Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ dwar kont tal-ARMS Ltd

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, qatt ma kienet konnessa ma' dik il-cafeteria kummerċjalment la f’vesti ta’ sid, shareholder, direttur jew operatur? Minkejja li s-sinjur msemmi kemm-il darba ilmenta personalment dwar dan mal-ufficjali konċernati, talbuh biex jimla formola ta' reġistrazzjoni ta' bidla tal-konsumatur, meta hu qatt ma kellu x’jaqsam ma' dan il-post u minn fuq qalulu li kellu jħallas somma ta' €466 ukoll. Jista' jara li dan l-iżball amministrattiv jiġi rimedjat kemm jista' jkun malajr?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Għawdex — għajnuna lill-kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise matul l-2011 biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex fl-istess perjodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tathom l-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li ngħatat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum? Jista’ l-Ministru jagħti l-istess tagħrif dwar Malta ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-2011, il-Bord tal-Malta Enterprise approva tliet proġetti biex jitwaqqfu impriżi ġodda ġewwa Għawdex. Tnejn minn dawn il-kumpaniji huma Għawdxin u joperaw fis-settur tal-ikel, filwaqt li l-kumpanija l-oħra hija kumpanija barranija li topera fis-settur tal-manifattura. Bejniethom dawn il-kumpaniji ingħataw spazju industrijali minn fejn joperaw li jammonta għal ftit inqas minn 1,300 metru kwadru. Huma mistennija jinvestu total ta’ ftit anqas minn €290,000 - li minnhom ftit anqas minn €240,000 huma investiment barrani – u joħolqu 37 impjieg ġdid fi żmien tliet snin. It-tagħrif dwar Malta diġà ingħatat u għaldaqstant nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari 31094.

fondi bħala sussidju lill-industrijalisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti Għawdxin matul l-2011 biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż żejda li għandhom fuq trasport tal-baħar bejn Għawdex u Malta, eċċ? Kemm hu n-numru ta’ imprendituri li tħallsu? Għal liema snin kienu l-pagamenti? Kemm kien hemm talbiet pendenti fl-aħħar tal-2010 u tal-2011u kemm kienu jammontaw dawn it-talbiet? Għal liema snin huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-2011 il-Malta Enterprise ħallset €296,235.47 lil għaxar kumpaniji Għawdxin bħala għajnuna minħabba l-ispejjeż żejda biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex. L-ispejjeż kienu jkopru mill-2006 sal-2009. Fl-aħħar tal-2010 kien hemm 13-il applikazzjoni pendenti li bejniethom kienu qed jitolbu għajnuna li tammonta għal €291,572.75, liema spejjeż saru bejn l-2006 u l-2009. Fl-aħħar tal-2011 kien hemm 30 talba pendenti b’rabta ma’ spejjeż li saru bejn l-2007 u l-2010 u li kienu jammontaw għal €318,816.56. Ta’ min jgħid li l-parti l-kbira ta’ dawn it-talbiet jaslu għand il-Malta Enterprise lejn l-aħħar tas-sena wara li l-kumpaniji jkunu għamlu l-awditjar neċessarju. Fil-fatt, f’din l-ewwel parti tal-2012 tlesta l-ipproċċessar ta’ 15-il talba oħra li kienu pendenti fl-aħħar tas-sena u diġà tħallsu €194,741.90 f’inqas minn xahrejn.

informazzjoni dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31867 u jgħid kemm hemm familji Maltin li ilhom ma jirċievu kont actual tad-dawl u l-ilma minn Mejju ta’ sena ilu? Kemm hemm familji mqabbdin s’issa mal-ismart meters? Kemm minnhom qegħdin jinqraw miċ-ċentru tal-ARMS Ltd b’mod remot? Kemm għad baqa' biex il-proċess li bih il-meters kollha jinqraw b’dan il-mod jitlesta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Informazzjoni dwar il-Good Cause Funds

