Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 437 li saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jgħid b'liema kundizzjonijiet ingħata l-kuntratt lill-kumpannija privata biex tmexxi l-attivitajiet 1, 2, 3, 4 f'Mejju 2008 f'Għawdex? Jista' jgħid jekk il-kuntratt kienx jinkludi li ikel u xorb jiġi provdut mill-kumpannija li ngħatat il-kuntratt u mhux mill-ħwienet Għawdxin?
Billi waqt żjara fl-Awtralja, f'Awissu li għadda l-Prim Ministru kien ikkommetta ruħu li jwaqqaf unitspeċjalizzat f'pajjiżna ta' madwar erba/ħames persuni sabiex jiżgura li r-rabtiet lingwistiċi u kulturali jinzammu u jissaħħu mal-kommunita' Maltija fl-Awstralja, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk twaqqfitx dik il-unit u minn min hija komposta u x'ħidma sar s'issa minnha f'dan ir-rigward?
Dan aktar u aktar billi stqarr li aktar dewmien sakemm tittieħed azzjoni simili tista' tfisser li l-ġenerazzjonijiet futura tal-Maltin jistgħu jitilfu l-kuntatt tagħhom mal-lingwa u t-tradizjonijiet tal-
homeland
tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern huwa impenjat li f’dan il-qasam jappoġġja u jibni fuq l-inizjattivi tajba li għaddejjin.
Ninsab infurmat li bħalissa diġà hemm numru ta’ inizjattivi f’dan il-qasam, fosthom l-iskejjel tal-Malti li diġà jeżistu fl-Awstralja kif ukoll inizjattivi oħra minn Malta, eżempju iċ-Ċentru tal-Literiżmu fid-Dipartiment ta’ l-Arti u Lingwi fl-Edukazzjoni tal-Fakultà ta’ l-Edukazzjoni (Università ta’ Malta) u l-Institute for Maltese Studies, il-programm interattiv SISIEN għat-Tagħlim tal-Malti lill-Adulti, il-kors interattiv għat-Tagħlim tal-Malti permezz ta’ l-internet bħala parti mill-programm TOOL ta’ l-UE u l-proġett għat-Tagħlim tal-Malti permezz ta’ l-ipods jismu EUROPODIANS.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 550 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex stabilimenti kummerċjali bħal ristoranti qed jintalbu jħallsu tant kull metru kwadru tal-ground floor?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 342 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi diskussjonijiet bejn il-Gvern u t-tliet kunsilli lokali li ma jipprovdux is-servizz ta' bring-in-sites sabiex dawn jibdew jipprovduh? Jista' jgħid jekk dan is-servizz hux prerogattiva assoluta tal-kunsill lokali konċernat jew jekk il-gvern ċentrali jistax jintervjeni sabiex joffri s-servizz hu jekk il-kunsill lokali jibqa' ma jipprovdihx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din il-materja qed tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntratti l-ġodda li għandhom jinħarġu għas-servizz tal-ġbir ta’ skart kemm domestiku u dak separat. Il-Kunsilli msemmija ser ikunu involuti direttament fl-iskema globali dwar is-separazzjoni ta’ skart.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet lill-MEPA għal bini ta' torrijiet (skyscrapers) dawn l-aħħar ħames snin? Fejn huma qegħdin is-siti ta' dawn l-applikazzjonijiet? Kemm ġew approvati, kemm rifjutati u kemm hemm pendenti sal-lum quddiem il-MEPA?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu mal-gvern bla job description allavolja ilhom hemm bosta snin? Hemm xi żmien stipulat fejn dawn in-nies se jirċievu dan il-job description?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fis-Servizz Pubbliku hemm 45 uffiċjali pubbliċi li baqgħu fil-grad sustantiv ta’ Officer in Grade/Scale għal raġunijiet diversi li jinkludu uffiċjali pubbliċi li:
(i) temmew il-kuntratt tagħhom f’Top Structure Positions jew f’Segretarjati Privati ta’ Ministri/Segretarji Parlamentari;
(ii) ġew assimilati wara li waqfu jagħmlu xogħol skond il-grad tagħhom;
(iii) għamlu snin sekondati mas-Servizz Pubbliku minn ma’ kumpaniji parastatali u ingħataw grad fis-Servizz Pubbliku komparabbli mal-livell ta’ responsabbiltà skond id-dmirijiet li kienu jwettqu.
Dawn l-impjegati pubbliċi xorta jagħmlu xogħol fil-livell ta’ l-iskala ta’ salarju li jirċievu, u jistgħu japplikaw għal sejħiet t’applikazzjonijiet skond ir-rekwiżiti ta’ l-eliġibilità.
Jista' l-Prim Ministru jara jekk hux possibbli li l-MTA tagħżel numru ta' ħwienet fi bliet u rħula ta' interess turistiku u jkunu jistgħu jservu ta' sub-information office fejn it-turisti jkunu jistgħu jistaqsu l-informazzjoni li jkollhom bżonn u ta' dan b'xi mod dawn il-ħwienet ikunu mogħtija pagament għas-servizz li joffru?
