Legislature:
Category:
Reset
Active:

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — impjegati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entità/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dipartimenti u l-entitajiet li jagħmlu parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa fl-2017 ġew impjegati 513 il-persuna, fl-2018 444 filwaqt li fl-2019 kien hemm 636 impjegati ġodda. Ninfurmah ukoll illi numru sostanzjali ta’ dawn l-impjegati ġodda ġew ingaġġati fl-isptar Mater Dei.

Bank tad-Demm f'Għawdex

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien l-ammont ta' demm li nġabar mil-Bank tad-Demm f'Għawdex kull sena mill-2011 sal-lum? Jista' jgħid matul is-sena 2020 kemm-il darba opera l-Bank tad-Demm f'Għawdex u kemm kien l-ammont ta' persuni li marru jagħtu d-demm kull darba li fetaħ f'Għawdex? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan jibda jiftaħ kuljum flok darba kull 15-il gurnata biex jkun aktar aċċessibbli u jkun aktar komdu għal min irid jagħti d-demm f'Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt. Blood Donations From Gozo Year Callers Donations 2011 1669 1520 2012 1776 1541 2013 1854 1627 2014 2070 1684 2015 2161 1716 2016 2187 1798 2017 1903 1602 2018 1786 1444 2019 1604 1326 2020 (till end of May) 617 501 *Callers-Nies li ġew biex jagħtu d-demm. Ninfurmah ukoll illi n-NBTS minn żmien għal żmien jagħmlu analiżi fil-gżira Għawdxija u jekk ikun hemm il-ħtieġa aktar il-quddiem, il-Bank tad-demm jiġi kkunsidrat li jinfetaħ aktar ta’spiss.

Bathing Water Monitoring Programme

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15043, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kienet ir-raġuni li s-seba’ bajjiet indikati ma laħqux l-istandard ta’ eċċellenza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15043 ninsab infurmat li l-klassifika tinħadem fuq in-numru ta’ riżultati tal-analiżi ta’ kampjuni tal-ilma baħar li jkunu nġabru sa’ dik il-ġimgħa jiġifieri kampjuni tal-ilma baħar li ttieħdu bejn it-18 ta’ Mejju sal-24 ta’ Mejju. Filwaqt ukoll li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jikkonferma li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kien hemm xi impatt minn drenaġġ li seta` far f’dawn il-bajjiet, iżda l-klassifikazzjoni ġiet affetwata minn numru ta’ batterji li rriżultaw mill-analiżi. L-ebda minn dawn ir-riżultati ma qabeż il-livelli tal-mikrobi li għaliha kella tiskatta l-għeluq temporanju ta’ xi żoni tal-għawm.

Bathing Water Monitoring Programme

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15043, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn, skont it-tieni rapport maħruġ għall-perjodu 25 sal-31 ta’ Mejju 2020: a. Il-Bajja ta’ San Ġorġ, f’Biżebbuġa kienet “ good ” u “ poor ”; b. Anchor Bay, Mellieħa Bay u Balluta Bay baqgħu “ good ”; c. Golden Bay, parti minn Kemmuna (D22) u Marsalforn kienu “ sufficient ”; u d. parti mill-Qawra kienet “ poor ”?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kampjuni jiġu analiżżati għall-għadd ta’mikrobi enterokoċċi intestinali u Escherichia coli. L-ammont ta’ mikrobi f’kull kampjun individwali m’għandux jaqbeż aktar minn 500 cfu/100 ml u aktar minn 1000cfu/100 ml repittivament. Meta dawn il-livelli jinqabżu il-kampjun jerġa jiġi repetut u fil-każ li l-livell ta’ mikrobi jaqbeż wieħed minn dawn il-livelli l-bajja tiġi uffiċjalment temporanjament magħluqa. Il bajja terġa tinfetaħ meta mill-inqas tliet riżultati konsekuttivi ta’ kampjuni li jinġabru kuljum ikunu jindikaw li l-għadd tal-mikrobi ikun f’livelli anqas minn dawk indikati hawn fuq. Nixtieq ninforma li s’issa dawn il livelli ma nqabżu f’ebda kampjun miġbur sa issa. Il-klassifikazzjoni tal-bajjiet tinħadem statistikament skont kif rikjest mid-direttiva tal-Unjoni Ewropeja maqluba bil-Leġislazzjoni Sussidarja 465.09 dwar “ir- Regolamenti Dwar il- Maniġġar tal- Kwalita’ tal- Ilma Tajjeb għall-Għawm” u l-klassifika toħroġ kif muri fit tabella hawn taħt. Għal ilma kostali u ilma transizzjonali A B C D E Parametru Kwalità Eċċellenti Kwalità tajba Suffiċjenti Metodi ta' analisi ta' referenza 1 Enterokoċċi intestinali (cfu/100ml) 100 (*) 200(*) 185 (**) ISO 7899-1 jew ISO 7899-2 2 Escherichia coli (cfu/100ml) 250(*) 500(*) 500(**) ISO 9308-3 jew ISO 9308-1 (*) Bażat fuq valutazzjoni ta' 95-perċentwali. Ara l-Iskeda II (**) Bażat fuq valutazzjoni ta' 90-perċentwali. Ara l-Iskeda II L-ilma tajjeb għall-għawm għandu jiġi klassifikat bħala ‘batut’ jekk, fis-sett ta’data dwar il-kwalità ta’ ilma tajjeb għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ valutazzjoni (a), il-valuri perċentwali (b) għal-enumerazzjonijiet mikrobiologici jkunu agħar (ċ) mill-valuri ‘suffiċjenti’ stabbiliti fl-Iskeda I, kolonna D tal-Leġislazzjoni Sussidarja 465.09. Għaldaqstant, minħabba li dawn huma biss it-tielet sett ta’ kampjuni minn tlieta u għoxrin kampjun, din id-data tista tiġi affettwata b’ mod negattiv. Għalhekk minn ġimgħa għal oħra jista jkun hemm varjażżjoni fil-klassifika ta’ xi siti. Dan huwa kkonfermat minn tibdil li kien hemm għal xi siti bejn l-ewwel rapport u t-tieni rapport.

