Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lone Parents – ħlasijiet ta’ allowances tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4244 u jgħid kemm fil-preżent hawn lone parents, skont id-data miġbura mir-records ta’ ħlasijiet għall-allowances tat-tfal? Kemm minnhom qegħdin jaħdmu? Kemm għandhom tfal u kemm minnhom huma f’riskju ta’ faqar jew qegħdin fil-faqar? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-lone parents huma rġiel, u kemm nisa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-aħħar pagament li sar tal-allowance tat-tfal, kien hemm 13,554 benefiċjarju li huma kkunsidrati bħala lone parents. Kien hemm 5,647 raġel u 7,907 nisa li minnhom hemm jaħdmu 5,332 raġel u 7,106 nisa. In-numru ta’ tfal huwa ta’ 18,997. Informazzjoni dwar kemm hemm lone parents f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali tista’ tkun disponibbli mill-Uffiċċju Nazzjonali dwar l-Istatistika.

Persuni li rċevew pakkett ta' ikel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4245 u jgħid kemm-il persuna bbenefikat u rċeviet pakkett ta’ ikel ipprovdut mill-Gvern mill-Fond Konsolidat matul is-sena 2022? Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk li jikkwalifikaw għal dan l-ikel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3120 u jgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk iva, kemm hemm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru tiegħi hemm 11-il ħaddiem ta’ nazzjonalita barranija, li kollha huma impjegati mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), sitta huma minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — karozzi elettriċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3935 u jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm tħabbar li ġie ppubblikat tender b’valur ta’ €10 miljun li se jipprovdi lis-Servizz Pubbliku b’250 vettura elettrika. Dan l-investiment se jħalli impatt qawwi u pożittiv waqt li l-flotta fis-Servizz Pubbliku se titla’ minn 7% għal kważi 40%. Attwalment dan il-Ministeru m’għandu l-ebda karozza elettrika leased.

Għawdex – Rabat Trionfi House

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ir-riġenerazzjoni ta’ Trionfi House fir-Rabat, Għawdex? Kemm ilha mikrija din id-dar, kemm hi l-kera u għal kemm-il sena nkriet? Jista’ jgħid jekk din bdietx tintuża u jekk iva, meta bdiet tintuża u għalxiex qed tintuża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, Trionfi House fir-Rabat, Għawdex, ma nkrietx imma qed tintuża mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, wara li d-Djoċesi ta’ Għawdex ta l-kunsens lill-Fondazzjoni sabiex Trionfi House tkun tista’ tintuża għal skopijiet soċjali b’risq persuni vulnerabbli u dan mingħajr ħlas għal perjodu ta’ sentejn, sal-aħħar tas-sena 2023. Id-Dar laqgħet l-ewwel residenti fl-24 ta’ Diċembru 2021. F’dak iż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19 intużat bħala Isolation Centre għal persuni homeless li kienu ġew infetatti bil-virus u hekk ġie aċċertat li ħadd ma jispiċċa barra fit-triq. Preżentament, din id-Dar qed tintuża bħala kwartieri residenzjali għal persuni li jisfaw bla saqaf fuq rashom. Id-Dar imsemmija intużat ukoll sabiex jitqassam l-ikel sew tal-FEAD kif ukoll tal-Istat SFFD.

Traineeship Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rriżulta mit-Traineeship Scheme? Kemm mill-parteċipanti li kienu qed jitħarrġu b’din l-iskema sabu xogħol permanenti mal-Gvern (Servizz Pubbliku), u mal-privat fi tmiem din l-iskema? Kemm mill-parteċipanti għadhom sal-lum jirreġistraw għax-xogħol? Kemm mill-parteċipanti reġgħu ġew impoġġija f’xi skema oħra simili?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Regolamentazzjoni tal-ħaddiema soċjali skont il-Kap. 468

Question

Peress li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Kap. 602) jiddefinixxi li “ħaddiem soċjali reġistrat” jew “ħaddiem soċjali” għandu jkollhom l-istess tifsira mogħtija lilhom bl-artikolu 2 tal-Att dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali (Kap. 468), u peress li l-Kap. 602 kontinwament jispeċifika l-identifikazzjoni ta’ “ħaddiem soċjali” fit-twettiq tax-xogħol mal-minuri, mal-ġenituri, ma’ professjonisti oħra u mal-ġudikatura, jista’ l-Ministru jikkonferma li, hekk kif titlob il-liġi, il-ħaddiema soċjali li qed jaħdmu mat-tfal, mal-ġenituri, ma’ professjonisti oħra u mal-ġudikatura, u/jew fi kwalunkwe ċirkostanza li taqa’ taħt il-Kap. 602, huma kollha regolati mill-artikolu 2 tal-Kap. 468? Min qiegħed jassigura dan?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorati li huma responsabbli mill-ħarsien u l-kura ta' tfal, hekk kif imwaqqfa skont il-Kap. 602 tal-Liġijiet ta' Malta, jimpjegaw diversi professjonisti li għandhom dmirijiet u responsabbilitajiet differenti skont l-esiġenzi tal-minuri. Hija l-liġi stess li tuża t-termini varji meta tirreferi għal min jaħdem f'dan is-settur, bħal 'uffiċjali' u 'ħaddiema soċjali'. Għaldaqstant kull direttorat jassigura li kull professjonist li għandu rwol u li jaħdem mat-tfal huwa dejjem segwit minn ħaddiema soċjali li huma warranted filwaqt li jkun żgurat li s-superviżjoni u kull direzzjoni u deċiżjonijiet dwar il-minuri jittieħdu flimkien ma' warranted professionals. B'hekk, kull professjonist jaħdem taħt l-lenti ta' warranted professionals u l-ebda professjonist, sew jekk huwa social worker mingħajr warrant jew għandu kwalifiki oħra, ma jista’ jieħu deċiżjoni mingħajr il-gwida u r-responsabbiltà finali tal-warranted social worker. Għaldaqstant, il-warranted social workers jassumu r-responsabbiltà finali tal-każ. Warranted social worker huwa dak li għandu dan l-irwol skont l-artikolu 2 tal-Att dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali (Kap. 468).

