Legislature:
Category:
Reset
Active:

Jobsplus – Estimi Finanzjarji — Car Cash Benefits

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 911, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ impjegati ddettaljati biex jaħdmu f’fergħat ta’ Jobsplus u jitħallsu benefiċċju fi flus biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kuntratt tal-Management jagħti l-għażla jew għal karozza mħallsa mill-Korporazzjoni jew allowance għal użu tal-karozza personali? Jista’ jindika min huma l-membri tal-Management u jindika min għażel xiex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ impjegati li jaħdmu f’fergħat ta’ Jobsplus u li jitħallsu benefiċċju fi flus biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar huma sebgħa u tletin (37). Fl-2016 kien hemm wieħed u għoxrin (21) kuntratt tal-Management li jagħti l-għażla bejn karozza mħallsa mill-Korporazzjoni jew allowance għall-użu tal-karozza personali. Dawn jinkludu lil dawk il-persuni li għandhom kariga minn skala erbgħa ‘il fuq skont kif anke stabbilit fil-kuntratti tas-settur pubbliku. Minnhom 19 il-persuna għażlet l-allowance, filwaqt li tnejn għażlu karozza mħallsa mill-Korporazzjoni. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba huma skont il-prassi tal-amministrazzjoni pubblika, prassi li kienet teżisti anke f’amministrazzjonijiet preċedenti.

Jobsplus – laqgħat tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Bord ta’ Jobsplus mis-sena 2013 sa’ din is-sena kurrenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sa Settembru 2017, il-bord ta‘ Jobsplus iltaqa’ 42 darba.

Jobsplus – ħaddiema barranin reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema barranin li għandhom permess biex jaħdmu f'Malta li huma rreġistrati ma' Jobsplus? Jista' jgħid kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom ġejjin minn pajjiżi terzi? Teżisti statistika dwar kemm ħaddiema barranin jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija u jekk iva, kemm huwa dan in-numru? Jista' jinforma lil din il-Kamra x'passi tieħu Jobsplus biex kemm jista' jkun jiġi kkontrollat l-abbuż ta' ħaddiema barranin li jistgħu jkunu qed jaħdmu Malta illegalment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni barranin li jaħdmu f’Malta u għandhom formola ta’ bidu ta’ impjieg fl-aħħar ta’ Marzu 2017 kien ta’ 37,717-il persuna. Minn dawn 27,334 persuna kienu ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 10,383 persuna huma minn pajjiżi terzi. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus fuq kemm hemm barranin jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija hija indikattiva minħabba li numru ta’ kumpaniji kbar ikollhom l-indirizz fuq Malta però ikollhom nies li jaħdmu f’Għawdex. Għaldaqstant tintuża statistika bbażata fuq ir-residenza tal-impjegati. F’dan il-każ in-numru ta’ persuni barranin li r-residenza hija Għawdex u li kienu qed jaħdmu kien ta’ 1,295 persuna (1,107 mill-Unjoni Ewropea u 188 minn pajjiżi terzi). Sabiex jiġi kkontrollat l-abbuż ta' ħaddiema barranin li jistgħu jkunu qed jaħdmu f’Malta jew f’Għawdex illegalment, Jobplus għandha fi ħdanha sezzjoni ta’ spettorat li tagħmel spezzjonijiet regolari fuq il-lant tax-xogħol f’oqsma differenti tal-ekonomija. Meta jinstabu persuni jaħdmu li mhux reġistrati mal-Jobsplus, tittieħed azzjoni sabiex dawn l-impjiegi jiġu regolarizzati. Jekk dawn l-azzjonijiet jiġu injorati, tittieħed azzjoni kontra min jimpjega billi dawn jittellgħu l-Qorti.

