Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #642 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Żoni turistiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li jittieħdu passi serji biex żoni turistiċi bħax-Xlendi u Marsalforn jingħataw attenzjoni speċjali b'mod permanenti għax qed jitħallew jaqgħu lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ser ikompli jieħu diversi miżuri sabiex Marsalforn u x-Xlendi jingħataw aktar attenzjoni. Fost dawn il-miżuri nsemmi li, matul ix-xhur tas-sajf, bi ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Munxar, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta ser toffri għajnuna finanzjarja sabiex isiru ġbir addizzjonali ta’ skart. Min-naħa tiegħu l-Kunsill intrabat li jbiddel is-sinjali tat-traffiku li huma fi stat ħazin, jibdel ukoll pjanti u siġar mejta u jżomm il- public conveniences indaf f’livell aċċettabbli. Fil-każ ta’ Marsalforn, l-Awtorità għamlet ftehim mal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ fejn l-Awtorità ser toffri għajnuna finanzjarja fis-sajf għal ġbir ta’ skart addizzjonali. Il-Kunsill intrabat li kull intervent meħtieġ madwar ix-xtajta jrid jittieħed b’mod immedjat, bħal bdil ta’ sinjali tat-traffiku, street furniture u interventi oħra simili. Huwa l-ħsieb ta’ l-Awtorità li tkompli tagħti għajnuna b’mod konsistenti kemm-il darba ż-żewġ żoni turistiċi jinżammu fi stat tajjeb.
Leg 11 PQ #693 Sitting 13 2008-06-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tagħlim ta' l-Ingliż — Problema

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 435 u jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern biex jiġu ndirizzati l-problemi li kellna fil-qasam tat-tagħlim ta' l-Ingliż f'pajjiżna, ħalli ma jerġax ikollna l-istess problemi fis-sajf li ġej?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 142. Inżid ukoll li l-Gvern qed jieħu passi sabiex jassigura li tinżamm l- buon ordni f’żoni ta’ divertiment bħal Paceville u Buġibba. Fost il-miżuri li qed u ser inkunu qed nieħdu nsemmi ż-żieda fil-preżenza tal-Pulizija, it-twaħħil ta’ CCTV cameras u liċenzjar ta’ postijiet sabiex isiru attivitajiet li fihom ma jistax jinbiegħ jew jiġi espost xorb alkoħoliku, fost oħrajn.
Leg 11 PQ #502 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

EIA u MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min hu awtoriżżat li jagħmel l-Environment Impact Assessment? Jista' jagħti informazzjoni dwar kif jista' individwu jew kumpanija jidħol/tidħol fil-lista ta' konsulenti rikonoxxuti mill-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond ir-Regolamenti ta' l-2007 dwar l-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali (Avviż Legali 114 ta' 2007), Taqsima VI, konsultenti li jistgħu jipparteċipaw fi Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) għandhom jinkitbu f'Reġistru apposta. Minħabba li din it-Taqsima tal-liġi għadha ma daħlitx fis-seħħ, bħalissa l-MEPA tapprova l-konsultenti li jistgħu jieħdu sehem f'EIA skond l-esiġenzi tal-każ. Din l-approvazzjoni tkun imsejsa fuq esperjenza, kompetenza u kwalifiki fid-dixxiplina/i rispettivi. Dawk interessati jistgħu jikkuntattjaw lid-Direttorat għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, fi ħdan il-MEPA stess.
Leg 11 PQ #503 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Faċilitajiet Neċessarji fil-venda ta' Bugibba

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li flimkien mal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni jittieħdu l-passi neċessarji biex fil-venda ta' Bugibba jinbnew faċilitajiet sanitarji li jaqdu l-bżonnijiet ta' l-eluf ta' passiġieri, Maltin u barranin li ta' kuljum jagħmlu użu mill-karozzi tal-linja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fix-xhur u s-snin li ġejjin, il-Gvern ser jinvesti sostanzjalment sabiex jittejjeb il-prodott turistiku. Ser isir investiment kbir anke fiż-żona ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Jien ser ngħaddi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant lill-entitajiet konċernati sabiex jiġi kkunsidrat.
Leg 11 PQ #504 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Traffic impact statement