Juvenile Court – tfal ta’ taħt it-18-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu tfal taħt it-18-il sena quddiem il-Juvenile Court fl-2021 u fl-2022? Għal liema reati tressqu? X'kienet l-età tagħhom? Kemm minnhom instabu ħatja? X'tip ta' sentenza ngħataw? Kemm minnhom għadhom pendenti? X'tip ta' kura u/jew trattament ingħataw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat, hekk kif l-Qrati, inkluż dawk li jittrattaw każijiet dwar minorenni/ġjovanili (Juvenile Court), ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli.

Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Imtarfa Ċentru Terapewtiku — konsultazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux aktar konsultazzjonijiet dwar il-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba fl-Imtarfa wara l-laqgħa li saret mar-residenti tal-Imtarfa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3275.

Imtarfa Ċentru Terapewtiku – għażla tas-sit

Question

Jista’ l-Ministru jispjega r-raġunijiet eżatti għalfejn intgħażel dak is-sit partikolari fl-Imtarfa għall-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3275.

Anzjani intitolati għall-għotja ta’ €350

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux l-anzjani kollha intitolati għas-somma ta' €350 li ngħatat fil-bidu ta' Jannar li għadda rċevew il-flus dovuti lilhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-għotja tal-anzjani tħallset fil-bidu ta’ Frar. Din l-għotja tammonta għal €400 għal min għandu aktar minn 80 sena u €300 għal min għandu anqas minn 80 sena. Din titħallas lil dawk l-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità jew inkella f’dar tal-anzjani fejn iħallsu privatament. Dawk kollha li mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kellhom kont bankarju tħallsu, però kien hemm xi każijiet li l-pagament wasal lura d-Dipartiment minħabba li forsi l-kont bankarju ma kienx tal-benefiċjarju. Madanakollu, qiegħed isir kuntatt mal-benefiċjarji kkonċernati sabiex jipprovdu numru ta’ kont bankarju u fejn dan mhux possibbli, ser naraw li jitħallsu xorta waħda.

Pensjoni — notifika lill-anzjani permezz ta' SMS

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li d-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali jerġa' jibda jinforma lill-anzjani permezz ta' SMS meta dawn tkun daħlitilhom il-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma waqqafx is-servizz li jintbagħat SMS lill-benefiċjarji. Minn aktar investigazzjoni rriżulta li sar xi upgrade fuq is-sistema minn terzi li jieħdu ħsieb li l-SMSs jitwasslu lis-service provider tal-benefiċjarji, fejn dan affettwa li l-benefiċjarji ma waslulhomx l-SMSs. Qegħdin isiru l-komunikazzjonijiet meħtieġa biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal.

Persuni fuq is-servizzi soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5149 u jgħid kemm hemm persuni f’Malta/Għawdex li huma fuq is-servizzi soċjali? Jista’ jagħti l-kategoriji kollha ta’ dawn is-servizzi soċjali u jgħid kemm hemm persuni f’kull kategorija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema servizzi soċjali qiegħed jirreferi. Is-servizzi soċjali li jingħataw mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli huma ħafna minbarra li hemm servizzi soċjali mogħtija minn Ministeri oħra.

Liġijiet / linji gwida li għandhom jiġu segwiti mis-social workers

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ liġijiet u/jew linji gwida uffiċjali li s-social workers għandhom isegwu f'każijiet ta' vjolenza domestika li jiltaqgħu magħhom? Jista' l-Ministru jgħid liema huma u fejn jistgħu jinstabu l-linji gwida u/jew proċeduri li għandhom isegwu s-social workers meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta' vjolenza domestika u kif tali każijiet għandhom jiġu rrapportati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Benefiċċji Soċjali

Question

B’referenza għall-benefiċċju soċjali ta’ €100 li wiegħed il-Gvern li se jiġu depożitati fil-kont tal-bank tal-individwi li huma dovuti jirċevuhom, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu l-persuni li kellhom jirċievu dan il-benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li rċevew dan il-benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid kemm kien hemm persuni li appellaw għaliex ma rċevewx dan il-benefiċċju soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema wieħed mid-diversi benefiċċji, li ġew introdotti minn din l-amministrazzjoni, qed jirreferi.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħrajn jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Isem il-Ministeru: Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Ministeru/Entita' Isem Direttorat jew Dipartiment Isem tal-Paġna Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Ministry Secretariat Familja Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Department of Social Security Department of Social Security - Malta Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Positive Parenting Positive Parenting Malta Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal The Meeting Place The Meeting Place Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Ġemma ĠEMMA - Know, Plan, Act. Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Welfare Committee Welfare Committee Malta Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Foundation for Social Welfare Services Foundation for Social Welfare Services Uffiċċju tal-Kummissjarju tat-Tfal Commissioner for Children Commissioner for Children, Malta Qed inqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra, dokument bi screenshots tal-paġni kollha msemmija, għall-attenzjoni tal-Onor. Interpellant.