Nuqqas ta’ għalliema fil-primarja – amalgamazzjoni ta’ klassijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minħabba nuqqas ta' għalliema fis-settur primarju fil-bidu ta' din is-sena skolastika 2017/2018 ġewx amalgamati klassijiet fi skejjel fejn hemm tali nuqqas? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet ta' dawn l-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-iskejjel primarji tal-Istat li fihom ġew amalgamati klassijiet huma: Dingli Primarja Mosta Primarja B Paola Primarja B Birżebbuġa Primarja Fl-ebda każ ma nqabeż il-limitu ta’ studenti hekk kif stipulat fil-ftehim settorjali ta’ bejn il-Gvern u l-MUT.

Għalliema li tneħħilhom il-post of special responsibility

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minħabba nuqqas ta' għalliema f'ċertu suġġetti kienx hemm għalliema li tneħħilhom dak li jissejjaħ il-post of special responsibility? Jekk iva, kemm kien in-numru ta' dawn l-għalliema u f'liema skejjel jagħtu s-servizz tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li l-ebda għalliem fl-iskejjel statali ma tneħħielu dak li jissejjaħ il-post of special responsibility.

Impieg ta’ għalliema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ dawk l-għalliema li ġew impjegati għall-ewwel darba fis-sistema edukattiva għas-sena 2017–2018, f’liema grad ġew impjegati, x’responsabilitajiet ingħataw, fejn ġew mitluba jirrapportaw għas-servizz, xi kwalifiki għandhom u x’ġew mitluba jgħallmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta’ għalliema skont il-grad li ġew impjegati f’kull skola u anke x’suġġett/i jgħallmu. Rigward kwalifiki, dawk fil-grad ta’ Għalliem u Għalliem b’kuntratt definit kollha għandhom il-kwalifiki neċessarji biex ikollhom il-Warrant Permanenti ta’ Għalliem u dan ifisser li b’mod ġenerali għandhom il-B.Ed (Hons), il-PGCE jew ekwivalenti. Dawk fil-grad ta’ Għalliem Supply għandhom jew first degree jew żewġ ‘A’ Levels.

Nurture Classes — għalliema

Question

Billi jien infurmat illi f'Mejju li għadda saru interviews għal għalliema biex jgħallmu f'dawk li qed jissejħu Nurture Classes, jista' l-Ministru jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar x'inhu dan is-servizz? Jista’ jgħid jekk huwiex mifrux fl-iskejjel kollha u għal min huwa mmirat? Kemm daħlu minn dawk l-għalliema u LSAs illi għaddew mill-interview? Jaħseb il-Ministru li se jkun hemm bżonn aktar għalliema għan-Nurture Classes sa tmiem din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rwol tan-Nurture Groups hu sapport lit-tfal li qed isibu diffikultà fil-qasam soċjo-emozzjonali, bi programmi differenti skont il-bżonn tal-istudenti. Is-servizz tan-Nurture Class qiegħed jiġi offrut f’39 skola primarja kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Kull sena is-servizz qiegħed jiġi estiż għal aktar skejjel b’mod gradwali. L-aħħar interviews li saru għas-servizz tan-nurture classes fl-iskejjel primarji saru kif ġej: Għalliema għan-Nurture Classes – Malta: Mejju 2017 F’dan ir-riżultat kien hemm disa' (9 ) kandidati li għaddew. Minn dawn sebgħa (7) bdew jagħtu s-servizz tagħhom fin-Nurture Classes minn Settembru li għadda. Iż-żewġ kandidati l-oħra ġew offruti biex jagħtu s-servizz fi skola differenti minn dik li qed jgħallmu fiha bħalissa u rrifjutaw. Għalliema għan-Nurture Classes – Għawdex: Mejju 2016 Dan huwa riżultat li kien għadu validu meta kien qed isir id-deployment għas-sena skolastika 2017/18. Minn dan ir-riżultat kienet diġa’ ġiet ingaġġata l-kandidata li ġiet l-ewwel u bdiet tagħti dan is-servizz f’Jannar li għadda. Il-kandidata li ġiet it-tieni wkoll bdiet tagħti s-servizz fin-Nurture Class ġewwa Għawdex minn Settembru li għadda. Fir-riżultat kien għad baqa' tmien (8) kandidati oħra iżda r-riżulatat skada fl-1 ta Settembru 2017. Learning Support Assistants għan-Nurture Classes – Malta: Mejju 2017 F’dan ir-riżultat kien hemm 15-il kandidat li għaddew. Minn dawn sebgħa (7) bdew jagħtu s-servizz tagħhom fin-Nurture Classes minn Settembru li għadda, kellna kandidata waħda li rrifjutat u għalhekk baqa' sebgħa (7) oħra fil-lista. Learning Support Assistants għan-Nurture Classes – Għawdex: Mejju 2017 F’dan ir-riżultat kien hemm 22 kandidat li għaddew. Minn dawn waħda (1) bdiet tagħti s-servizz fin-Nurture Class u għalhekk baqa' 21 fir-riżultat. Sa tmiem din is-sena skolastika mhuwiex ippjanat li jinfetħu aktar Nurture Classes ġodda minħabba li dan normalment isir fil-bidu tas-sena skolastika.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — konsulenzi minn persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li wara Marzu 2013 ebda entità fid-dekasteru tiegħi ma tat xogħol legali jew talbet konsulenza mill-persuna kkonċernata jew mid-ditta legali tagħha.

