Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qasam tal-Politika nazzjonali — saħħa sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’sar fis-sena 2011 fil-qasam tal-politika nazzjonali dwar is-saħħa sesswali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tfassil ta' strateġija msejjsa fuq il-Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali għall-Gżejjer Maltin li kienet varata fl-2010 qegħda fi stat avvanzat u huwa ppjanat li se tiġi ippublikata fil-ġimgħat li ġejjin Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qegħda tiffinalizza x-xogħolijiet fil- GU Clinic ġewwa l-Isptar Mater Dei, klinika ġdida li ser tieħu post il- GU Clinic fl-Isptar Boffa . F’dan l-aħħar xahar ħareġ tender għat-tħejjija ta’ pakett ta’ informazzjoni għall-ġurnalisti u għat-twaqqif ta’ website dwar is-saħħa sesswali. Tkompla il-proġett HCube li huwa iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja dwar mard ta’ hepatitis B,C u HIV. Tkomplew wkoll sezzjonijiet ta’ informazzjoni dwar saħħa sesswali ma diversi gruppi. Dalwaqt toħroġ sejħa għal tobba biex jipparteċipaw fi proġetti ta’ informazzjoni dwar l-infezzjoni tal- chlamydia. Għalhekk diġa hemm għaddejjin numru ta’ inizjattivi, kollha fl-ambitu tal-istrateġija li ġiet imfassla.

Ċimiterju tal-Addolorata — Human remains

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex se jinħoloq preċedent biex il-human remains li jinsabu fl-oqbra ta' fratellanzi tal-Knisja (u/jew għaqdiet/soċjetajiet tal-Knisja) u jinsabu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata u jitpoġġew fl-osqrja tal-istess għaqda jew fraternanza qed jiġu mitluba li jagħmlu permess ta' trasport għal kull human remains li jkun hemm biex jitpoġġa fl-osqrja meta qabel ma kien għamel hekk kien jintuża l-permess tat-tindif biss?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont l-Ordinanza Dwar iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Kapitlu 18, Artiklu 3, huwa meħtieġ li jiddaħlu d-dettalji ta’ fejn isir id-difna u t-titolu tal-mejjet li jiġi midfun f’dak il-qabar. Skont il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, Kapitlu 10, Artiklu 142 ‘ Ħadd ma jista’ jaqla’ mejtin mill-oqbra jew jiftaħ oqbra mingħajr permess tal-Pulizija. ’ Għaldaqstant għall-ġarr ta’ kull kadavru minn ġewwa qabar għall-ossarju jew għall-qabar ieħor hu meħtieġ il-permess tal-pulizija fejn id-dettalji ta’ fejn tpoġġa l-katavru jiġu mniżżla.

Ċimiterju tal-Addolorata — rapport tal-kundizzjoni u t-tindif tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-kundizzjoni tat-toroq li hemm fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tat-tindif ta' toroq li bħalissa jinsabu fi stadju ta' abbandun?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li m’hemm ebda rapport speċifiku dwar il-kundizzjoni tat-toroq fiċ-Ċimetrju tal-Addolorata. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjoni tat-toroq fiċ-Ċimiterju ta’ Sta. Marija Addolorata se tkun indirizzata fil-proġett tal-estensjoni u mmaniġjar tal-istess ċimiterju. It-tindif tat-toroq isir minn numru limitat ta’ ħaddiema responsabbli għat-tindif u dan ix-xogħol isir skont skeda stabbilità li biha jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet u r-riżorsi disponibbli. Ta’ min wieħed jinnota li bħal issa għaddej xogħol intensiv ta’ tindif, qtugħ ta’ ħaxix ħażin, żbir ta’ siġar, kif wkoll xogħol ta’ manteniment fuq l-istess ċimiterju.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011 inxtraw ħames (5) karozzi mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità.

trab iswed fil-Fgura — rapport fuq is-saħħa tan-nies

Question

Tenut kont tar-rapport tekniku li għadu kemm ġie ppubblikat dwar is-sors tat-trab iswed fil-Fgura li però ma daħalx fl-aspett tas-saħħa tan-nies tal-Fgura, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu huwiex beħsiebu jinkariga espert jew esperti biex jistudja r-relazzjoni bejn dan it-trab iswed u s-saħħa tan-nies?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar diġà kkomunikat mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali f’dan ir-rigward u dan qed jiġi kkunsidrat.