B'riferenza għar-risposta supplimentari għall-mistoqsija parlamentari 198, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi l-area ta' Wied il-Għajn li hi meqjusa zona kostali mill-Awtorita' tat-Turiżmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, għal fini ta’ “Moniteraġġ taż-Żoni Turistiċi” (Tourism Zone Monitoring), għandha sitt żoni turistiċi. Waħda minnhom hija ż-żona kostali kollha tal-Gżejjer Maltin. Għaldaqstant, Wied il-Għajn jagħmel parti minn din iż-żona.
L-aktar areas importanti għal fini ta’ moniteraġġ huma ż-żoni ċentrali tal-lokalità fosthom Triq iż-Żonqor, Pjazza Dun Tarċis Agius, Misraħ Mifsud Bonnici, Triq ix-Xatt, Triq is-Salini, Torri San Tumas u Bajja San Tumas.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet, lokalita' b'lokalita', għal għajnuna mill-MEPA sabiex jiġu rranġati gallariji ta' l-injam fi skema li kienet ħarġet ftit tax-xhur ilu? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew ipproċessati u kemm minn dawk ipproċessati ġew aċċettati. Jista' jgħid jekk dawk li ġew aċċettati għandhomx terminu sabiex ilestu x-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, skond il-kundizzjonijiet li kien hemm fuq il-fuljett ta’ l-applikazzjoni, x-xogħlijiet fuq il-gallariji kellhom jibdew mhux aktar tard minn sitt xhur mit-tħabbir tar-riżultat tal-kompetizzjoni u kellhom jitlestew sa mhux aktar tard minn sena wara l-istess data.
Billi kien hemm hafna applikazzjonijiet, ser jiġi estiż iż-żmien u dan minħabba li jidher li l-mastrudaxxi ma jistgħux ilaħħqu ma’ l-ordnijiet kollha tal-gallariji fi żmien sena.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il permess ta' żvilupp ħareġ mill-MEPA skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Att Legali Nru. 71 ta' l-2007 fejn skond dan l-Avviż Legali hemm il-ħtieġa ta' żvilupp komprensiv u li jinvolvi diversi sidien ta' l-artijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn meta ġew approvati l-emendi tal-konfini ta’ l-iżvilupp, ġew approvati total ta’ 124 applikazzjoni fit-termini ta’ l-Avviż Legali 71 ta’ l-2007.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-audited accountsu l-financial reports tal-kumitati konġunti ta' l-LES minn meta bdiet titħaddem is-sistema ta' l-infurzar lokali sal-31 ta' Marzu, 2008?
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jġib fis-seħħ il-wegħda elettorali tiegħu nru 258 tal-manifest tal-PN li għal aktar trasparenza ħatriet f'bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni? Dan ser jgħodd għall-bordijiet kollha inklużi dawk tal-kumpaniji parastatali jew le? U jekk le, għal liema bordijiet ser jgħodd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Program Elettorali, kif jixhed it-titlu tiegħu (Iva, Flimkien Kollox Possibbli, Program Elettorali, 2008-2013), huwa program għal ħames snin.
Il-wegħda elettorali 258 hija ċara li “ħatriet f’bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni.”
Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant jiftakar li huwa serva bħala ministru fi Gvern li waħda mill-ewwel liġijiet li ressaq kienet Abbozz ta’ Liġi li jħassar l-Att ta’ l-1996 dwar in-Nomini ta’ l-Oppożizzjoni. B’hekk il-Gvern Laburista neħħa d-dritt ta’ l-Oppożizzjoni li tinnomina persuna fuq il-bordijiet ta’ enti pubbliċi. Tajjeb infakkar ukoll li f’Mejju 2000, l-Oppożizzjoni kienet reġgħet irrifjutat offerta tal-Gvern sabiex jerġa’ jiddaħħal dan id-dritt.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi biex il-bajja ta' Għajn Tuffieħa kuljum tkun provduta bis-servizz ta' life- savers kemm-il darba dawn il-bajjiet huma fost l-iżjed perikolużi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jipprovdi tali servizz fi tmiem il-ġimgħa. Qed jiġi kkunsidrat li dan is-servizz jiġi estiż għal ġranet oħra tul il-ġimgħa.
Jista' l-Prim Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni legali ta' l-art li fuqha eventwalment ġiet mibnija l-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala? Stante li sar l-għeluq ta' din il-lukanda, jista' jgħid inkisritx xi kundizzjoni oriġinali meta saret il-konċessjoni mill-gvern? Jista' jindika jekk hijiex se titressaq mozzjoni fil-Parlament biex tiġi ratifikata l-pożizzjoni legali tat-trasferiment imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-parti l-kbira ta’ l-art li fuqha nbniet il-lukanda Jerma Palace Hotel hija art privata. Parti żgħira nbniet fuq art li ġiet esproprijata mill-Gvern sabiex ssir triq. L-art esproprijata li fuqha nbniet parti mil-lukanda qatt ma nbiegħet lill-investituri tal-lukanda u għalhekk għadha tal-Gvern.