Sena Skolastika 2017-2018 – Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ għalliema, LSAs, kapijiet ta’ skejjel, assistenti kapijiet, staff klerikali, staff tal-manutenzjoni u dak tat-tindif f’kull skola statali fil-bidu tas-sena skolastika 2017-2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub dwar in-numru ta’ impjegati fil-bidu tas-sena skolastika 2017-2018 fil-gradi msemmija, f’kull skola statali, huwa skont kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 718 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 54 tat-Tnejn, 20 ta' Novembru 2017)

Cleaners/purtinari impjegati mad-Direttorati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ cleaners/purtinari li ġew impjegati mid-Direttorati bejn Marzu 2013 u Awwissu 2017? Jista’ jgħid ukoll fejn qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom dawn il-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn Marzu 2013 u Awwissu 2017 ġew impjegati sbatax (17)-il persuna fil-grad ta’ cleaners/purtinari. Tnejn minnhom irriżenjaw f’dan il-perjodu. Il-ħmistax (15)-il persuna l-oħra qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom kif jidher hawn taħt: NruKulleġġ/skola/sezzjoni 1St. Theresa College - Primary - Lija 1St. Theresa College - Secondary - Santa Venera 2Maria Regina College - Primary - Mellieħa 1St. Thomas More College - Primary - Tarxien 1St. Benedict College - Primary - Safi 1St. Nicholas College - Primary - Attard 1St. Ignatius College - Primary - Qormi 1St. Ignatius College - Primary - Siġġiewi 2St. Ignatius College - Primary - Żebbuġ 2St. Thomas More College - Secondary - Ħamrun 1Lifelong Learning Centre - Msida 1Mikiel Anton Vassalli College - VPA - Johan Strauss School of Music - Ħamrun

