Jista’ l-Ministru jgħid meta se titwaqqaf l-Accident Investigation Authority?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru jinsab f’ħidma sabiex, kif inhu mwiegħed fil-Manifest Elettorali, titwaqqaf Aġenzija li tkun responsabbli mill-investigazzjonijiet t’inċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni, dak marittimu u dak relatat mat-trasport fit-toroq. F’dan ir-rigward, il-Ministeru qiegħed jikkonsulta mal-uffiċjali kkonċernati fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu, inkluż il-Bureau of Air Accident Investigation, kif ukoll il-Marine Safety Investigation Unit fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, bil-għan li l-operat tagħhom iżomm il-kontinwita’ meħtieġa. Dan qiegħed isir b’mod strutturat sabiex il-perjodu ta’ tħejjija jkun wieħed li jolqot l-aspetti kollha.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe ftehim li sar dwar il-pedestrian footbridge li jinsab fil-bypass tal-Imrieħel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mat-twegibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar dan is-suġġett.
Bla dubju nerġa nesprimi wkoll id-diżappunt tiegħi bħala Ministru u wkoll f’isem Transport Malta għad-dewmien tal-proġett ikkawzat min-nuqqas ta’ kollaborazzjoni mill-kuntrattur.
Servizz ta’ Trasport Pubbliku mill-Mosta għal San Vinċenz de Paule
Question
Peress li hemm servizz dirett miċ-Ċirkewwa għal San Vinċenz De Paule li jgħaddi mir-Rabat, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ukoll servizz ta’ trasport pubbliku mill-Mosta dirett għal San Vinċenz De Paule?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi ir-rotta li qiegħed jagħmel aċċen għaliha hija ir-rotta X1. Din ir-rotta titlaq miċ-Ċirkewwa bid-destinazzjoni finali tagħha tkun l-ajruport. Fi triqitha din tgħaddi mill-Mellieħa, San Pawl Il-Baħar, Triq il-Costa Salina, l-Universita, l-Isptar Mater Dei u quddiem San Vincenz De Paule. Ghaldaqstant din ir-rotta ma tgħaddix mir-Rabat.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm il-possibilita li wieħed jmur San Vincenz De Paule billi jieħu konnettività mill-Mosta (Rotta 31 jew 260) u jibdel għar-Rotta X1 mill-Isptar Mater Dei jew mill-Belt Valletta fuq dawn 3 rotot; 73, 74 u X4.
B’referenza għall-Port tal-Imġarr li minbarra t-traġit tal-Gozo Ferry, hemm yacht marina, it-traġit bejn Għawdex u Kemmuna, ħatt ta’ merkanzija privata, fuel station għad-dgħajjes u żona ta’ dgħajjes tas-sajjieda, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Port tal-Imġarr Għawdex hu mingħajr Port master?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta hija l-Awtorita’ kompetenti li tmexxi il-portijiet kummerċjali fuq mudell ta’ uffiċċju ta’ Harbour Master wieħed. Il-Harbour Master għandu jassistuh tim ta’ uffiċċjali kompetenti inkluż Deputy Harbour Master u sezzjonijiet bħal Vessel Traffic Services (VTS) u Traffic Management. Fil-port ta’ l-Imġarr Għawdex, l-Awtorita’ timpjega Marine Manager u Port Inspectors li jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-Harbour Master.
Deep Water Quay Marsa – Tender ta’ refurbishment and upgrading works (Phase 2)
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijet li iktar minn 11-il xahar wara li nħarġet it-tender għal Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay Marsa, din ġiet ikkanċellata fis-6 ta’ April 2018? X’inhu l-pass li jmiss? It-tender ser terġa’ toħroġ mill-ġdid? Sadanittant x’ser isir fl-immedjat f'din il-parti tad-Deep Water Quay, peress li din tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tat-tender għal xogħlijiet tal-Phase 2 fuq id- Deep Water Quay tal-Marsa, għadu ma ntemmx peress li issa jinsab fi stadju ta’ Appell.