Question

Jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra fuq liema kriterji jintgħażlu dawk li jibbenefikaw mill-Good Causes Fund, f'liema prijorità jitqiesu dawn il-kriterji, min jiddeċiedi dwar min għandu jibbenifika jekk ikun hemm talbiet minn entitajiet differenti li għandhom l-istess bżonnijiet? Tingħata preferenza lil dawk l-entitajiet li qatt ma jkunu bbenefikaw sakemm it-talbiet tagħhom ikunu eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti? Liema huma dawk l-entitajiet li bbenifikaw sabiex jirrendu bini aċċessibbli għall-persuni b'diżabiltà f'dawn l-aħħar tliet snin? Liema huma dawk l-entitajiet li ġew rifjutati li jingħataw fondi biex jirrendu l-bini tagħhom aċċessibbli għall-persuni b'diżabiltà f'dawn l-aħħar tliet snin? Għaliex ġew rifjutati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interperllant li l-Fond tal-Lotteriji gћall-Kawżi Ġusti huwa regolat minn Sezzjoni 50 tal-Lotteries and Other Games Act (2001). Il-Fond huwa amministrat minn Kumitat maħtur skont din il-Ligi, liema Kumitat jevalwa l-applikazzjonijiet kollha. Priorità ewlenija tal-Kumitat hija li jżomm bilanċ bejn il-kategoriji differenti ta’ proġetti ta’ natura soċjali, filantropika, edukattiva, reliġjuża, kulturali u sportiva. Tingħata wkoll priorità lil progetti li jkollhom impatt akbar fuq il-komunità wiesa’. Ebda proġett ma’ jista’ jiġi megħjun aktar minn darba, għalkemm il-Kumitat għandu d-diskrezzjoni li jikkunsidra, skont id-disponibbiltà ta’ fondi u proġetti differenti minn għaqda li tkun diġà bbenefikat. Il-lista’ ta’ proġetti li jirrendu bini aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità li ġew approvati u rifjutati qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Is-sena li għaddiet, il-Fond alloka €505,875 għal proġetti soċjali.

kumpaniji li ngħataw xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista kollha ta' toroq u xogħlijiet oħra li ngħataw lil kumpaniji li isimhom qed jintbagħtu separatament mill-2003 sal-lum? Jista' jagħti l-valur li kien stmat li se jkun ix-xogħol u kemm fil-fatt tħallas finalment? F' kull każ, jista' l-Ministru jispeċifika jekk kenitx tender jew direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevol Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 32364,

apparat mediku li għandu l-VAT

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-apparat mediku li għandu l-VAT fuqu u b'kemm hija r-rata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-apparat mediku dejjem kellu rata ta’ 18% VAT fuqu ħlief l-apparat mediku għal użu esklussiv ta’ persuni b’disabilita’ li għandu rata mnaqqsa ta’ 5%.

