Jista' l-Ministru jispjega jekk huwiex minnu li dawk l-ex ħaddiema tal-WSC li f'Għawdex ġew assenjati mall-Kunsilli għadhom minn Diċembru 2005 bil-ktieb tax-xogħol tagħhom magħluq? Huwa minnu li dawn l-ex ħaddiema tal-WSC li ġew assenjati f'Għawdex mal-Kunsilli, huma fil-preżent għall-finijiet tal-liġi ikkunsidrati li huma unemployed? Kemm hemm f'Għawdex minn dawn il-ħaddiema u ma' liema Kunsilli huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema li ġew assenjati mal-Kunsilli Lokali Għawdxin f’Diċembru 2005 huma ħaddiema tal-Gvern. Qabel dawn ġew assenjati ma’ l-imsemmija Kunsilli Lokali, dawn kienu detailed mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Wara li d-detailing tagħhom mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ġie mwaqqaf, dawn tpoġġew fuq il-kotba tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u konsegwentement ġew assenjati mal-Kunsilli Lokali Għawdxin. Jidher li xi ħaddiema għad għandhom l-employment form tagħhom mhux mimlija. Dawn il-ħaddiema ġew mogħtija direzzjoni biex mill-aktar fis jimlew din il-formola.
Bħalissa hemm 30 ħaddiema assenjati mal-Kunsilli Lokali f’Għawdex (li wieħed minnhom hu ta’ l-IPSL) u dawn qegħdin assenjati kif inhu indikat fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 262.
Jista' l-Prim Ministru jara li l-bejjiegħa ta' day trips li qed jinbiegħu max-xatt ta' Sliema jkunu regolati b'liġi bħal ma ġew regolati l-bejjiegħa ta' time share? Din il-mistoqsija qed issir għaliex fis-sajf li għadda kien hawn diversi drabi li ġew imsejħa l-pulizija minħabba tilwim li jinqala' bejn il-bejjiegħa u turisti
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta sabiex jiġi kkunsidrat.
Jista' l- Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru.392, li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, u issa ġiet riferuta lilu u cioe' jara li titranġa l-bankina fi Triq il-Lvant kantuniera ma' Taraġ Nix Mangiari l-Belt peress li minkejja li mhix f'parti residenzjali tinsab biswit Victoria Gate fejn jgħaddu ħafna Maltin u turisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jagħmel il-gvern dwar it-talba ta' l-Għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar li jkun hemm il-rivalutazzjoni tal-permessi tal-MEPA li ħarġu fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 442.
Billi l-Prim Ministru ftit ilu qal fil-programm "Dissett" li kien se jieħu passi biex jilqa' kontra dawk is-sidien li kienu qed jimpjegaw ħaddiema part-time li jkunu reġistrati bħala self employed, kif jirrikonċilja dan li issa ħareġ minn diversi tweġibiet parlamentari li dan l-abbuż kien qed isir saħansitra minn ministeri u dipartimenti tal-gvern innifsu, speċjalment qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern huwa mpenjat li jara li jieqfu l-prattiċi ta’ kuntratti fuq bażi self-employed intiżi biss biex il-ħaddiema ma jingħatawx il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji li ħaqqhom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala meta warden joħroġ ċitazzjoni għal kontravenzjoni ta' traffiku minħabba parkeġġ dan mhux dejjem jinforma lis-sid tal-karozza konċernata billi jwaħħal avviż taċ-ċitazzjoni mal-karozza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Att dwar il-Kummissarju tal-Ġustizzja kif ukoll l-Avviż Legali 350/2004 jistipulaw illi l-avviż ta’ ċitazzjoni għandu: jingħata bl-idejn lil min ikun suspettat li għamel reat skedat fil-waqt li dik il-persuna tinkixef qegħda tagħmel dak l-att jew ommissjoni li jagħti lok għal suspett.
F’każ ta’ parkeġġ illegali u ma jkunx prattiku li l-avviż jingħata f’idejn is-suspettat, dan jitwaħħal fuq il-windscreen tal-karozza.