Implimentazzjoni tal-inizjattiva My Journey — proċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva My Journey? Jista’ jgħid ukoll min qed jieħu ħsieb l-implimentazzjoni? F’liema skejjel se tiġi introdotta din l-inizjattiva l-ewwel u jekk hux għaddejjin diskussjonijiet mal-iskejjel tal-knisja u indipendenti biex anki huma jintroduċu tali inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tħejjijiet dwar l-inizjativa My Journey għaddejjin ġmielhom. Saru żjarat fl-iskejjel sekondarji kollha tal-istat minn tim ta’ tekniċi sabiex jiġu identifikati spazji u laboratorji fejn jistgħu jiġu mgħallma s-suġġetti vokazzjonali u applikati. Saru taħdidiet mal-Prinċipali tal-Kulleġġi, il-Kapijiet tal-iskejjel sekonardji kollha u ġew identfikati liema suġġetti vokazzjonali u applikati se jiġu mgħallma f’kull skola, mis-sena skolastika 2019-2020 ‘l quddiem. Inkisbu fondi Ewropej sabiex ikunu jistgħu jinxtraw parti mir-riżorsi meħtieġa għall-klassijiet/laboratorji. Tħejjew l-ewwel tenders u fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu ppubblikati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Qiegħdin isiru taħdidiet ma’ setturi differenti tal-industrija, inklużi lukandi ta’ ħames stilel, auditing firms, kumpaniji tekniċi u oħrajn sabiex ikun żgurat li l-Learning Outcomes tal-programmi vokazzjonali u applikati huma relevanti għall-industrija. Mill-2017-2018 se jibdew proġetti pilota fejn numru ta’ studenti jkollhom esperjenzi varji fl-industrija. Se nibdew mill-Hospitality. Saru intervisti u ġew magħżula Uffiċjali Edukattivi f’kull wieħed mis-suġġetti vokazzjonali li qegħdin jiġu mgħallma, jiġifieri l-Ospitalità, l-Agribusiness, il-Health & Social Care, it-Teknoloġija tal-Informatika u t-Teknoloġija tal-Inġinerija. Qegħdin isiru tħejjijiet sabiex il-kapijiet tal-iskejjel sekondarji kif ukoll l-uffiċjali edukattivi tas-suġġetti vokazzjonali jingħataw esperjenzi f’Malta u barra minn Malta f’dan il-qasam. Qegħdin isiru laqgħat ukoll mal-Iskejjel tal-Knisja dwar il-proġett ta’ My Journey. Din il-ħidma qiegħda tiġi kkordinata mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti bil-koperazzjoni tad-Direttorat responsabbli mit-Tagħlim u l-Assessjar, mid-Direttorat għar-Riżorsi Edukattivi u Loġistika, mid-Dipartiment responsabbli mill-Istrateġija u s-Sapport, kif ukoll mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada (FTS).

Studenti li qed igawdu mill-inizjattiva ta’ one tablet per child

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar in-numru ta’ studenti li qed igawdu mill-inizjattiva one tablet per child matul is-sena skolastika 2017-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ għalliema u LSAs li ngħataw taħriġ matul is-Sajf 2017 in vista ta’ din l-inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti ġodda fir-Raba’ Sena li se jgawdu mill-inizjattiva one tablet per child matul is-sena skolastika 2017-2018 huwa ta’ 4,432. Ma’ dawn hemm 4,387 tablet li tqassmu s-sena l-oħra u li allura għas-sena skolastika 2017-2018 se jkunu fil-Ħames Sena . In-numru ta’ għalliema u LSAs li ngħataw taħriġ matul is-Sajf 2017 in vista ta’ din l-inizjattiva huwa ta’ 511.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persuni li joffru servizz ta’ konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed joffru servizz ta’ konsulenza lill-Ministeru tiegħu, direttorati u kull entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll xi ħlas jew perkaċċi qed igawdu minnhom dawn il-persuni u xi kriterji ntużaw biex eventwalment intgħażlu huma biex jagħtu tali servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għandi sitt Policy Consultants fl-iStrategic Priorities Unit. Il-ħlas u l-perkaċċi tagħhom qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn ġew appuntati bil-proċeduri normali li jinħarġu mill-OPM.

Skejjel – infiq fuq stationery u riżorsi oħrajn għal għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ntefaq mill-iskejjel kollha tal-istat fuq stationery u riżorsi oħra għall-għalliema matul is-sena skolastika 2016-2017? Jista’ jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra u tkun preżentata, skola skola? Jista’ jindika wkoll mingħand min inxtara tali materjal u l-ammont ta’ ħlas li ngħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-infiq fuq stationery u riżorsi oħra għall-għalliema matul is-sena skolastika 2016-2017 kien kif se nsemmi: Stationery: €284,253.10 Riżorsi għall-għalliema: €230,058.15 Ninforma lill-Onor. Interpellant li lista bl-informazzjoni skola skola hija vasta ħafna. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandha bżonn xi informazzjoni speċifika dwar xi skola jew skejjel partikolari, nitlobha tindika fejn meħtieġ.

