persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu fl-uffiċini u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid meta ġie mġedded l-impjieg u sa meta, kif ukoll jagħti l-grad tal-persuni konċernati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat illi fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali għandna ħames persuni li
laħqu l-età tal-iritirar u li baqgħu jaħdmu. Id-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma
kif ġej:
GRAD DATA TA’ DATA TA’ DATA SA META
RTIRAR TIĠDID TA’ L-IMPJIEG JIBQA’
L-IMPJIEG FIS-SEHH
Direttur Ġenerali 09.11.2009 08.11.2009 08.05.2011
Advisor 05.10.2005 06.10.2005 31.12.2011
Security Officer 24.10.2010 25.10.2010 24.10.2011
Butcher 14.12.2010 14.12.2010 13.12.2011
Persuna fuq kuntratt 03.07.2010 28.02.2011 27.02.2012
Wied il-Għajn — Family Park f'Sant Antnin - kuntratt ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi fatti ġodda konnessi mal-kuntratt ta' kostruzzjoni ta' family park f'Sant Antnin, Wied il-Għajn? Jekk iva, x'kienu? Veru li qed issir investigazzjoni? Għaliex? Fuqiex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-għotja tal-Kuntratt ta’ Kostruzzjoni tal- Family Park f'Sant Antnin huwa proċess tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija lid-Dipartiment tal-Kuntratti peress li huwa xieraq li dettalji fuq il-process ta’ dan il-kuntratt jinħargu minn dan id-dipartiment.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — nisa fuq bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta' nisa f'bordijiet, kumitati u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jindika n-numru totali ta' membri li kull wieħed minn dawn il-bordijiet, kumitati u entitajiet għandu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24560 rigward art f'Ta' Qali, jista' l-Ministru jgħid x'hemm ippjanat li jsir fit-tkomplija tal-iżvilupp tal-Park Nazzjonali
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qed jippjana li:
(i) Jżid l-area afforestata,
(ii) Jipprovdi parkeġġ alternattiv għaż-żona fejn illum jipparkjaw vetturi u li jitneħħa l-parkeġġ minnha f'zona ċentrali u jżid is-sigurta għall-familji u t-tfal, u
(iii) Se jinbena Petting Farm ħalli tiżdied attrazzjoni oħra
Organizazzjoni Produtturi Laħam il-Fenek Malti — biċċerija tal-fniek
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24233 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-Organizzazzjoni Produtturi Laħam il-Fenek Malti ngħatatx post mill-gvern għall-biċċerija tal-fniek?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif isir normalment, it-talba mill-Organizzazzjoni Produtturi Laħam tal-Fenek Malti biex jingħata post mill-Gvern għall biċċerija tal-fniek tressqet lill-Malta Enterprise għall-kunsiderazzjoni tagħhom iżda ma gietx milqugħa.
Għaldaqstant il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali għadu għaddej bl-isforzi biex jara kif jista’ jissodisfa din it-talba. Diġa saru taħdidiet u ġew investigati nimru ta’ siti, iżda fsa llum għad ma nstabx sit adekwat.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad dak li deher fil-ġurnal "The Independent" fil-ħarġa tas-17 ta’ Marzu 2011 u ċioe li t-tender in konnessjoni mal-kostruzzjoni tal-Family Park f'Wied il-Għajn ġie sospiż?
Jekk fl-affermattiv, jista' jinforma lill-Kamra bir-ragunijiet li wasslu għal tali sospensjoni u jekk waħda mir-ragunijiet kenitx għaliex ingħatat informazzjoni kunfidenzjali fl-għoti tal-offerti in konnessjoni mas-sejħa għat-tender tal-Family Park lil xi kuntratturi involuti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu ukoll li din l-informazzjoni importanti konnessa mal-istess tender ingħatatx minn xi uffiċjali tal-kumpanija WasteServ?
Min kien jew kienu l-uffiċjali?
Jista' jgħid jekk hux minnu li qed isiru investigazzjonijiet; waħda mill-kumpanija nnifisha u l-oħra mill-Pulizija?
