Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Luqa — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru f'Ħal Luqa sal-aħħar ta' din is-sena? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u jelenka x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta bdiet xogħlijiet fi Triq G. Tragance u Triq il-Karmnu. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu xogħlijiet prinċipali fid-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb għad-djar, stormwater works, rikostruzzjoni ta’ mogħdijiet u kanali tal-konkos, bini ta’ toroq, asfalt u sinjali tat-toroq. Ix-xogħol beda f’Jannar u huwa previst li jitlesta sa Ġunju 2025. Hemm ukoll ippjanat ukoll xogħol fi Triq Indri Micallef u Triq Censu Decandia.

Is-Siġġiewi — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru fis-Siġġiewi sal-aħħar ta' din is-sena? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett u jelenka x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta qed tagħmel xogħlijiet fi Triq Salvu Borg Olivier, li mistennija jitlestew sa Marzu 2025. Ix-xogħlijiet jinkludu cables tal-Enemalta, konnessjonijiet ta’ ilma tax-xorb għad-djar, xogħlijiet tad-drenaġġ, kostruzzjoni ta’ postijiet tal-parkeġġ, bankini, bini ta’ toroq, asfalt u sinjali tat-toroq. Bħala toroq rurali għaddejjin b’xogħolijiet fi Triq Tal-Girgenti u Limiti ta’ Zejnu, u ppjanati: · Triq Wied tal-Lewża (Frar – Mejju 2025), · Triq Santu Kristu ta’ l-għolja (April – Lulju 2025), · Sqaq fi Triq il-Panoramika (Ottubru – Diċembru 2025), · Sqaq fi Triq Wied Ħanżir (Novembru – Diċembru 2025) u · Sqaq fil-limiti tal-Buskett (Novembru – Diċembru 2025). Dawn ix-xogħlijiet jikkonsistu f’wiċċ ġdid u servizzi ġodda skont kif mitlub minn entitajiet pubbliċi oħra. Hemm pjanat ukoll xogħol fi Triq Blat il-Qamar.

Xufiera — tags

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ħarġu tags għal xufiera tal-Coaches (D), matul l-2018 u l-2024, maqsuma sena b'sena u fit-tabella jgħid ukoll kemm minnhom kienu ta' nazzjonalità Maltija, u kemm minnhom kienu barranin?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Eżaminaturi tal-liċenzji tas-sewqan — Rekwiżiti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24571 u jgħid x'inhuma r-rekwiżiti mitluba biex persuna tkun eżaminatur tal-liċenzji tas-sewqan, għal kull kategorija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikanti eliġibbli, sal-ħin u d-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, irid ikollhom fil-pussess tagħhom: § Livell ta’ edukazzjoni MQF Livell 3 li huwa ekwivalenti f’suġġetti relatati fl-irwol ta’ driving examiner per eżempju (amministrazzjoni, inġinerija, manaġerjali, IT, psikoloġija u sapport lill-klijent) § Mill-inqas tlieta u għoxrin sena eta’ § Ikun f’pussess ta’ liċenzja tas-sewqan nadifa, f’kategorija B (Karozzi) għal dawn l-aħħar tliet snin § Kondotta tal-pulizija nadifa § Liċenzja tas-sewqan nadifa § Medikament tajjeb għax-xogħol § M’għandux kunflitt ta’ interess ma’ skejjel kummerċjali tas-sewqan u għalliema.

Skejjel tas-sewqan — Seminars jew laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb i-mistoqsija parlamentari 24572 u jgħid jekk sarux seminars jew laqgħat għall-instructors jew skejjel tas-sewqan mill-2011 'l hawn dwar x'inhu mistenni minnhom meta l-istudenti jitilgħu għall-eżami tal-liċenzja? Jekk iva, jista' jgħid meta u fejn saru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta organizzat diversi seminars għall-instructors tas-sewqan sabiex jiġu diskussi l-aspettattivi tagħhom u r-rekwiżiti relatati mal-eżamijiet tal-liċenzja tas-sewqan. Dawn is-seminars saru fl-2023 u ġew organizzati fi gruppi żgħar sabiex il-lettur seta’ jiffoka aħjar fuq kull parteċipant u jinħoloq spazju għal skambju ta’ idejat u diskussjoni effettiva. L-għan ta’ dawn is-seminars kien li nkomplu ntejjbu l-istandards tas-servizz mogħti lill-istudenti u nsaħħu l-komunikazzjoni bejn l-instructors u l-Awtorita’.