Qed isiru diskussjonijiet mas-sidien ta’ din l-art sabiex tingħata lura lilhom.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Assigurazzjoni Privata
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-mument liema huma d-dekasteri, dipartimenti u entitajiet li għandhom xi forma ta' Assigurazzjoni Privata (Private Insurance) għall-vetturi, bini, apparat, pitturi, eċċ? Kemm huwa l-ħlas globali f'ċifra ta' flus li qed titħallas għal dawn l-assigurazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar, skond l-MTA kemm huma:
i) n-numru ta' sodod f'lukandi
ii) n-numru ta' furnished flats
iii) catering establishments
iv) bars
v) diving service providers
fl-inħawi tal-Mellieħa u l-limiti tagħha, inkluża l-Għadira, Ċirkewwa u l-Armier?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-inħawi tal-Mellieħa u l-limiti tagħha, inkluża l-Għadira, Ċirkewwa u l-Armier hemm dawn l-istabillimenti liċenzjati mill-MTA:
1) in-numru ta’ sodod f’lukandi
4,381
2) in-numru ta’
furnished flats
92
3) catering establishments
53
4) bars
31
5) diving service providors
13
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar, skond l-MTA kemm huma:
i) n-numru ta' sodod f'lukandi
ii) n-numru ta' furnished flats
iii) catering establishments
iv) bars
v) diving service providers
fl-inħawi ta' l-Imġarr?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-inħawi ta’ l-Mġarr f’Malta u l-Mġarr f’Għawdex hemm dawn l-istabillimenti liċenzjati mill-MTA:
Mġarr Malta
Mġarr Għawdex
1) in-numru ta’ sodod f’lukandi
xejn
114
2) in-numru ta’
furnished flats
xejn
xejn
3) catering establishments
10
9
4) bars
2
5
5) diving service providors
1
xejn
Jista' l-Prim Ministru jara li l-iżvilupp propost mill-Ministeru tat-Turiżmu matul il-ħames snin li għaddew jitkompla kemm jista' jkun malajr, u dan biex il-benefiċċju li jista' joħroġ minn dan tali żvilupp għall-inħawi tal-Qawra, Salina, Buġibba u San Pawl l-Baħar, ikun jista' jsir realta' fl-iqsar żmien possibbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proġetti turistiċi li hemm maħsuba mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għall-inħawi tal-Qawra, Salina, Buġibba u San Pawl il-Baħar huma dawn:
· Tisbiħ tat-triq tul il-baħar f’San Pawl il-Bahar
Dan il-proġett, li huwa ppjanat li jeħtieġ madwar sena biex jitlesta, jinvolvi it-titjib tal-bankini u l-
promenade
u jibda minn ħdejn il-kappella ta’ San Pawl, ikompli minn maġenb il-Menqa, is-
Sirens
u t-Torri ta’
Wignacourt
u jispiċċa qrib l-Iskola Primarja ta’ San Pawl.
· Faċilità edukattiva, ġnien
promenade
fil-Qawra
Dan il-proġett, li ser jieħu madwar sentejn, ser ikun jinkludi ġnien b’
landscaping
u b’
seating
li ser joħloq spazju miftuħ ta’ ċertu kobor minn fejn il-pubbliku jista’ igawdi veduti tal-baħar. Ser jipprovdi ukoll żewġ attrazzjonijiet li ser ikunu akkwarju u mużew ta’ l-arkeoloġija marittima. Il-binja ser tkun taħt il-livell tat-triq. Faċilitajiet oħra li ser ikunu pprovduti huma teatru Grieg u ċentru għall-Iskejjel tad-
Diving
.
· L-iżvilupp u titjib tal-bajja fil-Qawra
Dan il-proġett ser jinvolvi tkabbir tal-bajja bir-ramel u interventi oħra mal-kosta. Dan ser jieħu madwar tlett snin biex jitlesta.
Dawn it-tlett proġetti huma maħsuba li jsiru minn fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea u l-Awtorità qiegħda tistenna l-konferma min-naħa tal-
PPCD
biex tkun tista’ tibda dawn il-proġetti. Sadanittant ix-xogħol ta’ tħejjija min-naħa ta’ l-
MTA
jibqa’ għaddej.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ġie ngaġġat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-persuna msemmija huma ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt tas-Segretarja Stampa u Komunikazzjoni.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-aħħar verżjoni tad-dokument
Engagement of Staff for Minister’s Secretariats’
datata Ottubru 2007 kif approvat mill-Kabinett, u li kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.