Persuni li talbu għajnuna minħabba problemi ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15045, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-figuri xahar b’xahar, ta’ kemm persuni talbu għall-għajnuna minħabba problema ta’ saħħa mentali, kif mitlub fil-mistoqsija oriġinali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 15045.

Ħaddiema tal-Catering – ħidma bla maskli

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-ħaddiema fis-settur tal-catering ser ikunu jistgħu jaħdmu mingħajr maskli? Jista’ jgħid x'inhu l-pjan biex jibdew jittaffew il-miżuri fuq l-istabbilimenti tal-ikel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, hu rrakkomandat li ħaddiema li jkollhom kuntatt ma’ klijenti jilbsu l-maskra jew visor waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Saħħa Mentali: Spiża 2019

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8669, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fid-dettal kif intefqu l-flus is-sena l-oħra għas-saħħa mentali kemm dawk rikorrenti kif ukoll fuq xogħlijiet kapitali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża attwali rikurrenti matul l-2019 għas-saħħa mentali kienet ta’ € 51.4 miljun, dan minħabba l-fatt li kellna nirrilokaw il-pazjenti ġewwa djar u hostels minħabba s-saħħa tagħhom kif ukoll minħabba l-pjanijiet fuq ix-xogħol strutturali. L-ispiża kapitali kienet € 0.921 miljuni.

Strateġija dwar l-Obeżità

Question

Billi skont statistika tal-Unjoni Ewropea qed jindika li f’pajjiżna għandna waħda mill-għola rata ta’ obeżità, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Istrateġija dwar l-Obeżità? Sa issa x’twettaq minn din l-istrateġija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul dawn l-aħħar snin, apparti l-istrateġija Nazzjonali A Healthy Weight for Life ttieħdu diversi inizzjattivi sabiex il-problema tal-obeżita’ f’Malta tonqos, fosthom l-Avviż Legali numru: 266 tal-2018 fejn jittratta dwar ikel u xorb bnin fl-iskejjel. Ninfurmah ukoll illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra il-Food and Nutrition Policy and Action Plan for Malta fejn ġew identifikati l-prijoritajiet sabiex jiġu ndirizzati l-isfidi ewlenin tas-Saħħa Pubblika fil-qasam tan-nutrizzjoni u s-sigurta’ tal-ikel. Kien hemm ukoll d-Design of Healthy Plate guidelines fejn din id-dieta’ kienet ibbażata fuq dik Mediterranja, Lunch box campaign u proġett ieħor li kien ko-iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għan li jippromwovu l-attività fiżika fost l-adoloxxenti fl-iskejjel u fil-komunità. L-evalwazzjoni ta 'dan il-proġett wriet impatt fuq l-ammont ta' attività fiżika mwettqa. Inizzjattivi oħra jinkludu diversi kampanji li jsiru kull sena, fosthom fil-komunitajiet u l-postijiet tax-xogħol fejn ommijiet ġodda ikunu nfurmati dwar l-importanza tat-treddigħ lit-trabi tagħhom speċjalment fl-ewwel sitt xhur tal-ħajja, isiru ukoll Weight Management Programmes fil-komunita għal-adulti, Provvista ta' servizzi f'Dar Kenn għal-Saħħtek għal nies obeżi u fost inizzjattivi oħrajn kompla jingħata ukoll appoġġ lin-nisa tqal u ommijiet ġodda biex jadottaw drawwiet alimentari tajbin għalihom infushom u l-familji tagħhom permezz ta' inizzjattivi edukattivi u komunitarji. Isiru ukoll Sorveljanza u monitoraġġ kontinwu tal-konsum tal-ikel u l-attività fiżika li tinkludi Child Obesity Surveillance Initiative , Healthy Behaviour in School-aged children u l- European Health Interview Survey kif ukoll beda’ jsir pjan li jkopri oqsma ta' prijorità għal azzjoni marbuta ma' fatturi ta' riskju li jistgħu jiġu evitati, imġieba riskjuża u ambjenti ħżiena għas-saħħa.