Eżaminaturi tal-liċenzji tas-sewqan — Linji gwida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24573 u jgħid meta l-aħħar li ħarġu linji gwida dwar l-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan għal kull kategorija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Awtorità għat-Trasport f’Malta qegħdha taħdem fuq emendi u aġġornament tal-Proċeduri Operattivi (Standard Operating Procedures) relatati mat-test tal-prattika sabiex tottjeti l-liċenzji tas-sewqan għal kull katergorija. L-għan ta’ dan l-aġġornament huwa li jiġu indirizzati b’mod ħolistiku l-ħtiġijiet tal-instructors tas-sewqan, tal-eżaminaturi u tal-kandidati, sabiex jiġi ¿gurat li kull azzjoni tkun trasparenti, ġusta u konformi mal-ogħla standards professjonali. Dan il-proċess qed isir b’mod metikoluż, fejn qed naraw li jiġu integrati prattiċi moderni li jkunu addattati għar-realtajiet tal-lum.

Eżami tas-sewqan — Żmien ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24574 u jgħid kemm hu twil iż-żmien ta' stennija biex wieħed jitla' għall-eżami tas-sewqan minn meta jdaħħal l-applikazzjoni, maqsuma kategorija b'kategorija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija huwa bejn xahrejn u erba’ xhur.

Eżamijiet tal-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24575 u jgħid min hu responsabbli li jara li l-eżamijiet tal-liċenzja tas-sewqan ikunu standardised u li qed tinżamm l-istess riga mill-eżaminaturi kollha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi lis-standards tal-eżamijiet tal-liċenzja tas-sewqan hija prijorità ewlenija għall-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta. L-eżaminaturi qed isegwu l-Proċeduri Operattivi (Standard Operating Procedures) attwali, li bħalissa qed jiġu riveduti u aġġornati sabiex ikunu riflessjoni aħjar tar-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-lum. Dan il-proċess ta’ aġġornament qed isir bil-għan li jiġu stabbiliti kriterji aktar ċari, trasparenti u uniformi, sabiex jiġi żgurat li l-eżamijiet jitmexxew b’mod konsistenti u ġust għal kulħadd.

Il-Mosta — Triq il-Fortizza - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fi Triq il-Fortizza, il-Mosta, tlestiex u għal liema raġuni din it-triq reġgħet ingħalqet bejn it-13 u d-19 ta’ Jannar 2025? Jista’ jgħid ukoll meta beda x-xogħol kollu f’din it-triq u kemm dam għaddej?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Trasport Pubbliku użat minn tfal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24698 u jgħid kemm kien hemm tfal li użaw it-trasport pubbliku fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta passiġġiera tfal li għandhom it-Tallinja card tat-tip Child u li għamlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku mis-sena 2022 sal l-2024, huma s-segwenti: Sena Child 2020 3,057 2021 2,036 2022 3,073 2023 4,035 2024 6,949

Trasport Pubbliku użat minn studenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24699 u jgħid kemm kien hemm studenti li użaw it-trasport pubbliku fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta passiġġiera studenti li għandhom it-Tallinja card tat-tip Student u li għamlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku mis-sena 2022 sal l-2024, huma s-segwenti: Sena Student 2020 30,972 2021 30,330 2022 39,079 2023 43,383 2024 46,523

Trasport Pubbliku użat minn adulti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24700 u jgħid kemm kien hemm adulti li użaw it-trasport pubbliku fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta passiġġiera adulti li għandhom it-Tallinja card tat-tip Adult u li għamlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku mis-sena 2022 sal l-2024, huma s-segwenti: Sena Student 2020 89,420 2021 80,779 2022 112,610 2023 153,960 2024 174,419

Trasport Pubbliku użat minn Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24701 u jgħid kemm kien hemm Għawdxin li użaw it-trasport pubbliku fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta passiġġiera Għawdxin li għandhom it-Tallinja card tat-tip Gozo u li għamlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku mis-sena 2022 sal l-2024, huma s-segwenti: Sena Gozo 2020 3,054 2021 3,204 2022 4,275 2023 5,605 2024 6,597

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – Ilma tax-xita

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24636, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew jekk huwiex ippjanat li tinstab soluzzjoni għal numru ta' residenti fi Triq tal-Ġebel, f'Birżebbuġa, speċjalment dawk li joqogħdu faċċata ta' Triq il-Kus u Triq in-Narċis, li qed jidħlilhom ħafna ilma kull meta tagħmel ix-xita?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħareġ sejħa għall-offerti biex isiru culverts għall-ilma tax-xita fi Triq il-Ġebel u Triq in-Narcis, Birżebbuġa biex tittaffa l-problema tal-ilma tax-xita fit-toroq indikati.