Madankollu, nixtieq nirrimarka li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq l-istess moll tlestew, liema xogħlijiet kienu jinkludu tiswija u tisħiħ fl-istruttura tal-ħadid li tifforma il-pedament tal-moll, kostruzzjoni ta’ piles ġodda madwar il-perimetru ta’ barra tal-moll kif ukoll installazzjoni ta’ revetment, dan filwaqt li ġew kostruwiti wkoll cope beam u deck slab ġodda tal-konkos b’disinn ġdid.Sar ukoll tibdil u upgrading tal-bollards u fenders.Dawn ix-xogħlijiet saru sabiex il-moll, li kien fi stat hażin ħafna, ikun jista’ jingħata wiċċ ġdid u jiġi msaħħaħ kemm għall-użu minn bastimenti akbar li qegħdin diġà joperaw illum il-ġurnata kif ukoll bastimenti oħrajn li huma mistennija li jibdew joperaw fil-ġejjieni. Dan l- upgrading kien ukoll meħtieġ għall-operazzjoni ta’ merkanzija moderna skont il-ħtiġijiet tas-settur u tal-port.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3784 u jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru jew beħsiebhom isiru tul din il-leġislatura f’Santa Luċija?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika x’tip ta’ xogħol qed jirreferi għalih.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3782 u jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru jew beħsiebhom isiru tul din il-leġislatura f’Wied il-Għajn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma:
Bini ta’ culverts għall-ilma tax-xita fi Triq is-Salini, Wied il-Għajn.
· Kisi ta’
retaining wall
f’Żonqor Point, Wied il-Għajn.
· Tiswijiet fil-kurduna fi Triq Sant’Antnin, Wied il-Għajn.
· Bini tal-pedamenti bi blokki kbar fil-
Football Ground
, Wied il-Għajn.
In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet dik ta’ € 64,823.74.
Barra minn hekk, x-xogħlijiet li beħsiebhom isiru huma:
· Kostruzzjoni ta’ Għassa tal-Pulizija, Wied il-Għajn (xogħol li qed isir għall-Pulizija).
· Kostruzzjoni ta’
football ground
u faċilitajiet anċillari fil-Park tal-Ħbiberija Sant’Antnin, Wied il-Għajn (xogħol li qed isir għall-MEDE).
· Bini ta’
culvert
għall-ilma tax-xita fi Triq De Rohan, Wied il-Għajn.
· Bini ta’
Diving Centre
, Wied il-Għajn (Proġett tal-MEDE).
· Bini ta’ Pixxina u
Clubhouse
, Wied il-Għajn (Proġett tal-MEDE).
· Poġġaman tal-ħadid li jdawwar il-knisja parrokkjali, Wied il-Għajn
In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet hija stmata li tkun dik ta’ € 7,149,240.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser isiru traffic lights fi Vjal l-Indipendenza, malli toħroġ mill-Blata l-Għolja, liema traffic lights ilhom jintalbu li jsiru s-snin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew Transport Malta wettqet l-ewwel fażijiet ta’ proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Vjal l-Indipendenza. Fil-fatt, sar xogħol ta’ titjib, inkluż faċilitajiet għal aktar sigurtà u asfaltar ġdid, fl-ewwel parti ta’ din it-triq.
Il-periti tad-Direttorat tat-toroq fi ħdan l-Awtorità għaddejjin bit-tħejjijiet u d-diskussjonijiet meħtieġa sabiex issa li x-xogħol fl-ewwel parti tat-triq tlesta, jibda wkoll il-bini mill-ġdid tal-kumplament tagħha, fosthom l-introduzzjoni ta’ disinn ġdid tal-junction imsemmija sabiex jonqos ir-riskju ta’ aċċidenti. Ix-xogħol meħtieġ jibda malli jintemmu d-diskussjonijiet meħtieġa ma’ dawk kollha konċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex se jikkonsistu x-xogħlijiet fi Ġnien Raymond Caruana ġewwa l-Gudja?
Response (BORG, IAN)
Ix-xogħlijiet jikkonsistu fit-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tal-ħitan baxxi li hemm ġol-ġnien kif ukoll pavimentar, bankijiet, bins, funtana u dwal ġodda. Id-disinn tal-ġnien inklużi t-toilets se jkunu konformi mal-gwidi tas-CRPD (Commission for the Rights of Persons with Disability).
Il-Mosta — Triq lejn ta' Xkora - tneħħija ta' ħaxix ħażin u siġra tal-prinjol mejta
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex isir it-tindif u l-qtugħ mill-ħaxix ħażin ta' fuq u taħt il-bankina li tieħu minn fejn tispiċċa Triq il-Kbira u t-Triq lejn ta' Xkora fil-Mosta? Jista' jara li s-siġra mejta tal-prinjol titneħħa sabiex ikun evitat kull perikolu fl-istess parti tat-triq lejn Ta' Xkora?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-ambjent.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li l-isqaq li r-ritratti qed jingħataw separatament flimkien mal-permess tal-iżvilupp ma jkunx mibdul minn kif dejjem kien għal żmien, għaliex huwa ta' parti mill-wirt kulturali u arkitetoniku taċ-ċentru l-antik tal-komunità fil-Mosta? Jekk kemm-il darba jiġi imsaqqaf kif qed jintalab il-permess tal-iżvilupp, tingħalaq ukoll l-arja għal residenti oħra li jgħixu fir-residenzi li jridu jgħaddu minn dan l-isqaq?
