Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar San Luqa — Tindif u manutenzjoni tas-soqfa - Rapport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25697, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport tax-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni tas-soqfa tal-Isptar San Luqa ġiex iffinalizzat? Jekk le, jista’ jgħid kemm huwa stmat li għad fadal biex dan ir-rapport jiġi ffinalizzat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li għalissa m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 25697.

Proċess tal-IVF

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri prospettivi li għaddew mill-proċess tal-IVF u li bħalissa qegħdin jistennew li jwelldu tarbija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta twaqqfet l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA) fl-2013 sal-lum twieldu 711-il tarbija permezz tas-servizzi tal- IVF. Infurmat ukoll li hemm 117-il ġenitur prospettiv li qed jistennew li jwelldu 134 tarbija fix-xhur li ġejjin.

Proċess tal-IVF — Take home baby rate

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tat-take home baby rate fil-proċessi tal-IVF għal dawn l-aħħar tliet snin; 2022, 2023 u 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li take home baby rate għas-snin 2022 u 2023 minn proċessi ta’ IVF kienet ta’ 26.64% u 26.88% rispettivament. Minn figuri li bħalissa qed jinġabru mill-Awtorità Regulatorja l-EPA, n-National pregnancy rate (live birth tkun determinata meta t-twelid isir, minħabba li nifhmu li bħal kull tqala oħra jista’ jkun hemm korriment) għas-sena 2024 huma ta’ 46.44%. li huwa record assolut ta’ suċċessi kemm ilhom isiru l-proċeduri ta’ Assistenza riproduttiva f’Malta minn 2013.

Mediċina IVF — Mediċina b’xejn għall-ġenituri prospettivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’investiment qed jagħmel il-Gvern biex jalloka l-mediċina tal-IVF b'xejn lil dawk il-ġenituri prospettivi li jkunu għaddejjin mill-proċess tal-IVF? Jista’ jispjega u jagħti rendikont sena b’sena, minn meta ġiet introdotta din l-għajnuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Gvern beda jirrifondi l-mediċini għas-servizzi ta’ riproduzzjoni assistita (mhux biss IVF imma ukoll għal embryo transfers, u IUI (intra-uterine inseminations) sa minn Jannar 2022, għall-ġenituri prospettivi li kienu qed jirċievu s-servizzi ġewwa l-ART Clinic MDH. Dan ġie estiż minn Jannar 2023 ukoll għall-ġenituri prospettivi li kienu qed jirċievu s-servizz ġewwa l-Kliniċi privati f’Malta. Sal-lum ibbenefikaw minn dan ir-rifużjoni 1,342 ġenituri prospettivi li għamlu 721 IVF/ICSI, 521 embryo transfer kif ukoll 100 IUI. It-total ta’ rifużjoni mgħotija jammonta għal €2,278,118.

Il-Mellieħa – Servizz ta’ night shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal xiex qed jintuża x-shelter ta’ bil-lejl fil-Mellieħa bħalissa u x’inhuma l-pjanijiet għall-futur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li bħalissa x-shelter ta’ billejl fil-Mellieħa mhux qed jintuża minħabba li m’hemm l-ebda talba għalih. Infurmat ukoll li mhux jintuża għal skopijiet oħra. Nassigura lill-Onor. Interpellant li x-shelter jibqa’ disponibbli għal min ikun jeħtieġ dan is-servizz fil-futur.

Qasam tas-saħħa — Persuni LGBTIQ+ - Miżuri għal trattament ugwali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26358 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex persuni LGBTIQ+ ikunu qed jingħataw trattament ugwali meta jkollhom bżonn jużaw servizzi tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26363.

Qasam tas-saħħa — Persuni LGBTIQ+ - Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26359 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’servizzi żdiedu fis-settur tas-saħħa li jolqtu direttament lil persuni LGBTIQ+?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar ħames snin kien hemm ħafna servizzi ġodda li tnedew inkluż għal dawk LGBTIQ+ peress li is-settur tas-saħħa ma jiddiskriminax bejn il-pazjenti a bażi tal-orientazzjoni sesswali, ġeneru jew orjentazzjoni tal-ġeneru. Relatat mal-benesseri fil-ħajja sesswali, kien hemm iktar deċentralizzajoni tas-servizz tal-GU Clinic għall-Health and Wellbeing Clinics f'tliet ċentri tas-saħħa fejn wieħed jista' jagħmel STI screening f'kliniċi speċifiċi fil-kommunità. Fl-2023, il-vaċċin tal-HPV beda jiġi offrut lis-subien kollha ta' 12-il sena minbarra lill-bniet tal-istess età. Ġie mniedi wkoll programm għal dawk kollha li twieldu wara is-sena 2000. Din il-miżura isservi biex titnaqqas ir-rata ta' HPV related cancers li hija l-aktar komuni ma' xi gruppi ta' persuni LGBTIQ+.

