Uffiċċju tal-Prim Ministru – Impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-Belt
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt u jekk humiex eżentati mis-CVA?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt u li huma eżentati mis-CVA.
Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ – applikazzjoni lill-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10969, jista’ l-Prim Ministru jgħid għalfejn jeħtieġ konferma jekk it-triq ġdida bla isem li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbug (Malta), (id-dettalji tal-post eżatt qegħdin jingħataw separatament) hijiex privata jew pubblika, ġaladarba l-Avviż Legali 291 tal-2018 jagħti s-setgħa lill-Kunsilli Lokali li jiddeċiedu isem li bih għandha tkun magħrufa triq privata?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab nfurmat li t-Tismija ta’ Toroq f’Malta taqa’ taħt Leġislazzjoni Sussidjarja 363.10 ‘Regolamenti Dwar Kunsilli Lokali (Tismija ta’ Toroq)’. L-Avviż Legali 291 tal-2018 jaqa’ taħt Leġiżlazzjoni 499.57 ‘Regolamenti dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq’. F’din il-Leġislazzjoni m’hemm l-ebda referenza għall-proċedura ta’ kif għandu jiġi ttrattat u ppubblikat isem ta’ triq privata iżda ssemmi biss li jekk Kunsill Lokali jiddeċiedi li jsemmi triq privata din tibqa’ bl-istatus ta’ triq privata.
Finalment, huwa l-Kunsill Lokali rispettiv li jrid jissottometti r-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tissemma triq skont kif stipulat f’Leġislazzjoni Sussidjarja 363.10 ‘Regolamenti Dwar Kunsilli Lokali (Tismija ta’ Toroq)’. Il-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq baqa’ ma rċieva l-ebda rakkomandazzjoni għat-triq in kwistjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq dwar toroq li m’għandhomx isem madwar Malta u Għawdex, indikati skont il-lokalitajiet differenti?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab nfurmat li l-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq – Malta, li sal-11 ta’ Ottubru, 2023, għandu 19-il applikazzjoni pendenti. Dawn waslu għand il-Kumitat f’dawn l-aħħar għoxrin ġurnata. Dawn l-applikazzjonijiet se jkunu diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat li hija skedata għall-ġimgħa d-dieħla. L-applikazzjonijiet ġejjin mingħand:
§ Kunsill Lokali Siġġiewi – 2
§ Kunsill Lokali Ħal Qormi – 1
§ Kunsill Lokali Ħad-Dingli – 1
§ Kunsilli Lokali Pembroke/San Ġiljan – 1 [triq tikkonfina]
§ Kunsill Lokali San Ġiljan – 1
§ Kunsill Lokali Ir-Rabat (M) – 13
Il-Kumitat għandu wkoll numru ta’ pendenzi ma’ ħamsa u għoxrin (25) Kunsill Lokali rigward kwistjonijiet relatati ma’ talbiet dwar ismijiet ta’ toroq.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ ġie segwit mill-‘Employee Support Programme’ matul is-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, ROBERT)
Filwaqt li għas-sena 2022 nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4240, ninsab infurmat li fl-2023 kien hemm 347 każ li ġie segwit.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Headship Positions (DGs u Diretturi) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fil-preżent li skadielhom it-terminu ta’ erba snin u kemm ilu li skadielhom?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li ma hemm ebda Headship Positions (DGs u Diretturi) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fil-preżent li skadielhom it-terminu ta’ erba' snin.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa MSPP/02/2022 li għalqet fit-28 ta’ April 2023 ‘Concession for the regeneration and design, management, operation, maintenance and transfer back of the Evans building (Valletta) site as a superior quality tourism accommodation establishment’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ din l-istess sejħa u meta hu maħsub li jingħalaq?
Response (ABELA, ROBERT)
Fir-rigward tas-sejħa MSPP/02/2022 li għalqet fit-28 ta’ April 2023 ‘Concession for the regeneration and design, management and transfer back of the Evans building (Valletta) site as a superior quality tourism accommodation establishment’ ninsab infurmat li l-proċess jinsab fi stadju ta` evalwazzjoni, liema evalwazzjoni hija f’idejn il-kumitat indipendenti maħtur għall-evalwazzjoni tas-sejħa, skont il-proċeduri stabbiliti.
Jista’ l-Prim Ministru jaġġorna l-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fil-proċess tat-tendering għas-sit tax-Chalet (Tas-Sliema)?
Response (ABELA, ROBERT)
Fir-rigward tas-sejħa għas-sit tax-Chalet ġewwa Tas-Sliema, ninsab infurmat li l-proċess jinsab fi stadju ta` evalwazzjoni, liema evalwazzjoni hija f’idejn il-kumitat indipendenti maħtur għall-evalwazzjoni tas-sejħa, skont il-proċeduri stabbiliti.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Remunerazzoni ta’ individwi
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-individwi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż dawk f’awtoritajiet, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għandhom pakkett finanzjarju ikbar mill-Prim Ministru nnifsu? Jista’ jgħid ukoll min huma u kemm hu l-pakkett annwali, inkluż perkaċċi u bonuses?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi l-impjegati fid-dipartimenti tal-Gvern għandhom pagi ppeggjati ma' skali taċ-Ċivil filwaqt illi fir-rigward ta' entitajiet il-pagi huma riflessjoni tas-suq tax-xogħol fis-settur partikolari.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10694 u 11524 u jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
European Regional Development Fund — Allokazzjoni għal Għawdex
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-maġġoranza tal-allokazzjoni għal Għawdex ta' madwar €166 miljun taħt il-European Regional Development Fund (ERDF) hux ser jiġi deċiż u implimentat minn Ministeri Maltin?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għala għadu ma implimentax ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman fil-Paper Laid tal-1 ta’ Novembru, 2018 sabiex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tinħatar bħala Senior Principal fis-Servizz Pubbliku? Jista’ jintervjeni biex dik l-ingustizzja tiġi indirizzata?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokumenti li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fl-1 ta’Novembru 2018.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra rigward is-Servizz Pubbliku. Ninsab infurmat li fl-istess perjodu kien hemm 1,674 terminazzjoni mill-istess Servizz. Ninsab infurmat ukoll li fl-entitajiet li huma parti mid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien hemm ingaġġ ta’ 90 persuna u 136 terminazzjoni. Rigward l-RSSL fejn din assorbiet l-eks ħaddiema tal-Air Malta, nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10529.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta bdew in-negozjati bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar ftehim ġdid li jirregola l-proprjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti fl-1991? Jista’ jgħid ukoll fiex waslu dawn in-negozjati?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija paramentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-kumpensi ex gratia li ġew mogħtija mill-Gvern Malti mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont sħiħ u dettaljat tan-nefqa li saret b'rabta mas-summit tal-Med9? Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmi summit?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess għal negozju
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11065 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u jgħid kemm hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess għal negozju f’San Pawl il-Baħar?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema tas-settur ċivili li ġew issekondati mal-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jekk iva, kemm, meta, u f'liema grad?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li hemm żewġ ħaddiema li ġejjin mis-settur pubbliku li huma ssekondati mal-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha ingħataw separatament. Persuna minnhom huwa Field Officer Grade 2 mat-Transport Malta u l-persuna l-oħra hija Administrative Officer l-ITS.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10694 u jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Uffiċċju tiegħu? Jista’ jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta’ kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.