Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riforma fit-trasport pubbliku

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7971, jista' l-Ministru jipprovdi statistika ta' min ipprovda konsulenza speċjali u spejjeż professjonali, kif intgħażlu tali entitajiet jew individwi, kemm tħallsu u fir-rigward ta' xiex ipprovdew il-konsulenza li ammontat għal €140,000(stima)?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22578.

Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili — lista tal-istaff

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27645, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra dwar l-età, id-data tal-ingaġġ, id-data tat- terminazzjoni tal-istess ingaġġ u s-salarju ta' kull persuna indikata?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

L-Imqabba — Triq iż-Żurrieq - xogħlijiet f'toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq iż-Żurrieq fl-Imqabba, li hija waħda fi stat ħażin ħafna hiex se tinbena mill-ġdid? Jekk fl-affermattiv, meta huwa proġettat dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li peress li t-triq in kwistjoni hija triq residenzjali li diġà kienet ġiet asfaltata, ir-responsabbilta għall-manutenzjoni tagħha hija tal-kunsill lokali.

karozzi tal-linja antiki li se tuża l-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li se jerġgħu jiġu utillizzati mis-soċjetà Arriva fit-toroq wara li dawn kienu jintużaw fuq ir-rotot l-antiki mill-Awtorità dwar it-Trasport? Jista' jgħid u jagħti tagħrif dwar lil min Transport Malta tat l-inkarigu biex jiġu spezzjonati dawn il-vetturi peress li l-emissjonijiet tagħhom se jkunu bejn Euro III u IV? Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula din il-persuna jew kumpanija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, wara l-bidliet li saru fir-rotot tat-trasport pubbliku fix-xhur li għaddew, l-ammont ta' vetturi li kienu jintużaw qabel ir-riforma u li ser jibqgħu jintużaw huwa ta' 64. Arriva hija obbligata li sa Mejju 2012 anke dawn il-vetturi jkunu Euro V. Il-kumpanija li ntgħażlet minn Arriva u ġiet approvata minn Transport Malta sabiex tagħmel il-modifikazzjonijiet neċessarji biex dawn il-vetturi jsiru Euro V hija l-HJS Emission Technology Gmbh li hija rikonoxxuta mill-Vehicle Certification Agency tal-Ingilterra.

Transport Malta — tender għal xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jindika fuq liema kriterji ġiet mirbuħa t-tender tal-għaxar karozzi tat-tip Hyundai i20 li ġew mixtrija minn Transport Malta? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar dan it-tender?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-tender għax-xiri ta' dawn il-karozzi nħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti . Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Transport Malta — nefqa f'overtime

Question

Peress li numru ta' impjegati tat-Transport Malta kienu assenjati f'numru ta' interchanges u bus stops biex jassistu lill-klijenti tal-Arriva, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'overtime għal dan is-servizz li offrew l-impjegati tat-Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa fuq overtime bejn Lulju u Ottubru sabiex impjegati ta’ Transport Malta offrew assistenza lill-pubbliku fuq ir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku kienet ta’ €41,486.

Transport Malta — ħlas amministrattiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29899 u ċioe: B'referenza għall-fatt li Transport Malta qed iżżomm €46.50 għal tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan għal 10 snin, flimkien ma' €6 bħala ħlas amministrattiv, jista' l-Ministru jippubblika l-kalkoli speċifiċi li permezz tagħhom waslu għall-ammont tal-ħlas amministrattiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħlas ta' €6 bħala ħlas amministrattiv joħrog mir-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur, Leġislazzjoni sussidjarja 65.18 u ilu hemm is-snin, tant li qabel kien jitħallas ammont ta' Lm2.50 u issa dan l-ammont sar ta' €6.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina u Triq Ħal Luqa - traffic lights bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ħsara li hemm fit-traffic lights li jinsabu fejn ir-roundabout tal-fjuri fi Triq l-Imdina u fi Triq Ħal Luqa f'Ħal Qormi għaliex ilhom diversi ġranet bil-ħsara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma nstabux traffic lights bil-ħsara fi Triq l-Imdina Ħal Qormi, imma fi Triq Ġuze' Duca Ħal Qormi. Infurmat ukoll li ħsarat, kemm fi Triq Ġuze' Duca u fi Triq L-Imdina, it-tnejn Ħal Qormi, ssewwew.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — lista ta' tenders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' tenders mogħtija fl-2008, 2009, 2010 u bejn Jannar u Novembru 2011 mill-Ministeru, l-aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħtu u li l-valur tagħhom kien ta' iktar minn miljun ewro? Jista' jagħti dettalji ta' x'tenders kienu u lil min ingħataw? Jista' jgħid fuq kemm minnhom tħallas iktar minn kemm kienet l-ispiża oriġinali u kemm kienet id-differenza f'kull każ u jagħti r-raġuni għaliex ġara hekk f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — karigi maniġerjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30645 u 30455 u jagħti lista ta' persuni li jokkupaw karigi maniġerjali (inkluż direttur u assistenti diretturi) fi Transport Malta? X'allowance u benefiċċji oħra jingħataw lil dawn il-persuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura Trasport u Komunikazzjoni — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30485 u 30118 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — Stage Ħdejn il-Paramount, Raħal Ġdid

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30196, filwaqt li nikkonferma li fil-fatt l-istage hemm jinsab, jista' l-Ministru jara li jitwaħħal shelterfejn jistkennew in-nies peress li dak li kien hemm qabel tneħħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li Transport Malta għamlet il-verifiki tagħha fuq dan is-sit, instab li fil-post indikat, il-bankina m’hijiex wiesgħa biżżejjed sabiex fuqha jkun jista’ jiġi installat bus shelter ġdid. Infurmat ukoll li dak li qiegħed jiġi riferut għalih bħala shelter , kienet biss forma ta’ ilquħ imwaħħla ma’ propjeta privata. Dan l-ilqugħ inqala’ meta ġiet irrestawrata l-propjeta' msemmija.

Karti tal-Identità

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ persuni li ttrasferew ir-residenza u l-karta tal-identità tagħhom minn Malta għal Għawdex kull xahar fl-2010 u fl-2011 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

L-uffiċċju Elettorali - li jiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant - ma jaqax taħt ir-responsabbilta' Ministerjali tiegħi.

Proġett Infrastrutturali tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti infrastrutturali tal-Gvern li l-Ministeru tiegħu qed jikkordina bħalissa f’Malta u f’Għawdex separatament? X’proġetti hemm maħsuba li jitwettqu fiż-żewġ gżejjer separatament fl-2012 u fl-2013 li l-Ministeru se jkun qed jikkoordina?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħsara fit-telefown

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kemm-il darba rrapurtat it-telefown minħabba xi tisfir li hemm fih u kull darba li jiġu jgħidulha li minn barra hija l-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta’ l-individwu konċernat..