Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali, lokal lokal u jgħid x'kienu l-kontravenzjonijiet matul is-sena 2007, xahar b'xahar, u f'Jannar, Frar u Marzu 2008?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet bejn Jannar u Marzu 2008 fid-dipartimenti, kumpaniji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jispjega x'follow up kien hemm min-naħa tad-Dipartiment tal-kunsilli lokali ħalli l-ebda segretarju f'ebda kunsill ma jagħmel mismanagement bil-fondi pubbliċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta mill-istħarriġ jew tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jew ta’ l-Udituri tal-Gvern Lokali jew xi rapport ieħor, jiġi stabbilit li jkun hemm mismanagement minn xi Segretarju Eżekuttiv, dan jiġi mitlub minnufih sabiex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu.
Peress li fil-każijiet ta’ mismanagement dan ikun dovut għal xi azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni minn xi uffiċjal tal-Kunsill, wara taħditiet li saru sentejn ilu bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u entitajiet interessati (bħall-Assoċjazzjoni Segretarji Eżekuttivi Kunsilli Lokali Maltin), saru emendi fir-regolamenti finanzjarji tal-Kunsilli Lokali fejn flimkien mas-Sindku, is-Segretarju Eżekuttiv ingħata l-obbligu li jiffirma wkoll ir-risposta għall-Management Letter tal-Udituri għall-Gvern Lokali, fejn tingħata spjega ta’ kif ikun maħsub li jiġu indirizzati l-irregolaritajiet li jkunu ġew identifikati mill-istess udituri.
Minbarra dan, peress li s-Segretarju Eżekuttiv hu impjegat tal-istess Kunsill Lokali, il-Kunsill jista’ wkoll jieħu dawk il-passi dixxiplinari li jidhirlu xierqa wara li jkun ta lis-Segretarju Eżekuttiv kull opportunità biex jiddefendi l-azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tiegħu. Ta’ min ifakkar li l-Performance Bonus tas-Segretarju Eżekuttiv jiġi evalwat mis-Sindku u diskuss mill-Kunsill u r-rata tal-Bonus tiġi stabbilita skond kemm il-Kunsill jidhirlu li din timmerita lill-istess Segretarju Eżekuttiv. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali f’dan l-eżerċizzju m’għandu l-ebda diskrezzjoni, u dan peress li tali diskrezzjoni hi totalment tal-Kunsill Lokali rispettiv.
Ta’ min isemmi li konxji mill-ħtieġa li kull Segretarju Eżekuttiv ikun aġġornat fuq bażi regolari dwar l-obbligi amministrattivi u finanzjarji tiegħu, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali flimkien mal-Assoċjazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u s-Segretarji Eżekuttivi f’nofs is-sena li għaddiet organizza programm ta’ taħriġ dwar il-finanzi tal-Kunsilli Lokali miftuħ għas-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi kollha. Dan il-programm sar kemm f’Malta kif ukoll Għawdex sabiex ikun aktar faċli li jattendu l-akbar numru ta’ Segretarji Eżekuttivi u l-attendenza għal dan il-programm kienet waħda tajba ħafna.
Ta’ min isemmi wkoll li t-Taqsima tal-Monitoring tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali tissorvelja l-operat tal-Kunsilli Lokali billi tevalwa l-minuti tal-Kunsill (li jinkludu l-Iskeda tal-Pagamenti), il-Budget u r-Rapport Finanzjarju ta’ kull Kwart, kif ukoll tistħarreġ rapporti dwar irregolaritajiet.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 178 u jgħid meta l-Gvern beħsiebu jġib fis-seħħ il-wegħda elettorali tiegħu nru 258 tal-manifest tal-PN li għal aktar trasparenza ħatriet f'bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni? Dan ser jgħodd għall-bordijiet kollha inklużi dawk tal-kumpaniji parastatali jew le? U jekk le, għal liema bordijiet ser jgħodd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Programm Elettorali, kif jixhed it-titlu tiegħu (Iva, Flimkien Kollox Possibbli, Programm Elettorali, 2008-2013), huwa programm għal ħames snin.
