewmien għal trasferimenti ta’ snieter kaġun tal-fatt li l-carnet de chasse mhux jinħareġ fiż-żmien mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata u t-trasferimenti qegħdin isiru.
Leg 11 PQ #15170 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni Ċivili f'Għawdex — ħlasijiet tal-extra duties

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma sarux il-ħlasijiet tal-extra duties li membri tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex għamlu matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu tas-sena li għaddiet ? Jista' jgħid kemm jammontaw dawn il-ħlasijiet? Jista' jgħid meta se jsiru dawn il-ħlasijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-proċess biex isir ħlas fir-rigward ta’ siegħat żejda jirrikjedi xogħol amministrattiv sostanzjali li kulltant jieħu żmien aktar milli wieħed jixtieq. Tali xogħol jinkludi prinċipalment il-komputazzjoni, verifika u eventwalment awtorizzazzjoni tal-ammonti dovuti. Infurmat ukoll li dan il-proċess issa tlesta u l-ħlasijiet mistennija jsiru mill-aktar fis possibbli. L-ammont totali ta’ ħlas dovut huwa ta’ € 23,841.74.
Leg 11 PQ #15230 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — teleworking

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta li qegħdin jibbenefikaw minn teleworking?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija m'hemmx membri li qegħdin jaħdmu bit-telworking.
Leg 11 PQ #15233 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta' Malta — membru tal-MCESD

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta' Malta mhix membru tal-MCESD?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali huwa mwaqqaf bl-liġi ad hoc. (Kap 431 tal-Liġijiet ta’ Malta). Għaldaqstant ġenitlment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #15235 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — żraben ta' kwalità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw żraben iktar ta' kwalità sabiex tiġi wkoll protetta s-sigurtà tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-fatt nhar il-5 ta’ Jannar ta’ din is-sena il-Korp tal-Pulizija ħareġ sejħa għall-offerti għal provvista ta’ żraben (ankle boots) bi speċifikazzjonijiet aħjar minn dawk li nxtraw fil-passat. Din is-sejħa għall-offerti għalqet fl-24 ta’ Frar, u bħalissa qiegħda tiġi proċessata.
Leg 11 PQ #15237 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għases tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm hawn għases tal-pulizija li qegħdin jintużaw fil-mument? b) kemm minn dawn l-għases fihom sis-sistema PIRS? ċ) kemm minn dawn l-għases fihom l-arja kundizzjonata? d) kemm minn dawn l-għases fihom kamra privata fejn persuna li tirrikorri ġewwa l-għassa tista' titkellem liberament fil-privatezza? e) kemm minn dawn l-għases fihom showers, changing room u lockers fejn wieħed jista' jbiddel u jerfa' l-uniformi tiegħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi : (a) fil-preżent, il-Korp tal-Pulizija għandu 55 Għassa f’Malta u 20 f’Għawdex. Dawn kollha qed jintużaw, ħlief għal xi għases f’lokalitajiet li jinfetħu biss fix-xhur tas-sajf. Hemm ukoll l-Għassa ta’ Wied iż-Żurrieq li bħalissa ma tinfetaħx minħabba li tenħtieġ xogħol estensiv ta’ restawr. Hemm ukoll għases f’xi rħula jista’ jkun li jingħalqu temporanjament meta l-preżenza tal-pulizija li jkun xogħol f’dik l-għassa tkun meħtiġa x’imkien ieħor. (b) Infurmat ukoll li hemm 26 għassa li għandha s-sistema tal-PIRS filwaqt li bħalissa għaddej ix-xogħol sabiex din is-sistema tkun introdotta f’6 Għases oħra. (c) Hemm 9 għases li fihom hemm istallat xi apparat ta’ l-arja kondizzjonata. (d) F’każ li jkun meħtieġ li persuna ma titkellimx fir- reception area minħabba li l-każ ikun jenħtieġ ċertu privatezza, għalkemm mhux f’kull għassa hemm kamra speċifikament għalhekk, dejjem jista' jiġi utilizzat xi post ieħor ġewwa kull għassa, bħal per eżempju l-uffiċċju ta’ l-ispettur, l-uffiċċju distrettwali jew xi kamra oħra. (e) L-għases tal-Pulizija ġeneralment huma attrezzati b’ lockers fejn il-membri tal-Korp jistgħu jżommu xi affarijiet personali tagħhom. Madankollu skond il- policy tal-Korp, il-membri huma obligati li ma jħallux l-uniformi fl-għassa fejn huma stazzjonait, imma jridu jilbsuha waqt li jkunu sejrin jew ġejjin mill-post tax-xogħol, ovvjament ħlief dawk li jaqdu d-doveri tagħhom mingħajr uniformi.
Leg 11 PQ #15341 Sitting 197 2010-03-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każijiet ta' suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' suwiċidju sena b'sena bejn is-sena 2000 u illum? Jista' jindika kemm minn dawn kienu nisa, irġiel u kemm minnhom kienu adoloxxenti taħt it-18-il sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Leg 11 PQ #15111 Sitting 196 2010-03-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — managers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm managers jaħdmu fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċvili, kif sar l-ingaġġ tagħhom u xi kwalifiki għandhom? Jista' jgħid x'tip ta’ xogħol hemm assenjat fil-preżent lil kull wieħed minn dawn il-managers ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm żewġ Managers jaħdmu fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dawn inħatru wara żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li saru f’Lulju tal-1998 u Lulju tal-1999 rispettivament. Fiż-żewġ każi l-uffiċjali magħżula kellhom il-kwalifiċi mitluba fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet. Wieħed mill- Managers huwa nkarigat mill-istazzjon ta’ tifi tan-nar f’Ħal Far, kif ukoll mit-tiswijiet ta’ vetturi, inġenji u makkinarju tad-dipartiment. Dan l-impjegat jieħu ħsieb ukoll it-taħriġ tad-dipartiment u l-applikazzjonijiet tal-MEPA u qiegħed fil-kumitat msejjaħ SEVESO Offsite Emergency biex jara li dawk l-istabbilimenti li jaqaw taħt il-kriterji tas-SEVESO huma koperti bi pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ xi inċident. Il- Manager l-ieħor jieħu ħsieb is-sezzjoni tad- divers u hu nkarigat minn l-inċidenti li jinqalgħu fit-tramuntana ta’ Malta u Għawdex kif ukoll jieħu ħsieb dak kollu li jirrigwarda l-komunikazzjoni ma' entitajiet oħra u l-kwartieri ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili.
Leg 11 PQ #15228 Sitting 196 2010-03-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — reduced hours