Qasam tas-saħħa — Persuni LGBTIQ+ - Liġijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26360 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’liġijiet ġodda għaddew f’dawn l-aħħar 5 snin biex jipproteġu lil persuni LGBTIQ+ meta jiġu bżonn ta’ servizzi fis-settur tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull liġi li tiġi proposta u mgħoddija mill-Parlament, tkun għall-ġid ta’ kulħadd bla ebda diskriminazzjoni lejn xi sezzjoni tal-poplu.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Filwaqt li nirreferi lil-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ingħatat lill-kollega tagħha għall-mistoqsija parlamentari 24614, ġejt infurmat illi l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva u privata tagħha. Intenni illi l-Gvern jibqa’ kommess li jappika politiki u mizuri inklussivi fuq il-post tax-xogħol biex issaħħaħ l-istatus ta’ persuni b’diżabilità impjegati kif spjegajt fl-interpellenza li saret referenza għaliha.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati ma' xi entità/dipartiment/awtorità, eċċ. li jaqgħu taħtu? Jekk iva, ma' liema entità/dipartiment/awtorità u kemm hu n-numru ta' persuni għal kull entità/dipartiment/awtorità u x'tip ta' xogħol twettaq kull persuna? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W359.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarjat għall-Anzjanità Attiva - Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mas-Segretarjat Parlamentari li jaqa' taħt il-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W359.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarjat għall-Anzjanità Attiva - Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati ma' entità/dipartiment/awtorità, eċċ. li jaqgħu taħt is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru tiegħu? Jekk iva, ma' liema entità/dipartiment/awtorità u kemm hu n-numru ta' persuni għal kull entità/dipartiment/awtorità u x'tip ta' xogħol twettaq kull persuna? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W359.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Infiq fuq hospitality

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus bħala hospitality mill-Ministeru tiegħu, xahar b’xahar minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f'hospitality, id-data ta' meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f'hospitality?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq Hospitality hija koperta mill-Line Item 33 Hospitality fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi full-time fil-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ministeru huwa skont il-Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Ħaddiema neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni neqsin mid-dawl jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u xi rwol għandhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-informazzjoni speċifika kif qed tintalab ma tinżammx għaliex hija materja privata u ta’ natura sensittiva.

Għawdex — Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Labourers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25135 u jgħid kemm daħlu labourers mal-Ministeru tiegħu f'Għawdex mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid mil-liema lokalitajiet f'Għawdex kienu dawn il-persuni li ġew ingaġġati u f'kull każ kemm kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol ma’ JobsPlus? Jista' jgħid f'kull ingaġġ li sar, meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, kemm damu miftuħa u x'tip ta' kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika? Kemm applikaw u kemm intgħażlu għal kull sejħa? Jista' jgħid ukoll, każ b'każ, x'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawk li ġew ingaġġati u jekk intbagħtux jagħmlu xi korsijiet? Jekk iva, x'korsijiet kienu? Jista’ jgħid ukoll fejn qed jaħdmu fil-preżent u l-ħinijiet tax-xogħol li qed jaħdmu dawn il-ħaddiema? Hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati iżjed labourers matul is-sena 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25747.

Magni ta’ sleep apnoea — Sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sussidju finanzjarju għal min għandu bżonn jixtri magna ta’ sleep apnoea u jekk iva, min hu intitolat għal dan is-sussidju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa ma joffrix sussidju imma hemm ‘entitlement’ għal min jgħaddi t-test tal-mezzi skont is-sigurtà socjali.

Servizz ta’ carers fid-djar — Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25884 u jgħid x'għajnuniet hemm għall-pazjenti jew familjari tal-pazjenti li jużaw is-servizz ta' carer fid-dar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jagħti appoġġ finanzjarju lil dawk l-anzjani li jimpjegaw carer. Il-benefiċċju jitħallas kull xahar. Dawk li jimpjegaw carer full time jirċievu appoġġ finanzjarju ta’ €8,500 fis-sena, filwaqt li min jimpjega carer part-time jirċievi sussidju pro-rata.

Rezum Treatment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26306 u jgħid jekk hemmx pjan biex il-Gvern jibda joffri ‘Rezum Treatment’ lill-pazjenti li jbatu bil-problemi tal-prostata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Gvern joffri diversi mediċini fuq il-formularju li minhom jibbenifikaw il-pazjenti li jsofru minn problemi fil-prostata.

Faċilità San Vincenz de Paul — Impjegati li jaħdmu mal-kuntrattur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26238 u jgħid jekk l-impjegati li jaħdmu mal-kuntrattur fil-Faċilità San Vincenz de Paul humiex qed jirċievu l-istess remunerazzjoni, salarji, benefiċċji bħall-impjegati kollha l-oħra li jaħdmu mal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Gvern jixtri s-servizz mingħand il-kuntrattur.