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min hu awtorizzat li jagħmel it-traffic impact statement? Jista' jagħti tagħrif dwar kif jista', individwu jew kumpanija jidħol/tidħol fil-lista ta' konsulenti rikonoxxuti mill-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa ma teżisti ebda lista ta' konsulenti jew kumpaniji li huma awtorizzati li jagħmlu traffic impact statement. Id-Direttorat ta' l-Ippjanar jibgħat Terms of Reference lill-applikant u lill-perit tiegħu, fejn jiġi spjegat x'irid jiġi kopert fit-traffic impact statement. Imbagħad, l-applikant iqabbad lil kwalunkwe konsulent jew kumpanija indipendenti sabiex tħejji dan l-istudju. Meta jitlesta l-istudju, id-Direttorat jevalwah u jekk dan ikun aċċettabbli jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bħala parti mill-applikazzjoni. Jekk l-istudju ma jkunx aċċettabbli, il-konsulent jintalab jirrivedi l-istudju sakemm dan ikun aċċettabbli.
Leg 11 PQ #505 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — Settur turistiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar, skond l-M.T.A.kemm huwa a) in-numru ta' sodod fil-lukandi b) in-numru ta' furnished flats ċ) catering establishments d) bars e) diving service providers fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Bugibba u Qawra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra hemm dawn l-istabbilimenti liċenzjati mill-MTA: 1) n-numru ta’ sodod f’lukandi 11,719 2) n-numru ta’ furnished flats 297 3) catering establishments 200 4) bars 115 5) diving service providers 16
Leg 11 PQ #515 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Remissi taż-żwiemel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi liġi li tirregola l-ftuħ ta' remissi għaż-żwiemel, cioe' jekk dawn jistgħux jinfetħu fl-abitat u fl-ibliet tal-Kottonera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jeħtieġ permess tal-MEPA għal remissa ġdida fejn ser jinżammu esklussivament żwiemel. Inżid ukoll li ż-żamma ta' żwiemel, bħal kull annimal ieħor, hi regolata permezz ta' l-Att dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali (Kap 439).
Leg 11 PQ #583 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Interim From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rabat — Parking area

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni biex art quddiem ir-Roman Villa fir-Rabat, li fil-preżent qed tintuża bħala spazju ta' parking tingħata t-tarmac sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' trab u nuqqas ta' sigurta' għal min juża l-istess parking space. Fil-preżent dan l-ispazju qed iservi ta' dannu quddiem it-turisti li jżuru r-Rabat u l-Imdina.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #584 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'policy qed tadotta l-MEPA biex jinħarġu l-permessi tal-bini li jidher fi pjanta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija mmarkata bl-iswed? Jidher li fl-inħawi ta' l-istess talba hemm numru ta' applikanti oħra li wkoll qed ikollhom diffikulta' biex jinħarġulhom il-permessi. Jista' għalhekk jagħti spjegazzjoni dwar il-policy li l-MEPA qed tadotta fil-preżent għall-ħruġ tal-permessi tal-bini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sit muri fil-pjanta jinsab fuq art li kkwalifikat biex tidħol fiż-żona ta' l-iżvilupp permezz tar-riżoluzzjoni parlamentari tas-sitta u għoxrin ta' Lulju ta' l-2006. Qabel ma jinħarġu permessi fuq artijiet bħal dawn iridu jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Att Legali numru 71 ta' l-2007. Fost dawn wieħed jista' jsemmi l-ħtieġa ta' żvilupp komprensiv u li jinvolvi d-diversi sidien ta' l-artijiet.
Leg 11 PQ #604 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex kuntent bis-sistema tal-gwardjani lokali f'pajjiżna? X'bidliet qed jipprospetta li jdaħħal il-Gvern f'din il-leġislatura f'dan is-settur ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li hu wieħed mill-Membri Parlamentari b’esperjenza fil-gvern lokali li, kif semmejt fl-ewwel diskors tiegħi lill-Kunsillieri Lokali eletti fl-Elezzjoni Lokali tat-8 ta’ Marzu 2008, issa li għaddew ħmistax-il sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, inbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa li għandha twassal għal riforma sħiħa f’dan il-qasam. Din ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ fejn hu sejjer tajjeb u tbiddel fejn l-affarijiet mhux sejrin daqstant tajjeb. F’dan l-istadju, għalhekk, m’inix f’pożizzjoni ngħid minn issa x’bidliet ser ikun hemm fis-settur ta’ l-infurzar lokali. Intenni li hemm l-impenn sħiħ tal-Gvern li jisma’ mingħand kulħadd, inkluż l-Onorevoli Interpellant, kull suġġeriment u proposta għal titjib fil-qasam kollu tal-gvern lokali.
Leg 11 PQ #636 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu passi biex Għawdex jingħata leħen sħiħ fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku peress li bħalissa m'hemm ħadd biex iwassal il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet ta' l-Għawdxin f'din l-istruttura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab lest għal kull proposta sabiex il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ l-Għawdxin jinstemgħu fil-fora kollha. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub japprezza li l-iżviluppi fil-liġi tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dejjem saru bi qbil bejn l-Imsieħba Soċjali kollha. Għalhekk il-Gvern jippreferi li kull żvilupp fil-liġi ta’ dan il-forum isir bi qbil ma’ l-imsieħba l-oħra.
Leg 11 PQ #637 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gozo Business Chamber

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex il-Gvern jagħti rikonoxximent legali lill-Gozo Business Chamber bħala korp kostitwit biex tkun intitolata għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea li bħalissa qed titlef għax m'għandhiex status legali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika b’mod speċifiku l-problemi li qed jaffaċċja l-enti msemmi. Ninsab infurmat li fil-fatt, dan l-enti diġà irċieva fondi minn programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #656 Sitting 12 2008-06-03 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bugibba — Public Convinience