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta li qegħdin jibbenefikaw mis-sistema tar-reduced hours b'50% u b'75%?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 45 membru fil-Korp tal-Pulizija li qegħdin jibbenefikaw mis-sistema tar-reduced hoursli kollha huma b'75%.
Leg 11 PQ #15267 Sitting 196 2010-03-08 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — ċitazzjonijiet fuq rimi ta' materjal

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' ċitazzjonijiet li ħarġu mill-pulizija għal dawk li huma rimi ta' materjal (inkluż sigaretti) fit-toroq tagħna matul l-2009 u din is-sena s'issa, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

NInsab infurmat illi matul is-sena l-oħra l-Pulizija tat 56 ċitazzjoni fuq rimi ta' materjal inkluż sigaretti, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, filwaqt li f'Jannar u Frar ta' din is-sena ngħataw 8.
Leg 11 PQ #14688 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — salarji u kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' persuni li jinsabu jaħdmu abbażi ta' kuntratt fil-Ministeru u fid-dekasteru li jaqa' taħtu? X'pożizzjoni jokkupaw u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #14731 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

MInisteru tal-Ġustizzja u l-Intern — saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-Ministeru biex tiġi promossa s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol fost id-dekasteri li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ssir fuq bażi regolari. Il-miżuri li ttieħdu s’issa, fuq bażi kollettiva, jinkludu:- a) L-installazzjoni ta’ apparat għat-tifi tan-nar, emergency lights, hand dryers u extractor fans; b) il-provvista ta’ kaxxi tal-first aid, ilbies protettiv u tagħmir protettiv personali; ċ) servizz ta’ tilqim kontra l-influwenza mogħti fuq il-postijiet tax-xogħol; d) in-nominazzjoni ta’ persuni mħarrġa f’din il-materja; e) il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ impjegati f’korsijiet marbuta ma’ din it-tema fuq bażi kontinwa; Ninsab informat ukoll illi l-Qrati jqabbdu espert kull sentejn biex jispezjona kull uffiċċju fil-bini bil-għan li jiġu identifikati xi riskji strutturali. Wara dan l-eżerċizzju, l-espert iħejji rapport u jittieħdu l-passi neċessarji min-naħa tal-Qrati sabiex jiġu ndirizzati dawn in-nuqqasijiet.
Leg 11 PQ #15163 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Residenti Għawdxin akkużati fil-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti f’Għawdex li ġew akkużati fil-Qorti kull sena mill-1999 sal-2009 dwar: a) delitti kontra s-sentiment reliġjuż? b) delitti kontra l-fiduċja pubblika? ċ) falsifikazzjoni ta’ karti, ta’ timbri u ta’ siġilli? d) delitti li għandhom x’jaqsmu mad-dmirijiet tal-membri tal-familji lejn xulxin? e) delitti kontra l-paċi tal-familja? f) omiċidju volontarju? ġ) offiżi volontarji fuq il-persuna? g) offiżi sesswali fuq maġġorenni? h) korruzzjoni ta’ tfal taħt l-età? ħ) għoti jew bejgħ ta’ sustanzi velenużi jew ta’ ħsara għas-saħħa? i) użu illegali ta’ alkoħol u droga? j) theddid u vjolenza kontra l-privat? k) serq ikkwalifikat? l) serq sempliċi? m) frodi? n) pussess ta’ droga? għ) kontravenzjonijiet kontra l-ordni pubblika? o) offiżi kontra nuqqas ta’ attendenza fl-iskola?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma ta’ statistika.
Leg 11 PQ #15164 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Separazzjoni taż-żwieġ f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu kawżi ta’ separazzjoni taż-żwieġ f’Għawdex kull sena mill-1999 sal-2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.