Ventolin Inhaler out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28608 u jivverifika għala l-mediċina Ventolin Inhaler hija out of stock mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek ta' Ħ'Attard?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li din il-mediċina waslet fl-istores tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fis-7 ta’ Ottubru 2011, u ġiet imqassma fil-114-l ispiżerija li bħalissa qedgħin jipparteċipaw fl-iskema tal-POYC, inkuż l-ispiżeriji ta’ Ħ’Attard.

Isptar Paul Boffa — informazzjoni dwar bunker

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-bunker li fl-aħħar xhur inbena fl-Isptar Paul Boffa ħalli jitpoġġa fih il-linear accelerator?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kumpless tal-bunker il-ġdid, li jinkludi mhux biss il-bunker imma wkoll numru ta’ faċilitajiet oħra ġodda għall-pazjenti li jużaw is-servizz ta’ radjuterapija ġewwa l-Isptar Sir Paul Boffa ġie jiswa €1.17 miljun.

Sptar Mater Dei — kiri tas-servizzi tat-television

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-arranġamenti li hemm fl-Isptar Mater Dei għal kiri tas-servizz tat-television? Min jistabillixxi l-prezz għall-kiri tas-servizz mill-pazjenti? Il-gvern jew is-service provider? Hemm xi kuntratt bejn il-Gvern u s-service provider? Jekk iva, jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk hemm kuntratt kemm huwa twil il-perjodu tal-kuntratt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kiri tas-servizzi tat-television lill-pazjenti fl-Isptar Mater Dei jingħata mill-kuntrattur, f’dan il-każ Melita Cable plc. Il-prezzijiet għal dawn is-servizzi huma stipulati fil-kuntratt u ma jistgħux jinbidlu unilateralment mill-kuntrattur. Jeżisti kuntratt għal dawn is-servizzi li kien sar bejn il-Foundation for Medical Services (FMS) u l-Melita Cable plc fl-14 ta’ Awwissu 2007 u li għandu terminu sal-aħħar tas-sena 2014. Dan wara li kienet ħarġet tender mill-FMS fit-22 ta’ Diċembru 2006 “ Service Concession for the Provision of Bedside Communication, Information and Entertainment Services at Mater Dei Hospital ” Kopja tal-kuntratt imsemmi ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minhabba f’ confidentiality claus e fl-istess kuntratt.

kwestjoni dwar għawm ta' pets

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26527 li oriġinarjament saret lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema bajjiet huwa permessibbli li fihom delettanti jkunu jistgħu jieħdu l-pet tagħhom jgħum magħhom, anki jekk dan il-pet ikun kelb, żiemel jew xi pet ieħor kbir? Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regoli li jirregolarizzaw l-għawn ta' pets?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-Regolamenti li jirregolaw l-għawm tal-annimali inklużi ‘pets’ huma l-Avviż Legali 125 ta’ 2008 dwar il-Maniġġar tal-Kwalità tal-Ilma tajjeb għall-Għawm kif amendat b’Avviż Legali 237 ta’ li daħal fis-seħħ b’Avviż Legali 112 ta’ 2009 li stabbilixxa l-1 ta’ Marzu 2009 bħala d-data meta l-imsemmija regolamenti għandhom jitqiesu li bdew iseħħu. Dawn ir-regolamenti jistipulaw li ebda annimal ma jista' f’ebda waqt jittieħed fil-baħar f’dawk iż-żoni li jiġu ndikati mis-Superintendent bħala żoni ta’ l-għawm taħt id-disposizzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Iż-żoni indikati mis-Superintendent huma dawk iż-żoni indikati bħala uffiċċjalment żoni tajbin għall-għawm. Dawn iż-żoni huma indikati b’tabelli li jindikaw li dik iż-żona qed tiġi mmonitorjata għall-kwalita tal-ilma baħar skond il-provvedimenti tal-istess Avviż Legali li jittrasponi d-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jiġi preservat, protett, u mtejjeb l-kwalita ta’ l-ambjent u sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem. Għalhekk annimali jistgħu jittieħdu jgħumu f’dawk iż-żoni li ma jaqawx taħt il-kriterji ta’dawn ir-regolamenti u għalhekk mhux qed jiġu mmonitorjati għall-fini ta’ dawn ir-regolamenti.