Pero’, l-istess Avviż Legali jipprovdi li f’każ li Gwardjan Lokali, waqt il-qadi ta’ dmiru, jiġi mhedded, aggredit jew insultat jew inkella jiġi xort’oħra konfrontat b’imġiba ħażina, l-avviż taċ-ċitazzjoni minflok ma jingħata f’idejn is-suspettat għandu jintbagħat lil dan ta’ l-aħħar bil-posta fi żmien jumejn minn mindu tkun saret l-allegata offiża.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 174, li saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm għaqdiet non-governattivi li għandhom impjegati taċ-Ċivil sekondati magħhom? Liema huma dawn l-għaqdiet non-governattivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa hemm għoxrin (20) Għaqdiet volontarji (għaqdiet non-governattivi NGO’s) li għandhom impjegati pubbliċi relaxxati magħhom.
Dawn huma:
Caritas Malta Cana Movement
Don Bosco Voluntary Service Millenium Chapel Foundation
Malta Federation of Organisations Azzjoni Kattolika Maltija
Persons with Disability
Richmond Foundation Jesuit Refugee Service
Birdlife Malta Nature Trust
Flimkien għal Ambjent Aħjar The Island Santuary
Forum for Justice & Co-operation Paolo Freire Institute
Ċentru Tbexbix Malta Islamic Welfare Fund
Ġużeppa Debono House Malta Red Cross Society
Oratorju Don Bosco Dar it-Tama
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 122, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu, u cioe': jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim milħuq ma' l-organizzaturi tal-Gozo1234 kif ukoll jagħti dettalji kollha opportuni dwar l-għażla ta' l-istess organizzaturi u jgħid kemm il-Gvern kellu fondi a disposizzjoni tiegħu għal din l-attivita' u jagħti breakdown ta' kif dawn il-fondi ġew utilizzati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument mitlub kif ukoll tabella kif ġew utilizzati l-flus għal din l-attività. Ta’ min igħid li l-ispejjeż totali huma aktar minn dak li ser joħroġ il-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex.
L-għażla saret wara sejħa pubblika għal proposti u dawn l-istess proposti (tnejn) ġew evalwati fuq l-esperjenza ta’ dawk li wrew interess li jorganizzaw l-attività kif ukoll fuq l-offerta finanzjarja. L-offerta li għamel il-Konsorzju Burning Spear kienet turi firxa estensiva t’attivitajiet u kienet orħos minn l-offerta l-oħra sottomessa. Il-Konsorzju kellu wkoll esperjenza li jorganizza attivitajiet simili tal-massa.
Jista' l-Prim Ministru jara li r-rati u l-kondizzjonijiet li jaħdmu bihom l-ħaddiema li jipprovdu l-on call huma adegwati għaż-żmenijiet tal-lum? Il-ħlas bħalissa huwa ta' xi ftit ċenteżmi kull siegħa li jagħmlu on call u wara li jidħlu on call,l-għada jekk dawn jidħlu bil-lejl xorta jridu jibqgħu jaħdmu l-ġurnata normali.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rati attwali ta’ stand-by allowance, ġew stabbiliti fl-2003 bi qbil mal-Unions meta sar eżerċizzju ta’ reviżjoni ta’ l-allowances. Il-ħaddiema li attwalment jaħdmu waqt il-perjodu ta’ l-istand-by jitħallsu bir-rata attwali tal-overtime applikabbli għall-grad tagħhom.
L-għada dawn l-uffiċjali jridu jidħlu għax-xogħol bħal dawk l-uffiċjali kolha li jaħdmu l-overtime.
Irrid niċċara li skond deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, il-kliem on-call ifissru ħaddiema li jkunu fuq xogħol passiv. Nużaw il-kliem stand-by għal dawk li jkunu off iżda jistgħu jissejħu għax-xogħol.