Studenti li jkomplu jistudjaw

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm kien il-persentaġġ ta’ studenti li komplew jistudjaw fis-snin 2011, 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif muri fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta' skejjel u xogħlijiet ta' manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra, liema huma dawk l-iskejjel li nbnew u nfetħu bejn is-sena 2013 u s-sena 2016 u f’liema skejjel saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni estensivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni dwar bini ta' skejjel u xogħlijiet ta' manutenzjoni maġġuri li saru bejn is-sena 2013 u s-sena 2016 mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada (FTS). Infurmat ukoll li saru xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni f’dawn l-iskejjel: · Skola Sekondarja fil-Kulleġġ Santa Klara f'Pembroke - Xoghol ta' partitioning u tibdil ta' bibien. · Ċentru ta' Agri-Business fil-Kulleġġ Maria Regina fil-Mosta - Restawr ta' razzett antik li ġie mibdul f'ċentru tal- Agri-Business li jifforma parti mill-iskola. · Tarxien Middle School - Tibdil ta' aperturi kif ukoll xogħol ta' kisi u tibjid tal-faċċati ta' barra. · Tarxien Primary School - Tibdil ta' aperturi kif ukoll xogħol ta' kisi u tibjid tal-faċċati ta' barra. · Blata l-Bajda Middle School - Tibdil ta' bibien interni, laboratorji ġodda ghax-xjenza u l- home economics , kif ukoll tibdil ta' toilets għall-istudenti. · Attard Primary School - Tibdil ta' aperturi kif ukoll xogħol ta' kisi u tibjid tal-faċċati ta' barra.

Għawdex — Skema Xogħol fil-Komunità – ħaddiema

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 365, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f’Għawdex fl-iskema ta’ Xogħol fil-Komunità? Fejn huma assenjati dawn il-ħaddiema u x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-istess ħaddiema? Jista’ jgħid għal kull każ ta’ kull ħaddiem, meta beda jaħdem f’din l-iskema? Jista' jgħid jekk poġġiex l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra kif wiegħed li se jagħmel fir-risposta tiegħu mogħtija fit-3 ta' Lulju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fl-10 ta' Lulju 2017, f'seduta numru 15.

Bini ta’ grawnd tal-futbol fin-Naxxar — proċess

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess sabiex tibda tinbena faċilità sportiva (grawnd tal-futbol) fin-Naxxar fil-limiti ta' bejn in-Naxxar u San Ġwann?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess li permezz tiegħu l-awtorità tal-artijiet ser tgħaddi l-art lil SportMalta. Il-kuntratt bejn l-entitajiet mistenni jiġi ffirmat fil-ġimgħat li ġejjin.