Pembroke — ilment dwar riħa qawwija ta' drenaġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24502 , jista’ l-Ministru jerġa’ jinvestiga l-każ peress li l-ilmenti dwar riħa qawwija ta’ drenaġġ f’Pembroke għadhom jasluli regolarment minn residenti fl-inħawi indikati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-Mistoqsija Parlamentari 24502, jiġifieri mis-17 ta’ Marzu 2011, ‘l hawn ma daħlu l-ebda lmenti dwar irwejjaħ jintnu fit-Triq Pietru Darmenia, Pembroke. Uffiċċjal mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għamel spezzjoni fis-17 ta’ Awwissu, 2011 fit-triq indikata u ġie kkonfermat li ma kien hemm l-ebda rwejjaħ jintnu, u l-anqas sadd ta’ drenaġġ. Madankollu, uffiċċjal fil-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma gie infurmat biex jiċċekja l-main sewer f’din l-akwata. Wara ġie kkonfermat mill-istess Korporazzjoni li ma sabu l-ebda sadd fil-main sewer iżda minkejja dan xorta waħda sar flush tas-sistema.

Trobbija ta' animali fi flat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed jitħalla jrabbi animali fil-flat inkluz sriep u wkoll qed jħammeg u juża l-partijiet komuni tal-blokka tal-flats biex jarmi u jneħħi l-ħmieg tal-animali? Jidhirlu, min huwa responsabbli, li dan huwa kaz serju ex officio li l-awtorita' għandha tieħu passi immedjati u rimedjali? Dan kemm fl-interess tal-ordni pubblika u wkoll dak tas-saħħa.

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-Reġjun ta’ Nofsinhar fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien ġie rreġistrat ilment fis-26 ta’ Lulju 2011 dwar trobbija ta’ annimali fuq il-bejt komuni tal-blokk. Kienet saret spezzjoni minn uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat, l-għada fis-27 ta’ Lulju, 2011 fejn instabu żewġt iklieb fuq il-bejt li kienu f’kundizzjoni sanitarja sodisfaċenti. Min kien għamel l-ilment kien ġie nfurmat li jista’ jirrikorri għand l-Awtorità tad-Djar biex jirrapporta dwar tneħħija ta’ annimali f’postijiet tal-gvern. Saret spezzjoni oħra fis-17 t’Awwissu minn uffiċċjal ta’ dan id-Direttorat iżda l-bieb ta’ barra tal-blokk kien imsakkar u ħadd mill-inkwilini tal-appartamenti ma fetaħ. L-uffiċċjal reġa` mar fit-18 t’Awwissu fejn instabu qattus u 3 ħamimiet f’guva fuq il-bejt. Dawn kienu fi stat sodisfaċenti ta’ iġjene, u ma kienx hemm irwejjaħ jintnu. Meta ħabbat il-bieb tal-inkwilini tal-fond indikat, ma wieġeb ħadd. Il-partijiet komuni ġewwa l-Blokk kienu ndaf u ma kienx hemm ħmieġ tal-annimali u skart ieħor u l-anqas irwejjaħ jintnu. L-uffiċċjal se jibqa sa’ kemm jagħmel spezzjoni ġol-fond indikat rigward l-istat ta’ iġjene. Madanakollu jkun aktar oppourtun jekk tali mistoqsija tiġi wkoll referuta lill-Ministru kkonċernat mill-Awtorità tad-Djar dwar ksur ta’ kundizjonijiet magħmula minn tali awtorità.