Jekk fl-affermattiv, fiex waslu dawn l-investigazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tender ta’ parti mill-kostruzzjoni tal-Family Park f’Wied il-Għajn ġie sospiż. Nista nikkonferma li minn informazzjoni li ngħatat lill- ministru, dan seħħ wara li ġiet mogħtija xi informazzjoni fl-għoti tal-offerti minn uffiċjali tal- Wasteserv lil xi kuntratturi involuti.
Rigward l-investigazzjonijiet, ninforma lill-Onor Interpellant li kienet bdiet investigazzjoni interna mill-Wasteserv, pero din ġiet sospiża hekk kif il-pulizija bdiet l-investigazzjoni tagħha u l- materjal kollu li kien inġabar ġie mgħoddi lill-pulizija.
Impjant għar-Riċiklaġġ ta' Sant' Antnin — spiża fuq ikel u xorb għar-riċeviment
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali fuq ikel u xorb tar-riċevmenti li saru fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-Impjant għar-Riciklaġġ ta’ Sant' Antnin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża totali fuq ikel u xorb tar-riċevimenti li saru fl-okkazjonijiet li saru fl-inawgurazzjoni tal-Impjant ghar-Riciklagg ta’ Sant’ Antnin kinet tammonta għal € 5,451.38.
Spiża totali fuq Open Weekend tal-Impjant għar-Riċiklaġġ f'Sant' Antnin
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża totali in konnessjoni mal-guided tours li saru fl-open weekend fl-okkazjoni tal-ftuħ tal-Impjant għar-Riċiklaġġ f'Sant'Antnin? Minn min kienu organizzati? X'kienet l-ispiża totali, eskluż dawk relatati mal-inviti u l-leaflets li tqassmu fl-istess okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-Impjant għar-Riċiklaġġ u tal-open weekend li saret għall-istess okkażjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-guided tours kienu organizzati mill-WasteServ taħt l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li ssir kampanja pubblika informattiva. L-ispiza totali kienet ta' €27,500 u li allura €18,714 minnhom kienu finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea. L-ispiża globali tinkludu l-ispejjeż ta' kiri ta' coaches, kiri ta' marquee u Kids' Area, reklamar fuq il-media, produzzjoni u stampar relatat ta' 14-il pannew informattiv, u ritratti u ffilmjar.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-iskart tal-isptarijiet qiegħed jiġi maħruq fl-inċineratur tal-Marsa fejn jinħaraq skart ieħor? Jista’ jgħid ma' liema skart ieħor dan l-iskart qed jinħaraq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif kont diġà weġibt fil-Mistoqsija Parlamentari 1185 tal-2008, mal-iskart kliniku tal-isptarijiet jinħaraq ukoll fl-istess inċineratur skart tal-biċċerija u skart kimiku industrijali. Wieħed irid jenfasizza li, bħal ma għidt bosta drabi oħra, id-dħul ta’ materjal għall-inċineratur isir minn dħul differenti għal kollox minn fejn jiddaħħlu l-bhejjem għall-qatla fil-biċċerija.
Jista’ l-Ministru jgħid kif jiġi trasportat l-iskart tal-isptarijiet tal-boroz is-sofor (clinincal waste) bejn l-isptarijiet u l-post fejn qed jiġi distrutt? B’liema mezz tat-trasport jinġarr u min huwa responsabbli għal dan il-ġarr? Xi prekawzjonijiet jittieħdu biex jaraw li bejn iż-żewġ postijiet dan l-iskart ma jieqaf imkien u ma jkun ġie kontaminat l-ebda post? Jista jgħid jekk din is-sistema hux qed tintuża fuq iż-żewġ gżejjer jew jekk f'Għawdex għanhomx xi metodu ieħor differenti minn dak ta' Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li din hi materja li taqa taħt ir-responsabiltà tad-Dipartiment tas-Saħħa nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Konsulenzi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23974 u jagħti breakdown ta' min kienu l-persuni/kumpaniji eċċ. li taw konsulenza lill-Ministeru, Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul l-2010? Kemm kienet is-somma li tħallsu għal kull konsulenza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar kumpaniji w individwi li tqabbdu biex jagħtu servizz konsultattiv professjonali u teknikament speċjalizzat skond il-ħtieġa okkurrenti u liema speċjalizzazzjoni mhix meħtieġa b'mod rikorrenti u/jew li tmur oltre minn dak meħtieġ fin-normalita fl-organizazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti li suppost jiġu ċertifikati mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi dwar Energy Performance (Regulation 9) daħlux fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, meta daħlu fis-seħħ u fuq min hemm l-obbligu li ssir din iċ-ċertifikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dispozizzjonijiet tar-Regolament 9 daħlu fis-seħħ fid-dati indikati fl-istess regolament. L-obbligu tar-reġolamnet jaqa’ fuq il-persuna jew l-agent li jaġixxi f’isimha u li tkun qiegħda jew toffri bini għall-bejgħ jew kiri, jew tkun qiegħda tikkummissjona d-disinn ta’ bini ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti li suppost jiġu ċertifikati mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi dwar Energy Performance (Regulation 12) daħlux fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, meta daħlu fis-seħħ u fuq min hemm l-obbligu li ssir din iċ-ċertifikazzjoni ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif hemm indikat fil-lista tal-istess Regolament 12 tal-Avvizz Legali 261 tal-2008 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Energija u lidaħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Jannar 2009, l-obbligu li ssir din iċ-ċertifikazzjoni jaqa fuq kull persuna jew entità li tkun inkarigata minn bini Pubbliku ezistenti.
deċiżjoni dwar il-kulur ġdid tal-kaxxi tal-Pitkalija
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema studju ġie kkummissjonat biex jiddeċiedu l-kulur il-ġdid tal-kaxxi li se jibdew jintużaw fil-pitkalija? Jista' jgħid kemm ġie jiswa l-istudju, jekk sar, biex il-gvern ingħata parir ħalli jibdel il-kulur tal-kaxxi għal wieħed ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma sar l-ebda studju fuq il-kulur il-ġdid tal-kaxxi.
Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni biex il-kulur tal-kaxxi l-ġodda tal-pitkalija jinbidlu għal dawk li qed jipproponi l-gvern u għal liema raġunijiet ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kulur tal-kaxxi inbidel biex jintgħarfu mill-kaxxi antiki.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' sajjieda li ħadu s-sussidju fuq l-opri tagħhom tul dawn l-aħħar 10 snin u x'kienet il-kawża li permezz tagħha ħadu s-sussidju fuqha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li din l-informazzjoni ma tistax tingħata peress li s-sussidju huwa marbut mal-opra tas-sajd u mhux mas-sajjied.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kuntratt ta' kostruzzjoni ta' family park f'Sant Antnin, Wied il-Għajn ġie kanċellat? Jikkonferma li fil-kostruzzjoni eventwali se jkun inkluż ukoll grawnd tal-futbol fil-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant għall-osservazzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt ma ġiex ikkanċellat.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux se jkun hemm ground formali però se jkun hemm spazju ta’ qis biżżejjed li jagħmilha possibbli li jintlagħab futbol 5-a-side b’mod informali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-bring in-sites li tieħu ħsiebhom il-Wasteserve, fl-inħawi tal-Imġarr, il-Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Għargħur? B'liema frekwenza jitbattlu dawn il-bring in-sites?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bring in-sites kollha li hemm fil-lokalitajiet imsemmija jaqgħu taħt ir-resposabilità diretta tal-kunsill lokali rispettiv tagħhom u għalhelkk il-Wasteserv ma tieħux ħsieb ta’ dawn is-siti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-Industrial Estate tal-Ħandaq f'Ħal Qormi, jinsab mimli ħmieġ u dan għaliex it-toroq qatt ma jitnaddfu? Jista' jgħid x'passi se jieħu biex isir it-tindif meħtieġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill Onorevoli Interpelant li tindif fiż-Żoni Industrijali kollha jaqa' taħt ir-responsabiltà tal-Malta Industrial Parks u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat
Jista' l-Ministru jara li ssir ħidma ta' tindif sabiex jitneħħa l-iskart, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qiegħed fil-wied ta' Għajn Riħana fl-inħawi ta' Burmarrad?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà qegħdin jittieħdu il-passi meħtieġa biex isir it-tindif meħtieġ mill-aktar fis possibbli bħala parti mit-tindif li jsr fil-widien fil-perjodu xott ta' matul is-sena.