COVID-19 – guidelines għall-ħaddiema tal-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fis-sitwazzjoni preżenti ġewx addottati kundizzjonijiet u guidelines għall-ħaddiema li jaħdmu fl-uffiċċini tal-Gvern u awtoritajiet tiegħu? Jista’ jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni permessibbli f’kull għaxar metri kwadri f’kull uffiċċju tal-Gvern? Jista’ jgħid x’passi qed jittieħdu fuq dawk l-uffiċċini tal-Gvern jew entitajiet tiegħu li ma għandhomx tieqa għal barra jew li għandhom biss tieqa għall-bitħa li hija msaqqfa? Jista’ jgħid ingħatawx struzzjonijiet fuq użu ta’ ACs u fannijiet f’dawn l-uffiċċini? Il-Gvern ser ikun qed jipprovdi maskri, visors u sanitizers fl-uffiċċini tiegħu lill-ħaddiema tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi rigward guidance for offices and workspaces wieħed jista’ jkollu aċċess għal kwalunkwe informazzjoni permezz tal-website uffiċjali https://deputyprimeminister.gov.mt/ u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

COVID-19 – anzjani li ma ttieħdux fil-hotel fir-Rabat Għawdex

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’ser isir minn dawk l-anzjani li ma ttieħdux lejn il-hotel fiċ-Ċentru tar-Rabat meta ngħalqet ir-Residenza Sant' Anna biex jekk ikun hemm bżonn tintuża għall-pazjenti bil-COVID-19? Jista' jgħid għaliex dawn l-anzjani qegħdin jinżammu fil-male u female wards tal-Isptar Ġenerali u fejn hu maħsub li ser jittieħdu? Ma jaħsibx li dawn l-anzjani ma għandhomx jinżammu fil-parti tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fejn il-pazjenti jinbidlu l-ħin kollu u fejn hemm pazjenti b'diversi forom ta' kundizzjonijiet differenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-anzjani li attwalment qegħdin jokkupaw soddod fis-swali akuti ser jinstabilhom post f’parti minn dik li qabel kienet ir-Residenza Sant Anna. Ninfurmah ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed tinħareġ sejħa għall-offerti pubblika għal-akkomodazzjoni ta’ dawn il-pazjenti.

Għawdex — Sexual Health Services

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ Sexual Health Services qed jiġu offruti f’Għawdex? Xi pjan għandu l-Gvern biex jiżdiedu u jitjiebu s-Sexual Health Services?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru diskussjonijiet rigward Sexual Health Services fil-gżira Għawdxija. Filwaqt li preżentament talbiet għal tali servizzi qed jiġu riferuti għal GU Clinic f’Mater Dei.

GU (Genitourinary) Clinic – persuni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sena b’sena, kemm attendew persuni l-GU (Genitourinary) Clinic, minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? Kemm minnhom kienu eterosesswali u kemm omosesswali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2015 kien hemm 4,504 attendenzi fil-GU Clinic, fl-2016 6,022, fl-2017 6,277, fl-2018 7,218 filwaqt li fl-2019 kien hemm 7,469. Dawn l-attendenzi fost oħrajn jinkludu diversi trattamenti, testijiet u konsultazzjonijiet. Minn dawn l-attendenzi fl-2015 kien hemm 1,132 li kienu nisa u 1,615 li kienu irġiel, l-2016 1,355 nisa u 2,044 irġiel, fl-2017 2,038 nisa u 3,826 irġiel, fl-2018 2,197 nisa u 4,058 irġiel filwaqt li fl-2019 kien hemm 2,172 nisa u 4,227 irġiel. Fl-2015, minn dawk li attendew kien hemm 2,248 li kienu eterosesswali u 488 li kienu omosesswali, fl-2016 eterosesswali kien hemm 2,628 u 572 omosesswali, fl-2017 4,327 eterosesswali u 1,534, fl-2018 4,449 eterosesswali u 1,806 u fl-2019 kien hemm 4,472 li kienu eterosesswali u 1,853 li kienu omosesswali. Ninfurmaha ukoll illi persuna tista’ tattendi l-GU Clinic għal aktar minn darba fis-sena kif filfatt jiġri.