Talba għal dħul f'ċentru ta' persuni li jbatu bid-dimensja

Question

Wara t-talba li saritli mill-mara ta’ anzjan li jbati bid-dimensja, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq tibda tibagħtu d-Day Centre għal dawk li jbatu bid-dimensja, jista’ l-Ministru jgħid fejn hemm ċentru, min jiġi għalihom u kemm iħallsu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-Ċentru li jilqa’ l-persuni li jbatu bid-dimensja qiegħed allokat ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul. Ma’ titħallas l-ebda miżata għal dan is-servizz. Trasport irid ikun ipprovdut mill-familjari. Il-persuna msemmija f’din il-mistoqsija parlamentari tista’ tapplika fir-Residenza ta San Vinċenz de Paul, jew fiċ-Ċentru Servizz Anzjan il-Belt, jew fil-kunsill lokali tal-lokal fejn joqgħod l-anzjan biex b’hekk tkun tista’ tibda tattendi dan iċ-ċentru.

Persuna li tinsab f'Home tal-Privat — Tiġdid ta' Schedule V

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li mietilha r-raġel u issa tinsab f'home privata u minkejja li talbet biex ġġeded l-kartuna safra Schedule V xorta waħda baqgħet bla risposta? Jista' l-Ministru jinvestiga dan il-kaz u xi ħadd mid-dipartiment jikkuntattja lil din is-sinjura jew xi qraba tagħha ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li saret investigazzjoni dwar il-każ tal-pazjenta msemmija min-naħa tal-Uffiċċju ta’ Skeda V u ma nstabet l-ebda kartuna biex tiġġedded fuq isem il-persuna konċernata. Bħalissa din il-persuna għandha kartuna li għada valida b’mod indefinit. Minn naħa l-oħra meta ppruvajna nikkuntattjaw lil din il-persuna fuq in-numru tat-telefon ipprovdut biex inġibu iktar informazzjoni fuq is-sitwazzjoni tagħha, sibna problema peress li n-numru li ġie mgħoti ma jikkorispondix ma din il-persuna. Wara li ġie mogħti numru ieħor tat-telefon biex il-pazjenta tkun ikkuntattjata, xorta kien hemm problema minħabba f’xi diffikultajiet fis-sistema telefonika tagħha.

tqassim ta' pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitqassmu l-pazjenti ta' konsulenti li rtiraw lil konsulenti oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fid-Dipartiment tal-Mediċina il-pazjenti ta’ konsulenti li rtiraw ġew trasferiti lil konsulenti oħra li jaqgħu taħt l-istess speċjalita’. Fi Dipartiment tal-Kirurġija irtiraw żewġ konsulenti f’din l-aħħar sena. Fil-każ tal-ewwel konsulent, il-pazjenti tal-out-patient ġew assimilati mil-konsulenti l-oħra. Il-pazjenti li kienu fuq il-waiting list ta’ l-operazjonijiet ġew kollha operati u minn tal-firm tiegħu spiċċa kollox. Fil-kaz tat-tieni konsulent, il-pazjenti li kienu għal operazjoni ġew moqdijin. Il-pazjenti li kellu għal ‘Endoscopy’ ġew moqdijin u l-lista ta’ din il-‘waiting list’ ġiet eżawrita fl-aħħar ta’ Settembru. In-new cases ġew imwaqqfin malli spiċċa it-‘term’ tiegħu u il-follow-ups ingħataw istruzzjonijiet biex jiġu imqassmin bejn il-konsulenti kollha.

Operazzjonijiet — Waiting list

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6246, jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list bħalissa f'kull każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn informazzjoni miġbura permezz tal-Waiting List Management System tal-Isptar Mater Dei, jirriżulta li f’Ottubri 2011 kien hemm 4,474-il persuna fuq il-waiting list għall-operazzjoni tal-katarretti u 1,978-il persuna fuq il-waiting list għall-Arthroscopy tal-irkoppa. Minn eżerċizzju li sar f’Awwissu tal-2011, irriżulta li kien hemm 180-il persuna li kienet qeda fuq waiting list għal Laparoscopic Cholecystectomy fl-Isptar Mater Dei.