Response (BORG, IAN)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li l-permess għall-iżvillup fuq is-sit inkwistjoni ħareg fit-23 ta’ Marzu 2018.
Fis-26 ta’ Marzu 2018 l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet ittra biex il-każ jiġi investigat taħt l-Artiklu 80 ta’ l-Att tal-Ippjanar tal-Iżvillup. F’dan l-istadju, id-Direttorat tal-Kontroll tal-Iżvillup qed jeżemina l-fatti.
Ta’ min wieħed iżżid li fid-19 ta’ April ġie intavolat appell minn terzi kontra l-ħruġ tal-istess permess imsemmi.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti kollha u tal-istudji kolla li saru rigward il-bypass il-ġdida li l-Gvern biħsiebu jagħmel f’Ħ’Attard, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid fejn waslet l-applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet tal-Ippjanar?
Response (BORG, IAN)
L-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni bin-numru PA9890/17 li tipproponi “Proposed junction upgrading and road widening to existing roads and construction of new schemed road”.
Din l-applikazzjoni ġiet aċċettata għall-fażi ta’ screening fit-22/11/2017. L-iscreening letter inħarget fis-26/01/2018 u talbet li jiġu sottomessi dokumentazzjoni fosthom; pjanti addizzjonali, pjan ta’ kif se ssir ix-xogħol (Construction Management Plan) kif ukoll Project Description Statement mitlub mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Risorsi (ERA).
Bħalissa, l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tistenna dawn is-sottomissjonijiet sabiex tkun tista’ tivvalida l-applikazzjoni u tibda l-proċess formali ta’ assessment.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati u ppruvati sistemi ta’ kif jista’ jitnaqqas il-bottleneck u titwessa’ t-triq eżistenti li tidjieq ħafna u konsegwenza ta’ dan qed jinġema’ t-traffiku fil-cross road li minn Ħ’Attard twassal għal Ħaż-Żebbuġ u ċjoè minn Triq l-Imdina f’Ħ’Attard għal Triq Nutar Zarb, Ħ’Attard għal Triq Ħaż-Żebbuġ f’Ħ’Attard li twasslek ħdejn l-iskola Thi Lakin u tieħdok lejn Ħaż-Żebbuġ? Jekk iva x’kienu s-sistemi? Meta ġew ippruvati? X’kien ir-riżultat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti tat-triq indikata qed toħloq bottleneck minħabba li hija dejqa ħafna, b’korsija waħda biss.
L-Onor. Agius qed jissuġġerixxi li din il-parti tat-triq, li għandha bankini dojoq u bini, fosthom djar u negozji, fuq iż-żewġ naħat, titwessa. Sabiex dan iseħħ, ikun jeħtieġ li jitwaqqgħu diversi propjetajiet privati li jinsabu f’din it-triq. Dawn il-propjetajiet qegħdin f’żona klassifikata mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala Urban Conservation Area, minħabba l-valur arkitettoniku tagħha fil-qalba ta’ Ħ’Attard.
Nixtieq inserraħ moħħ ir-residenti u s-sidien tal-propjetajiet f’din it-triq li l-Gvern qed jidentifika soluzzjonijiet li huma aktar sostenibbli u jħarsu fit-tul.
Fl-istess waqt, hekk kif jafu dawk li jivvjaġġaw minn din it-triq, il-bottleneck bejn Triq l-Imdina u Triq in-Nutar Zarb mhuwiex l-uniku diffikultà li qed toħloq traffiku u tniġġiż fl-inħawi ta’ Ħ’Attard. Hemm ukoll partijiet tal-istess rotta li kienu ċċekknu għal korsija waħda minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif ikunu tlestew il-pjanti meħtieġa, se nħabbar soluzzjonijiet aktar viabbli li permezz tagħhom se neliminaw dawn il-bottlenecks u noħolqu konnessjoni aktar effiċjenti u sikura għal dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi. Fl-istess waqt, permezz tal-bini mill-ġdid ta’ din ir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard, ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll minn u lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, se nnaqqsu wkoll id-diffikultà ta’ traffiku u tniġġiż tal-arja f’diversi toroq residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, li bħalissa jintużaw bħala rotot alternattivi minn eluf ta’ sewwieqa li jkunu jridu jevitaw il-bottlenecks imsemmija fit-toroq arterjali. B’hekk, b’dan l-investiment se nagħtu nifs ġdid lil eluf ta’ residenti f’dawn l-inħawi.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid fejn hu propost li ssir l-bypass ta’ Ħ’Attard u jekk hux se tittieħed art ODZ, u jekk iva kemm se tittieħed art ODZ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-konnessjoni eżistenti bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħ’Attard, ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif il-periti ta’ Transport Malta jtemmu l-proċess ta’ ppjantar u diskussjonijiet oħra meħtieġa għal dan l-investiment. Dan il-proġett se jtejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ waħda mill-aktar rotot ewlenin f’pajjiżna, inaqqas id-dewmien fl-ivjaġġar, iniedi faċilitajiet għal mezzi ta’ trasport alternattivi u jtaffi d-diffikultajiet ta’ traffiku, storbju u tniġġis li hemm bħalissa f’diversi toroq residenzjali f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ta’ konsultazzjoni saret mar-residenti ta’ Ħ’Attard, minn min saret, meta saru dawn il-laqgħat u x’konklużjonijiet kien hemm? Jista’ jgħid ittieħdux minuti ta’ dawn il-laqgħat u jekk iva jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-minuti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett indikat għadu f’fażi ta’ ppjantar u diskussjonijiet preliminari ma’ entitajiet differenti. Filwaqt li diġà saru xi laqgħat preliminari mal-kunsill lokali u r-residenti bħala parti mit-tħejjija għat-tfassil tal-pjanti, il-konsultazzjonijiet pubbliċi msemmija normalment isiru waqt il-proċess stabbilit tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinħarġu l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa. Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jinbeda minn meta l-applikazzjoni tiġi validata u jdum għall-tletin ġurnata mid-data li tkun pubblikata l-applikazzjoni.