STD — Mard l-aktar komuni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema mard trasmess sesswalment huwa l-iktar komuni f’pajjiżna u kemm huma l-persuni infettati b’dan il-mard sena b’sena minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iktar marda li kienet komuni fl-2015 u fl-2016 kienet Chlamydia. Fl-2015 kien hemm 154 każ filwaqt li fl-2016 kien hemm 270. Mill-2017 sal-2019 l-iktar marda li kienet trasmessa sesswalment kienet l-HPV. Fl-2017 kien hemm 842 il-każ, fl-2018 937 u fl-2019 798.

STD -– żjarat ta’ klijenti f’massage parlours

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema mard trasmess sesswalment f’pajjiżna ġie trasmess wara żjarat ta’ klijenti f’massage parlours u kemm huma l-persuni infettati b’dan il-mard sena b’sena minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni li żżomm l-GU Clinic hija relatata mat-tip ta’ kuntatt sesswali li kellu l-pazjent u mhux direttament fejn sar dan il-kuntatt.

G·ira Primary Health Care – kuntratt tal-ftehim

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14752, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-ftehim tal-kirja tal-Gżira Primary Health Care li sar mal-Kunsill Lokali tal-Gżira?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-kuntratt tal-ftehim tal-kirja tal-Gżira Primary Health Care.

Mellieħa – servizz ta’ ambulanza fix-xhur tas-sajf

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra sabiex matul ix-xhur tas-sajf fil-lokalità tal-Mellieħa jkun hemm servizz ta’ ambulanza (anke jekk dan is-servizz jista’ jingħata minn NGOs)? Dan peress li apparti n-numru ta’ bajjiet fil-konfini ta’ din il-lokalità, il-popolazzjoni tiżdied b’aktar minn tliet darbiet minħabba residenzi meqjusa bħala villeġġjatura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-naħa ta’ fuq ta’ Malta tul is-sena kollha tkun servuta b’ambulanza li hija stazzjonata fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Ministeru għas-Saħħa — ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari u li wara l-25 ta’ Jannar 2020 u sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, telqu/irriżenjaw minn dan l-impjieg? Jekk iva, kemm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-25 ta’ Jannar tal-2020, kien hemm 2 persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministeru għas-Saħħa u li issa m’għadomx.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – twelid ta’ trabi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twieldu trabi fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex imma li kellhom jiġu trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei mill-bidu tas-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u dan sena b'sena? Jista' jgħid, matul l-istess perjodu, kemm kien hemm nisa li welldu normali u kemm kien hemm li welldu b'ċesarja fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Jista' jgħid minn dawn, kemm kien hemm ċesarji elective u kemm kienu b'emerġenza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ trabi li twieldu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex li kellhom jiġu trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei (fl-NPICU) mill-2013 sal-2019 kien 29. Matul l-istess żmien kien hemm total ta’ 1,332 mara li weldet normali u 621 li welldu b'ċesarja fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Minn dawn, kien hemm 362 mara li welldet permezz ta’ ċesarja (elective) u 259 b’ċesarja (emerġenza).

Coronavirus – persuni li nstabu pożittivi għal aktar minn darba — miżuri

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid s’issa kemm kien hemm persuni li nstabu li huma pożittivi fir-rigward tal-marda tal-COVID-19 aktar minn darba? Jekk kien hemm, qed jittieħdu xi miżuri partikolari fil-konfront tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa issa ħadd ma nsab li huwa pożittiv għal-COVID 19 aktar minn darba.

Sptar Monte Karmeli — CEO - kriterji tal-għażla

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika b’liema kriterji ntgħażel is-CEO tal-Isptar Monte Karmeli? Jista’ jippreżenta lil din il-Kamra l-pakkett finanzjarju marbut ma’ din il-pożizzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-CEO tal-Isptar Monte Karmeli intagħżlet fuq il-mertu tal-kapaċitajiet u ħiliet tagħha fil-qasam tat-tmexxija kif ukoll fuq il-kompetenzi, ħiliet u esperjenza fil-qasam kliniku li tgawdi. Il-persuna tokkupa il-kariga ta’ konsultenta fil-qasam mediku b’ħafna snin ta’ esperjenza fit-tmexxija fis-settur tas-saħħa fosthom fl-isptar Monte Karmeli u mexxiet is-Servizz Nazzjonali tal-iScreening. Apparti li hija tabiba tal-mediċina (MD) għandha ukoll MSC fis-Saħħa Pubblika kif ukoll MBA. Il-pakkett finanzjarju tagħha huwa skont il-ftehim kollettiv bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija.