Gżira — Triq Manoel De Vilhena – Kuntratt għax-xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Manoel De Vilhena, fil-Gżira, huwiex wieħed pubbliku u jekk iva jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi d-domanda tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann – tiswijiet taċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7954 u 9172, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq San Ġwann fil-Belt, fil-parti bejn Triq ir-Repubblika u Strada Stretta hiex se tiġi rranġata malajr kemm jista’ jkun?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11141.
Peress li kien hemm numru ta’ lmenti mingħand residenti Qriema dwar l-istat ħażin fiż-żona ta’ Farsina f’Ħal Qormi u l-madwar, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir dwar ir-riħa tinten u qawwija li qed ikun hemm wara nżul ix-xemx, minħabba xi ħruq ta’ materjal? Jista’ jgħid ukoll x’qed isir biex jiġi identifikat jekk is-sors jistax ikun ta' periklu, u jekk hu l-każ, x’inhu jsir biex tkun protetta s-saħħa tar-residenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li l-istess Kunsill ma rċieva l-ebda rapporti dwar irwejjaħ jintnu u qawwija fiż-żona ta’ Farsina, matul is-sena 2023.
Madankollu, infurmat li l-Kunsill relattiv ser jagħmel il-verifiki tiegħu sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja jekk ikun il-każ.
Peress li kien hemm numru ta’ lmenti mingħand residenti Qriema dwar l-istat ħażin ta’ Triq il-Bonċ, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li t-triq imsemmija ngħatat konkos ġdid fis-sena 2018, taħt il-kuntratt bl-isem ‘Upgrading (including resurfacing) of Farm Access Roads in Ħal Qormi’.
Madankollu, infurmat mill-istess Kunsill li ser isiru l-verifiki neċessarji sabiex tittieħed azzjoni jekk ikun il-każ.
Mosta – Proġett Infrastrutturali – Dokumenti u Rapporti tal-Health and Safety
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti u rapporti kollha tal-Health and Safety li saru b'rabta mal-proġett infrastrutturali li bħalissa qiegħed isir fiċ-ċentru tal-Mosta, kemm preliminari kif ukoll dawk li saru waqt li għaddej il-proġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Ir-rapporti tal-Health and Safety hekk kif mibgħuta lili mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed jiġu mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex il-Knisja ta’ San Pietru f’Marsaxlokk hiex se tiġi restawrata u kkurata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien mad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni kull sena joħroġ skema li permezz tagħha l-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu japplikaw biex jipproponu proġetti ta’ restawr fuq bini/monumenti storiċi li jinsabu fil-lokalità tagħhom. Il-proġetti magħżula taħt din l-iskema imbagħad jitwettqu direttament mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni matul ix-xhur ta’ wara l-għażla.
Intant infurmat li din il-kappella mhijex inkluża fil-lista ta’ proġetti magħżula s’issa, iżda mhux eskluż li tkun magħżula fil-futur, fl-eventwalità li tinfetaħ skema oħra u din tissodisfa l-kriterji ta' l-istess skema.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett imħabbar mill-Kunsill Lokali tar-Rabat fl-2021 għar-riġenerazzjoni tal-pjazza quddiem u madwar il-Knisja tal-Baħrija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li l-permess hu pendenti mal-Awtoritá tal-Ippjanar (PA691/22).
Ix-Xemxija — Triq Katerina Vitale u Triq il-Fuħħar, - Bini ta’ ħajt f’nofs it-triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi nħarġu permessi biex ġewwa Triq Katerina Vitale u Triq il-Fuħħar, fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar jinbena ħajt ta' iżjed minn żewg metri għoli fin-nofs tat-triq? Għal kemm żmien hu mistenni li jdum f’nofs it-triq dan il-ħajt? Hu ppjanat li jinbnew ħitan simili f'din iż-żona?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-permessi in kwistjoni nħarġu skond r-regolamenti li jipprovdu protezzjoni għall-pubbliku.
Infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali li d-depożitu ta’ stekkat (boundary walls) mistenni jitneħħa meta l-protezzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tal-persuna ma tkunx għadha aktar meħtieġa.
Finalment infurmat ukoll li ħitan ta’ dan it-tip jinbnew skont l-eżiġenza tax-xogħol fuq rakkomandazzjoni tal-perit tal-binja
relattiva.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-bye-law li permezz tagħha qed jiġi operat il-carpark ta’ taħt l-Iskola Primarja tal-Qawra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Bye Law kkonċernata għadha ma ġietx fis-seħħ minħabba trattattivi li għaddejjin bejn id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Kunsill Lokali nnfisu. Intant infurmat li l-Kunsill Lokali ħa deċiżjoni sabiex il-car-park jinfetaħ mingħajr ħlas sakemm dan il-proċess jiġi konkluż.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10463, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet biex jitpoġġew caravans ġewwa l-Coast Road minn meta daħal fis-seħħ l-Avviż Legali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar illi l-istess Kunsill irċieva mitejn u erbgħa u tletin (243) applikazzjoni biex jitpoġġew Caravansfi Triq il-Kosta.
Infurmat ukoll li dan l-ammont ikopri l-perjodu minn meta kien pubblikat l-Avviż Legali sal-aħħar ta’ Settembru (il-perjodu operattiv sakemm kien għadu japplika l-avviż legali).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Kunsilli Lokali li għandhom Mandat ta’ Sekwestru pendenti kontrihom u jekk huwa l-każ, jista’ jgħid liema huma l-Kunsilli kkonċernati u x'kien il-każ li wassal għal dan? Jista’ jagħti wkoll in-numru ta' referenza, id-data, l-ammont fiskali (għal kull mandat) u l-ispejjeż li s'issa tħallsu għas-servizz tal-avukat li jiddefendi lill-Kunsill ikkonċernat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li tali domanda tirrikjedi ammont sostanzjali ta’ riżorsi u ħin sabiex tinġabar l-informazzjoni rikjesta mill-Kunsilli kollha ta’ Malta u Għawdex u għalhekk, stante l-fatt li tali informazzjoni ma tistax tinġabar fi żmien relattivament qasir, l-istess informazzjoni tingħata fi stadju ulterjuri.
Skema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali — Għaqdiet li applikaw u ma bbenefikawx
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra liema huma dawk l-għaqdiet li applikaw u ma bbenefikawx mill-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għala dawn l-għaqdiet ma bbenefikawx minn din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Dan il-Gvern dejjem iħares li jkun ta’ spalla għall-għaqdiet li jaqgħu taħt is-settur kulturali, permezz ta’ fondi u għajnuniet diversi.
Fil-fatt, tajjeb wieħed ifakkar illi f'Mejju 2022 dan il-Gvern kien nieda skema t’għajnuna finanzjarja ammontanti għas-somma ta’ €500,000 sabiex l-għaqdiet tal-każini tal-banda, tal-kmamar tan-nar u għaqdiet tal-armar kollha - ta' Malta u Għawdex kollha - setgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja bil-għan li tappoġġjahom fl-organizzazzjoni tal-festa hekk kif konna ħerġin mill-Covid-19 .
Dan hu biss eżempju wieħed. Hemm lista sħiħa ta skemi t’għajnuniet finanzjarji oħrajn li ħafna mill-għaqdiet kkonċernati jibbenefikaw minnhom.
Intant infurmat illi l-valur allokat għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali kien ta €140,000. Minn tali skema, infurmat illi l-applikazzjonijiet li ġabu aktar minn sittin (60) marka, iżda ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba li l-ammont allokat għall fond ġie eżawrit, huma s-segwenti.
Applikant
Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin
Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan
Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola
Kumitat Festi Esterni San Gorg Martri
Valletta 450 Creative Hub
Grupp Armar Parroċċa Żabbar
Soċjetà Mużikali San Girgor Sliema AD 1987
Għaqda Għajn Tuta Ta' Kerċem
Soċjetà Mużikali La Stella Levantina A.D.1894
Armar Siggiewi
12th May Band and Social Club
Soċjetà Filarmonika Marija Annunżjata Ħal Balżan A.D. 1890
Għaqda Kultura u Armar Marija Annżunjata Tarxien
Kummissjoni Festa Madonna tar-Ruzarju ta' Fatima, Gwardamangia, Pieta
Ħamrun Liberty Sports Club
Soċjetà Mużikali Spinola A.D. 1987 V/O 2026
Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruggieru
Soċjetà Mużikali San Pio X, Ħal Lija
Għaqda Festi Esterni SSma. Trinita' Marsa
St. Gabriel Band Club
Każin San Ġużepp u Banda De Rohan
Il-Kumitat Festi Esterni Marija Reġina
Soċjetà Filarmonika La Stella – Gożo
Għaqda Mużikali L'Isle Adam
Intant infurmat illi l-applikazzjonijiet segwenti ġabu inqas minn 60 marka u għaldaqstant ma laħqux il-kriterji mitluba.