Jista' l-Prim Ministru jispjega kif jitqassmu l-fondi lill-kunsilli lokali rigward il-manutenzjoni u l-irranġar ta' toroq fil-lokalitajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali tinħadem fuq formula li tinsab fl-Għaxar Skeda ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali. Din il-formula tieħu in konsiderazzjoni l-assi u l-funzjonijiet statutorji ta’ kull Kunsill. Fir-rigward tal-manutenzjoni u l-irranġar tat-toroq tal-lokalitajiet, il-fondi jitqassmu skond it-tulijiet ta’ toroq li kull lokalità għandha, a proporzjoni tat-tulijiet globali tat-toroq kollha f’Malta u Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għall-bini ta' djar ġodda u flats fix-xhur ta' Ottubru, Novembru, Diċembru 2007 u Jannar, Frar u Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jagħtu l-figuri mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm u fejn hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm erba’ (4) applikazzjonijiet pendenti għal kmamar tan-nar ġodda f'Malta u Għawdex. Id-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet jinsabu fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew imfittxija applikazzjonijiet li fihom il-kliem "nar" jew "fire" fil-proposta tagħhom.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 206 u jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartimenti, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se tkun ir-reazzjoni tal-gvern għas-sejħa ta' l-għaqda non-governattiva "Flimkien għal Ambjent Aħjar" FAA biex jiġu evalwati permessi li ngħataw mill-MEPA fl-aħħar ġimgħat ta' Frar u l-ewwel ġimgħa ta' Marzu 2008 lejliet l-elezzjoni ġenerali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond il-liġi ġaladarba deċiżjoni ttieħdet dwar applikazzjoni ta’ żvilupp din ma tistax tiġi riveduta jew mħassra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslet l-evalwazzjoni tal-gvern dwar ir-rakkmandazzjonijiet tat-Today Public Policy Institute dwar il-MEPA? X'se jitwettaq minn dawn ir-rakkmandazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern għadu qed jevalwa r-rakkomandazzjonijiet imsemmija flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet oħra li qed jaslu għand il-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, u issa ġiet riferuta lilu, u jara li l-promenade minn San Pawl il-Baħar sal-Qawra fix-xhur tas-sajf ikollu d-dawl meħtieġ u jkun imżejjen bħalma hu mżejjen il-promenade minn San Ġiljan sa Tas-Sliema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qegħda f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex jiżdied id-dawl fuq il-promenade ta’ Bugibba.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29 u jara li mal-kosta ta' San Pawl il-Baħar sal-Qawra jiġu mwaħħla slielem sabiex jintużaw mit-turisti u minn dawk li jkunu qed jgħumu f'dawn l-inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f’diversi postijiet tal-kosta msemmija mill-Onorevoli Interpellant jitwaħħlu slielem biex jintużaw mill-għawwiema. Jekk l-Onorevoli Interpelllant għandu xi post partikulari f’moħħu, nitolbu jindikali u ngħaddi s-suġġeriment lil Awtorità kkonċernata.
Jista' l-Prim Ministru permezz ta' l-Malta Toursim Authority jara li l-Malta Maritime Authority tieħu l-passi neċessarji biex fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa kull sena jkunu nstallati l-miżuri ta' lqugħ ta' sigurta' għal għawwiema li fil-maltemp jistgħu jinqabdu f'diffikulta'?
Jista' l-Prim Ministru jieħu passi neċessarji biex permezz tat-taqsima tal-beach cleaners fi ħdan il-ministeru tat-turiżmu titnaddaf l-alka, biċċiet ta' dgħajjes u mbarazz ieħor li nġabar fil-Veċċa, San Pawl il-Baħar, wara l-maltempata qawwija li seħħet xi ġimgħat ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kawża tal-maltemp hemm xi dħajjes u bċejjeċ ta’ dgħajjes ta’ sidien privati li jinstabu fuq l-alka. Id-Dipartiment tat-Turiżmu ħa passi biex jinforma lill-Kunsill Lokali biex jinġieb permess ħalli dawn id-dgħajjes jitneħħew. B’hekk jiġu evitati xi talbiet għad-danni mingħand is-sidien tad-dgħajjes meta tkun qed titnaddaf l-alka.
Ninsab infurmat ukoll l-avviż għat-tneħħija ta’ dawn id-dgħajjes ġie affiss fit-13 ta’ Mejju u li t-terminu tiegħu jiskadi l-Ġimgħa 23 ta’ Mejju 2008. Ix-xogħol tat-tindif hu pprogrammat li jibda t-Tnejn 26 ta’ Tnejn 2008.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw fondi lill-kunsilli lokali, lokal lokal matul is-sena 2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Billi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-sena kalendarja 2007, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ingħataw fondi l-Kunsilli Lokali, matul is-snin finanzjarji 2006-2007 u 2007-2008.