Il-wegħda elettorali 258 hija ċara li “ħatriet f’bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni.”
Tajjeb li l-Onorevoli Intrerpellant jiftakar li huwa serva bħala ministru fi Gvern li waħda mill-ewwel liġijiet li ressaq kienet Abbozz ta’ Liġi li jħassar l-Att ta’ l-1996 dwar in-Nomini ta’ l-Oppożizzjoni. B’hekk il-Gvern neħħa d-dritt ta’ l-Oppożizzjoni li tinnomina persuna fuq il-bordijiet ta’ enti pubbliċi. Tajjeb infakkar ukoll li f’Mejju 2000, l-Oppożizzjoni kienet reġgħet irrifjutat offerta tal-Gvern sabiex jerġa’ jiddaħħal dan id-dritt.
Jista' l-Prim Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni legali ta' l-art li fuqha eventwalment ġiet mibnija l-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala? Stante li sar l-għeluq ta' din il-lukanda, jista' jgħid inkisritx xi kundizzjoni oriġinali meta saret il-konċessjoni mill-gvern? Jista' jindika jekk hijiex se titressaq mozzjoni fil-Parlament biex tiġi ratifikata l-pożizzjoni legali tat-trasferiment imsemmi?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati li qed igawdu għall-benefiċċju ta' teleworking (xogħol mid-dar) fil-MEPA? Jista' jgħid għaliex din is-sistema ta' teleworking mhux qed tkun applikata għall-ħaddiema fil-gradi tekniċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Preżentament l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha tnax-il impjegat li qed igawdu mill-benefiċċju ta’ teleworking, fosthom hemm impjegata waħda li għandha grad tekniku. Preżentament l-Awtorità qegħda tikkunsidra kif il-kunċett ta’ teleworking jista’ jitħaddem dejjem b’mod li ma jintlaqtux ħażin l-operat u l-esiġenzi ta’ l-Awtorità u l-livell ta’ servizz li l-Awtorità hija mistennija li toffri lill-pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus kunsill b’kunsill biex tkun amministrata u sostnuta s-sistema ta’ infurzar lokali minn meta bdiet sal-31 ta’ Marzu 2008? Jista' jagħti dettaljatament min tħallas u kemm tħallas kunsill b’kunsill biex titħaddem is-sistema ta’ infurzar lokali minn meta bdiet sal-31 ta’ Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant jaf sew li l-ġbir ta’ l-informazzjoni mitluba, li tinvolvi aktar minn sempliċi audited accounts, hu wieħed voluminuż u li jieħu ħafna ħin. Għaldaqstant, jekk m’hemmx raġuni valida għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni, l-Onorevoli Interpellant japprezza li l-ħin ta’ l-imsemmija Uffiċjali Awtorizzati jista’ jiġi utilizzat fuq xogħol aktar produttiv għal ġid tal-komunitajiet lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu l-proprjetarju tad-data li tintuza kuljum mid-datatrack services fl-immaniġġjar u fil-ħruġ ta’ ċitazzjonijiet fis-sistema nazzjonali ta’ l-infurzar lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Datatrak Systems Ltd huma kuntrattati mill-Gvern permezz ta’ ftehim bejn il-kumpanija u d-Direttur tal-Kuntratti. It-Tender Specifications jistipulaw li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali hu il-proprjetarju tas-sistema, inkluż id-data kollha li hemm fis-sistema.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li biex isir upgrading ta' coaches, garage qed jintalab iħallas €20,000 għal din it-tibdila? Jaħseb li biex intejbu dejjem il-prodott, din it-talba għandha tinqata' ġaladarba hawn nies li jridu jtejbu l-prodott bla ma jitolbu sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-pagamenti b’konnessjoni ma’ applikazzjonijiet ta’ garages huma dawk ta’ Bini Kummerċjali. Ir-rati applikabbli huma dawk li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-ordni ta' nfurzar tal-MEPA, li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm l-eżekuzzjoni ta' l-ordni ta' l-infurzar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar qed tieħu l-passi neċessarji sabiex din l-illegalità titneħħa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern biex jiġu ndirizzati l-problemi li kellna fil-qasam tat-tagħlim ta' l-Ingliż f'pajjiżna, ħalli ma jerġax ikollna l-istess problemi fis-sajf li ġej?
Jista' l-Ministru jara li bankina li qed issir f'dawn il-ġranet quddiem iċ-ċimiterju tal-Mosta, fi Triq Durumblat, tkun mibnija mill-ġdid f'disinn ieħor sabiex ma tibqax il-bankina preżenti . Jekk din se tibqa' kif inhi se tkun qed tnaqqas ħafna mill-ispazju li fih kienu jipparkjaw l-vetturi ta' persuni li jkunu qed jinvistaw iċ-ċimiterju. Ladarba Triq Durumblat hija triq arterjali din it-tali bankina li qed tinbena fil-preżent qed toħloq periklu għal dawk li qed jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-carriage way ta' l-istess triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħarrafni bil-karigi tal-ħatriet kollha ġodda li saru fiċ-Ċivil bl-ismijiet tal-persuni u salarji u benefiċċji etc minn wara 8 ta' Marzu sal-lum?
Jista' l-Prim Ministru permezz ta' l-MTA jara li wara konsultazzjoni mal-kunsill lokali jibda jipprovdi sistema oħra ma' dik li diġa' teżisti biex il-ġbir ta' skart domestiku jinġabar darbtejn kuljum u b'hekk jonqos l-ammont ta' skart li jinġabar quddiem entraturi ta' djar, apartamenti u negozji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern qiegħed fil-proċess li jevalwa l-proċeduri u l-proċessi kollha relatati ma’ servizzi mogħtija mill-Kunsilli Lokali. Mhux eskluż li fejn jinstab li f’xi funzjonijiet il-Kunsilli Lokali jeħtieġu assistenza mill-Gvern ċentrali, din tingħata iżda dan jiddependi mir-riżorsi umani.
Jista' l-Prim Ministru permezz ta' l-MTA b'kordinazzjoni ma' l-ADT u l-ministeru responsabbli mix-xogħlijiet jara li jkunu mtejba l-bankini fix-xatt ta' Tas-Sliema, Triq Bizazza u Triq it-Torri fejn huwa ċentru kummerċjali b'enfazi għat-turiżmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Ministeru tax-Xogħolijiet diġà qed iħejji programm ta’ xogħlijiet biex isir re-pairing ta’ bankini fiż-żoni kummerċjali u oħrajn residenzjali. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jibda wara s-sajf. Intant fejn il-kundizzjoni tal-bankini hu ta’ periklu, qed isir xogħlijiet biex jitneħħa l-periklu b’interventi minuri sakemm jibdew dawn ix-xogħlijiet.
Jista' l-Prim Ministru jiddiskuti mal-kunsill lokali u mas-sidien tan-negozji sabiex il-promenade ta' Buġibba wara s-7.30 p.m. issir triq pedonali fejn ikunu jistgħu jgħaddu biss il-vetturi ta' trasport pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern matul ix-xhur li ġejjin ser ikun qed jagħti attenzjoni partikulari liż-żoni turistiċi. Diġà saru numru ta’ laqgħat ma’ sindki lokali u stakeholders interessati sabiex jiġu identifikati interventi li jwasslu għal titjieb fil-prodott turistiku. Dawn il-laqgħat anke waslu sabiex inbdew ċertu proġetti bħal fil-każ ta’ Paceville.
Is-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant ser ngħaddih lill-uffiċjali nkarigati sabiex jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi biex il-bajja ta' Għajn Tuffieħa kuljum tkun provduta bis-servizz ta' life- savers kemm-il darba dawn il-bajjiet huma fost l-iżjed perikolużi?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fid-dipartimenti, kumpanniji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Marzu 2008 ġew impjegati 69 persuna fid-dipartimenti, kumpaniji u entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.