Applikant
Soċjetà Filarmonika L-Unjoni
Għaqda Mużikali Immakulata Kunċiżżjoni
Red Boys
Għaqda Armar Triq il-Kappillan
“SANTA MARIA” Philharmonic Society of Mosta
Kummissjoni Festi Esterni San Pawl il-Baħar
Grupp Armar San Gejtanu
Għaqda Mużikali Marija Assunta
Kazin Santa Liena, Banda Duke of Connaught's Own, Birkirkara
Arċikonfraternita' ta' San Ġużepp
Għaqda Festi Esterni Ħal Lija
Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan VO/1891
PAGEANT GROUP MARIA REGINA MARSA
Għaqda Armar Triq Diċembru 13
Kumitat Festa Esterna Santa Marija Ħad-Dingli
Fergħa Armar ta' Barra, Volontieri Parrocca San Publju
Għaqda Armar San Sebastjan
Għaqda Tan-Nar 20’ ta’ Lulju Sannat
Soċjetà Mużikali Sant' Antnin
Għaqda tan-Nar 31 ta' Mejju - Għarb - A.D. 2013
Skema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali — Valur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur allokat għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali u kemm hu l-valur totali li attwalment ġie mqassam permezz ta’ din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-valur allokat għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali huwa ta €140,000, liema ammont ġie mqassam fit-totalità tiegħu.
Irrid inżid li dan il-fond mhuwiex l-unika fond li hu mmirat biex jgħin lill-festi Maltin, tant li hemm il-fond li hu mfassal speċifikatament għall-Għaqdiet Mużikali Maltin u ieħor għall-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja. Bla ħsara għal dan, l-għaqdiet tal-festi jistgħu japplikaw għall-iskemi l-oħra kollha li joħorġu minn żmien għal żmien mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Skema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali – Bord appuntat għall-assessjar tal-applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma kif ġie appuntat il-bord li għamel l-assessjar tal-applikazzjonijiet li saru għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali? Jista jgħid ukoll min huma l-membri ta’ dan il-bord?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-bord jkun appuntat skont l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza individwali tal-membri relatat mal-miri tas-sejħa.
Intant infurmat ukoll li skont il-mekkaniżmu tal-fond, l-ismijiet tal-evalwaturi ma jiġux ippubblikati minħabba n-natura sensittiva tax-xogħol.
Kunsill tal-Arti – Għotjiet finanzjarji lill-għaqdiet mhux volontarji u/jew entitajiet li jagħmlu karità
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont sħiħ u dettaljat tal-għotjiet finanzjarji jew ta’ xorta oħra mogħtija mill-Kunsill tal-Arti lill-għaqdiet mhux volontarji u/jew entitajiet li jagħmlu karità matul is-snin 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob l-Onor. Interpellanta tispeċifika x’tixtieq tftiehem bil-frażi “għaqdiet mhux volontarji”.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Defibrillators
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fejn hemm defibrillator?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-entitajiet segwenti għandhom defibrillators:
· Pjazza Teatru Rjal
· Fondazzjoni Ċentru Kreattivita
· Heritage Malta
· Malta Philharmonic Orchestra
· Teatru Manoel
· Public Broadcasting Services
Intant, infurmat illi Saint John’s Co-Catherdal Foundation qegħdin fil-proċess li jixtru defibrillators.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Defibrillators
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretjaru Parlamentari jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fejn hemm defibrillator?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi fl-entità li taqa’ taħt ir-responsabiltà tas-Segretarju Parlementari m’hemmx defibrillator.
Iż-Żejtun — latrina pubblika magħrufa bħala tas-Suq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-latrina pubblika li hemm fil-parti taż-Żejtun magħrufa bħala tas-Suq hux se tinfetaħ u tibda tiġi użata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun illi bħalissa m’hemmx latrina għaliex din qiegħda tinbena mill-ġdid.
Infurmat ukoll li naturalment din ser tinfetaħ u tiġi użata ladarba titlesta.