Xogħlijiet fuq culverts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati xi interventi sabiex il-culverts ma jinstaddux ma’ kull ftit xita li tagħmel? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' interventi se jsiru, meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser ikunu lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni qiegħda tinġabar.

Ħ’Attard – Triq in-Nutar Zarb – Speed camera

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li titpoġġa speed camera fi Triq in-Nutar Zarb, f'Ħ'Attard, biswit il-ħanut Babysky, minħabba l-fatt li qegħdin jgħaddu bosta trakkijiet u karozzi fid-direzzjoni Rabat lejn il-Belt Valletta b'veloċità eċċessiva?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm talba għal repeater speed camera aktar ’l isfel fl-istess triq. Tali talba qed tiġi evalwata mill-Awtorità.

Ħ’Attard – Triq in-Nutar Zarb – Crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jitpoġġew crash barriers fi Triq in-Nutar Zarb, kantuniera ma' Triq Ħaż-Żebbuġ, f’Ħ’Attard, proprju qabel l-arblu tat-traffic lights fejn hemm il-ħanut Natasha's His and Hers, kif ukoll wara t-traffic lights fuq bankina pjuttost wiesgħa fejn hemm erba' arbli tad-dawl li magħhom hemm bosta cables tqal tad-dawl u servizzi oħra (kif ukoll kaxxa tal-Melita u proprjetà ta' terzi fl-istess kantuniera) peress li bosta vetturi fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta, fosthom trakkijiet u karrozzi oħra, qed jgħaddu b'veloċità kbira?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saret spezzjoni fuq il-post minn Uffiċjali tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta u ser jittieħdu l-passi kollha neċessarji.

Transport Malta – Kapijiet eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-kapijiet eżekuttivi ta’ Transport Malta mill-2012 ’il quddiem? Jista’ jipprovdi l-ismijiet kif ukoll id-data tal-bidu u t-tmiem tal-kariga tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi provduta permezz ta’ din it-tabella: 2010 – 2012 Dr Stanley Portelli 2013 – 2018 Is-Sur James Piscopo (Chairman & CEO) 2018 – 2022 Is-Sur Joseph Bugeja (Chairman & CEO) 2022 – 2023 Brigadier Jeffrey Curmi 2023 – 2024 Is-Sur Jonathan Borg 2024 – 2024 Col Dr Mark Mallia 2024 sa llum Is-Sur Kurt Farrugia

Is-Siġġiewi — Triq ta' Kilpa - Triq Bur il-Kbir u Triq l-Imqabba - Twessiegħ tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' Infrastructure Malta fir-rigward tat-twessiegħ ta' Triq ta' Kilpa - Triq Bur il-Kbir u Triq l-Imqabba, fis-Siġġiewi b'rabta wkoll mal-mozzjoni approvata unanimament mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta tilqa’ l-mozzjoni approvata fi ħdan il-Kunsill rispettiv, hekk kif fl-imgħoddi diġà għamlet proġetti u interventi simili biex ittejjeb l-użu ta’ diversi rotot bħal Triq Ħal Farruġ, Luqa, Triq it-Tiġrija, Rabat u Triq tal-Girgenti, Siġġiewi/Dingli. Din il-mozzjoni tifforma parti minn din l-inizjattiva, u se tkun qed tikkumplimenta l-proġetti kompluti u msemmija.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (a) jekk għandux it-tieni karozza jew car allowance apparti l-karozza uffiċjali għal użu tiegħu; (b) x’tip ta' karozzi huma (ditta) u jekk hux electric vehicles jew jaħdimx bi fuel konvenzjonali u jekk f'każ ta' fuel konvenzjonali, kemm intuża fuel kull xahar minn kull karozza minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) Jekk jintuża fuel konvenzjonali għal dawn il-karozzi, minn fejn jinxtara l-fuel għalihom? (d) Jekk għandu t-tieni karozza jew car allowance, min jagħmel użu minn din il-karozza meta l-Ministru jkun qed juża l-karozza uffiċjali tiegħu? (e) Jekk kull karozza hiex tal-kiri jew inxtratx mill-Gvern u jekk f'każ li hi mikrija kemm titħallas kera kull xahar għal kull karozza u jekk mixtrija mill-Gvern kemm kienet l-ispiża biex inxtrat kull karozza? (f) Jekk kull karozza tinżammx f’garaxx meta ma tkunx użata, u jekk tinżamm f’garaxx titħallasx kera għal tali garage? Jekk fl-affermattiv, kemm titħallas kera fix-xahar għal tali garage u min hu l-benefiċjarju ta' tali kera?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m'għandix it-tieni karozza u qed titħaddem il-proċedura stabbilita.