Dan il-proċess se jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid jekk issir il-bypass ta’ Ħ’Attard hux se tintilef art agrikola u jekk iva, kemm se tintilef art agrikola?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-konnessjoni eżistenti bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħ’Attard, ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ ser jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif il-periti tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura fi ħdan Transport Malta jtemmu l-proċess ta’ ppjantar u diskussjonijiet oħra meħtieġa għal dan l-investiment. Dan il-proġett ser itejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ waħda mill-aktar rotot ewlenin f’pajjiżna, inaqqas id-dewmien fl-ivjaġġar, iniedi faċilitajiet għal mezzi ta’ trasport alternattivi u jtaffi d-diffikultajiet ta’ traffiku, storbju u tniġġis li hemm bħalissa f’diversi toroq residenzjali f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3799, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bypass ta’ Ħ’Attard issir, hux se tittieħed art privata? Jekk iva, kemm se tittieħed art? Kemm se jkun il-kumpens u jekk sarx ftehim ma’ kull sid li għandu art privata?
Response (BORG, IAN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ghat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5540 tal-istess seduta, bħala parti mil-liġi li tirregola l-proċess tal-ippjanar, meta applikazzjoni tkun tinvolvi art li tappartjeni lil terzi, l-applikant huwa obbligat li jinforma lis-sidien bl-applikazzjoni.
F’dan il-każ, l-applikant, li huwa l-Awtorità tat-Transport informa lis-sidien milquta' b’din l-applikazzoni permezz ta’ avviż fil-gazzetti u permezz ta’ tabelli fuq il-post fejn se huwa propost li jsir l-iżvilupp.
Jista’ l Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ fuq il-pontoon tal-Magħluq f’Marsaxlokk minħabba li diversi dgħajjes fosthom ħafna ta’ sajjieda part-time ma jistgħux jorbtu għax il-baħar sar baxx ħafna minħabba l-ammont ta’ ramel li daħal? Billi kellhom isiru pontoons oħrajn u fid-dawl li bħalissa qed jintużaw wieħed u nofs biss, jista’ jgħid meta se jinbnew pontoons ġodda? Peress li, kif konvint li l-Ministru jaf li hemm part-time fishermen u sidien oħrajn tal-opri tal-baħar li qed iħallsu t-tariffa biex jorbtu fuq il-pontoons imma issa ma jistgħux jagħmlu dan, jista’ jara li jsir ix-xogħol li hemm bżonn? Billi dawn is-sidien ilhom madwar ħames snin jiġu mwiegħda li Transport Malta se tagħmel ix-xogħol meħtieġ ta’ dredging u bini ta’ pontoons ġodda, jista’ jintervjeni biex dan ix-xogħol isir?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tenders għax-xogħlijiet fuq il-pontoons imsemmija qegħdin f’fażi ta’ evalwazzjoni. Dan filwaqt li bħalissa qed isiru wkoll testijiet fuq is-sedimenteżistenti sabiex eventwalment ikun jista’ jsir ix-xogħol tad-dredging.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — nisa fuq bordijiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-informazzjoni mitluba b’rabta mal-bordijiet maħtura fil-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali mill-elezzjoni sal-lum hija din:
11 membru fejn 4 minnhom huma nisa: 36.4%.
Meta jiskadi l-perjodu ta’ kull bord, qed insegwu l-wegħda tal-manifest elettorali sabiex nersqu lejn il-kwota ta’ 40% li jkunu nisa.