L-Imsida – Education Hub – studenti b’challenging behaviour

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-Education Hub tal-Imsida, li kienet ex-Mater Dei, li tilqa’ studenti b'challenging behaviour fejn hemm għalliema dedikati ħafna u peress li s-sistema edukattiva qed toffri edukazzjoni iffukata fuq il-ħtiġijiet ta' studenti żgħażagħ imma minn pazjent jirriżulta li hemm team li jissejjaħ lilu nnifsu bħala psycho-social team, li mhux speċjalizzat fil-qasam, u dan qed jagħti pariri li ma humiex skont ir-remit professjonali tiegħu? Hemm ħsieb li mill-aspett ta' well-being u kura komprensiva tal-istudenti, iżurhom fl-iskola, team speċjalizzat jew konsulent fil-qasam tal-kundizzjoni tagħhom? Qed jingħata tagħlim edukattiv iffukat dwar sess u sesswalità? X'inhu l-proċess ta' kif qed tingħata l-mediċina lil dawn il-minuri waqt il-ħin tal-iskola? Qed jinżamm kuntatt dirett mal-ġenituri u l-familja tal-istudenti biex jissaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-professjonisti li jagħtu s-servizz u li jagħmlu parti mill-education psycho-social team ġejjin minn oqsma differenti ta’ speċjalizzazzjoni. Is-sapport lil kull student jingħata skont in-natura tal-każ. Għaldaqstant dawn l-istudenti jiġu segwiti jew minn ħaddiema soċjali, mill-psikoterapista, mill-Guidance Teachers ta’ Anti-bullying, Anti-Substance Abuse u miċ-Child Safety Services, Principal Education Support Practitioner (Counsellor) u Principal Education Support Practitioner (Career Advisor) u College Prefect of Discipline. Dawn il-professjonisti għandhom il-kwalifika jew ta’ Masters level jew Post Graduate Diploma apparti is-snin ta’ ħidma f’dawn l-oqsma. Kull sena, il-professjonisti jkollhom numru ta’ taħriġ biex jgħinhom aktar ikunu professjonisti u aġġornati. Isiru ħafna laqgħat bejn il-professjonisti fejn jiġi diskuss kull każ, fejn fost l-oħrajn jiġi diskuss min ser jaħdem mal-istudent. Darba fix-xahar issir laqgħa mal-Kap tal-iskola fejn anke f’dawn il-laqgħat jiġu aġġornati kull msieħeb preżenti biex b’hekk ikun hemm koordinament sħiħ tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Il-ħidma tal-professjonisti qiegħda tingħata l-istudenti. Meta waqt il-case conferences joħroġ li student għandu bżonn servizz partikolari dan jingħata kemm minn professjonisti fi ħdan is-sistema edukattiva kif ukoll minn entitajiet oħra jiddependi n-natura tal-każ. Dwar tagħlim edukattiv iffukat dwar sess u sesswalità, iva qiegħed jingħata dan it-tagħlim waqt il-lezzjonijiet tal-PSCD. F’ċertu ċirkostanzi s-sesswalità wkoll tiġi diskussa waqt one to one sessions li l-istudent ikollu mal-professjonisti. Ħafna mill-każijiet dan ikun matul is-sessjonijiet terapewtiċi li jiġu mogħtija mill-counsellor, ħaddiema soċjali jew psikoterapista. Għal matul is-sena skolastika hemm ippjanat li jkun hemm sessjonijiet li jingħataw minn professjonisti f’dan il-qasam. Rigward kif qed tingħata l-mediċina lil dawn l-istudenti waqt il-ħin tal-iskola, ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel tal-Istat kull mediċina tingħata mingħand in-nurse imma minħabba n-natura tal-każijiet ta’ dawn l-istudenti sar ftehim bil-kunsens anke tal-ġenituri, fejn l-istudenti jieħdu l-mediċina fl-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola. Il-mediċina tinżamm fl-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-iskola żżomm kuntatt mal-ġenituri b’mod kontinwu. Formalment kull ġenitur ikollu żewġ laqgħat mal-Kap tal-Iskola matul is-sena skolastika. Matul is-sajf saru kuntatti mal-ġenituri kollha. Apparti dawn isiru ħafna laqgħat b’mod regolari mal-ġenituri. Waqt is-sena skolastika jsiru attivitajiet varji għall-ġenituri/kustodji tal-istudenti. Huma bosta wkoll dawk il-familji li ngħataw appoġġ konkret skont il-bżonnijiet tal-familja.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — transfers ta' ħaddiema

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 106, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni għall-perjodu bejn is-6 ta’ Ġunju 2017 u t-12 ta’ Ġunju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi ċ-ċaqlieq ta' Uffiċjali Pubbliċi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-perjodu mitlub. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-istess perjodu ma kienx hemm ċaqlieq ta' impjegati minn entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.