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li l-public convinience ġiet magħluqa f'Bugibba u jidher li llum ma hemm l-ebda public convinience miftuħa għal pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-public convenience li hemm fiċ-ċentru ta’ Buġibba, jidher li din il-public convenience ilha magħluqa mis-sajf ta’ l-2006. Il-Kunsill kienet inġibditlu l-attenzjoni għal dan. Billi l-Kunsill kien baqa’ ma fetaħx din il-public convenience, id-Dipartiment naqqas mill-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsill il-parti li tirrigwarda din il-public convenience. Madanakollu nżid ngħid li ser jittieħdu passi biex dan in-nuqqas jiġi rettifikat fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 11 PQ #3 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Irranġar ta' galleriji ta' l-injam

Question

Jista’ l-Prim Ministru jinfurmani kemm-il applikazzjoni għall-għajnuna ta' sussidju għall-irranġar ta’ galleriji ta’ l-injam ġew konfermati lis-sidien tad-djar fil-lokalitajiet ta’ tas-Sliema, l-Gżira u San Ġiljan u dan bħala parti mill-iskema tal-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: F’Tas-Sliema ġew konfermati 223 applikazzjonijiet u F’San Giljan ġew konfermati 8 applikazzjonijiet. Il-Gzira mhix Żona ta’ Konservazzjoni jiġifieri UCA u b’hekk ma setgħux jiġu konfermati applikazzjoniet.
Leg 11 PQ #100 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumitat Inter-Ministerjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Kumitat Inter-Ministerjali tat-Turiżmu f'Marzu u April 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kumitat Inter-Ministerjali tat-Turiżmu f’din il-leġislatura diġà ltaqa’ darbtejn.
Leg 11 PQ #101 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti turistiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi proġetti turistiċi mistennija jibdew din is-sena b'fondi mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet se jsiru dawn il-proġetti u f'kull każ fhiex jikkonsistu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il- proċess ta’ l-għażla għall-proġetti turistiċi ta’ natura infrastrutturali u li għandhom ikunu iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali wasal fl-aħħar u qiegħed fil-proċess ta’ l-appell. Minħabba li dan il-proċess għadu ma spiċċax, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata. Madanakollu f’April li għadda ġie approvat il-proġett “Developing Leaders For Change & Innovation in tourism” li se jkun iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew u li jammonta għal aktar minn €4 miljun. Il-proġett jikkonsisti f’taħriġ u ċertifikazzjoni lil persuni impjegati jew li qed ifittxu xogħol fl-ogħla pożizzjonijiet f’setturi li direttament jew indirettament qegħdin jikkontribwixxu fit-turiżmu. Il-programmi inkorporati fil-proġett huma prattiċi bl-għan ewlieni li jiksbu r-riżultati mistennija u jinkludu ‘mentoring’ kif ukoll il-possibilità ta’ ‘best practice onsite visit’ barra minn Malta. Żewġ studji li janalizzaw il-livell ta’ xogħol u ħtieġa ta’ taħriġ huma wkoll inklużi fil-proġett. B’hekk dan il-proġett qed jaspira li jtejjeb iż-żjara tat-turist billi jgħolli il-kwalità tas-servizzi, iżid il-profittabilità u l-kompetittività, u jintegra l-innovazzjoni fl-industrija turistika. It-taħriġ ser ikun qed isir kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Leg 11 PQ #139 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Time share

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li huma awtorizzati/liċenzjati li jbiegħu t-time share f'Malta? Jista' jagħti ndikazzjoni dwar jekk dawn il-persuni jkunux awtorizzati biex jaħdmu f'Malta/Għawdex kollu, jew jekk hux għal xi lokalita' partikolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turizmu awtorizzat tnejn u disgħin persuna li jippromwovu t-timeshare fit-toroq. Il-bejgħ isir effettivament fil-lukanda minn persuni oħra li m’għandhomx bżonn awtorizzazzjoni mill-Awtorità. Il-persuni awtorizzati li jippromwovu t-timeshare jistgħu jaħdmu fi kwalunkwe lokalità.
Leg 11 PQ #198 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żona turistika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx l-ħsieb li Wied il-Għajn terġa' tiġi kklassifikata bħala żona turistika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wied il-Għajn jagħmel parti miż-żona turistika u identifikata mill-Awtorita' tat-Turiżmu bħala "żona kostali" minħabba l-importanza ta' numru u stabbilimenti li jagħtu servizz kemm lil lokal kif ukoll lit-turist madwar ix-xatt tal-post.
Leg 11 PQ #311 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Reduced hours

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma fuq reduced hours? Jista' jgħid hux jikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni għall-ewwel mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant. Is-sistema ta’ teleworking ġiet introdotta f’numru ta’ dipartimenti waqt li hemm ukoll talbiet minn uffiċjali oħra. Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati skond il-parametri taċ-Ċirkulari maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’numru 6/2008. Fir-rigward tat-tielet mistoqsija, ninforma l-Onorevoli li l-istess Ċirkulari tistabbilixxi l-possibilità li persuna taħdem bit-teleworking. Fost l-oħrajn tinforma l-persuna kif tista’ tapplika biex taħdem b’sistema ta’ teleworking.
Leg 11 PQ #486 Sitting 11 2008-06-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċitazzjonijiet mill-Wardens

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-wardens xahar b'xahar bejn Jannar u Marzu 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.