informazzjoni dwar il-premises tal-ex Malta Shipbuilding

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31301, jista' l-Ministru jpoġġi r-rapport tal-perit li qal li l-baċir ma tiġrilux ħsara jekk idum mimli bl-ilma? Min hu dan il-perit? Dan il-perit kien xi darba involut f'iddisinjar u bini ta' xi baċir? Jaf il-Ministru li l-art tal-baċir diġà kienet bil-konkos u nfaqa' u qed jidher il-ħadid u jekk is-sitwazzjoni bid-deċiżjoni li ttieħdet hux se tkompli tiggrava l-ħsara? Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-vapuri li rabtu mal-mollijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6 u fil-baċir? Kemm ħallsu dawn il-vapuri għall-irmiġġ? Jista' jagħti informazzjoni dwar il-blat li jitqatta' minn hemmhekk? Għal liema proġetti se jintuża l-blat li tqatta'? Liema kumpanija privata għamlet u qed tagħmel dan ix-xogħol u x'makkinarju użat? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikati statutorji tal-krejnijiet li qed jintużaw? Min huma l-impjegati u x'pagi għandhom? Jista' jqiegħed il-balance sheet tal-aħħar sena finanzjarja tax-xogħol li sar?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ebda ħin ma ntqal li r-rapport tal-perit ta xi parir li l-baċir mhu ser jiġrilu l-ebda ħsara jekk jitħalla mimli bl-ilma. Ir-rapport tal-perit jgħid li jekk il-baċir jimtela’ bl-ilma il-parti li tkun taħt l-ilma, u għalhekk li ma tkunx qed tara arja, tibbenifika billi titnaqqsilha id-deterjorazzjoni li normalment tiġri meta l-konkos ikun kontinwament espost għall-ilma u l-arja, bħal meta l-baċir jimtela’ u jerġa’ jitbattal. Pero’ il-perit qal ukoll li dik il-parti li tissejjaħ il-waterline, se tkun qed tiddeterjora b’rata aktar mgħaġġla minħabba l-elementi tal-arja u l-ilma. Il-baċir jista’ wkoll ibagħti minn ingress ta’ ilma wara l-faċċati tiegħu (wara l-liner) minħabba danni fix-xquq ta’ bejn il-faċċati. Minkejja dan jidher li l-baċir kien diġa’ jbagħti minn ingress ta’ ilma minn wara l-istruttura tiegħu (li ġej b’mod kontinwu mill-blat) u għalhekk ċertu ħsara kienet diġa’ qegħda ssir anke’ waqt li kien qed jitħalla vojt. Mhuwiex minnu li l-art tal-bacir kellha xi hsara jew li xi parti minnha kellha l-ħadid jidher. Id-deċiżjoni li l-baċir għandu jimtela’ bl-ilma u jitħalla mimli għal żmien temporanju ittieħdet fuq bażi kummerċjali biex ikun jista’ jingħata servizz lil numru ta’ vapuri li jitolbu rmiġġ fis-sit tal-Ex Malta Shipbuilding. Permezz tal-baċir il-tul tal-mollijiet żdiet b’580 metru. Dan huwa ta’ benefiċċju kummerċjali u għalhekk huwa aħjar milli l-baċir kien jitħalla vojt u mingħajr użu ta’ xejn kif kien sa ftit żmien ilu. Illum jirmiġġaw tal-anqas żewg vapuri kbar fuq kull naħa tal-baċir u dan ifisser aktar dħul għall-kumpanija Governattiva, Ricasoli Tank Cleaning Ltd, li qegħda topera dan il-baċir flimkien ma’ numru ta’ mollijiet ohra fis-sit tal–Marsa. Kieku l-baċir tħalla vojt, xorta waħda riedet issirlu manutenzjoni wara xi snin minħabba l-element tax-xemx u l-ilma li kontinwament ġej minn ġol-blat. Minkejja li l-baċir jinsab mimli bl-ilma, xejn ma jwaqqaf milli l-baċir jerġa’ jitbattal mill-ilma u ssirlu spezzjoni kull tant żmien biex wieħed jara jekk saritx xi ħsara, u jekk ikun il-każ, kemm din hija serja u saħansittra ssir l-manutenzjoni neċessarja. L-informazzjoni mitluba rigward il-vapuri li rabtu mal-mollijiet li għalihom hi responsabbli l-kumpanija Ricasoli Tank Cleaning Ltd titqies ta’ natura kummerċjali u għall-benefiċċju tas-sidien ta’ dawn l-istess vapuri mhix se tingħata fuq bażi ndividwali iżda tista’ tingħata fuq bażi globali. Id-dħul mill-irmiġġ mal-mollijiet numru 3, 4 u 5 li ghalihom hija responsabbli din il-kumpanija, kif ukoll fil-baċir minn mindu dan imtela bl-ilma, jammonta għal €539,938. Il-mollijiet numru 1 u 2 huma responsabbilta’ ta’ Transport Malta, filwaqt li l-moll numru 6 huwa responsabbilta’ tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ta’ min jiċċara li ma tqatta’ u mhu qed jitqatta l-ebda blat mis-sit tal-Marsa. Il-proġett li għalih qed tirreferi l-mistoqsija parlamentari huwa dak tal-GHRC fejn qed jinġieb blat kbir biex jitqatta’ fil-sit tal-Marsa in konnessjoni mal-proġett ta’ bieb il-Belt. Il-kumpanija privata li qed tagħmel dan ix-xoghol hija subcontractor tal-GHRC, imqabbda mill-korporazzjoni biex tqatta’ dan il-blat permezz ta’ makkinarju li nġieb mill-istess kumpanija. Dettalji dwar il-proġett għandhom jintalbu mingħand il-korporazzjoni GHRC. Il-krejnijiet li qed jintużaw minn din il-kumpanija ġew ċertifikati minnha stess u għalhekk kopja taċ-ċertifikati għandha tintalab ukoll mingħand il-GHRC. L-istess jgħodd għal-lista tal-impjegati, il-pagi tagħhom kif ukoll il- balance sheet tax-xogħol li sar fuq dan il-proġett.

Għawdex — Dipartiment tal-Vat - kwestjoni dwar il-ħinijiet li l-uffiċċju jkun miftuħ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31726, jista' l-Ministru jgħid hux infurmat sewwa x’qiegħed jiġri peress li s-servizz provdut imsemmi mill-Ministru li qiegħed temporanjament jingħata minn skrivani tal-Inland Revenue f’Għawdex, kull meta l-iskrivana tal-VAT ma tkunx disponibbli mhux qed jingħata servizz tajjeb biżejjed għal diversi raġunijiet, fosthom għax il-bieb tad-Dipartiment tal-VAT ikun magħluq u t-telephone ma jirrispondih ħadd, kif ukoll minħabba li s-servizz temporarju provdut li jingħata mill-iskrivani tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'Għawdex mhux wieħed sħiħ u ekwivalenti għal dak li jingħata mill-iskrivana li taħdem mad-Dipartiment tal-VAT Ghawdex u anke minħabba li s-servizz li qed isir huwa biss ta’ timbru u xejn iktar għax min ikollu bżonn ta’ iktar minn timbru qed jintalab imur darb'oħra? Fiċ-ċirkostanzi jikkonsidra l-Ministru li sakemm timtela l-vakanza fl-uffiċċju tal-VAT f’Għawdex, jibgħat skrivan jew skrivana mid-Dipartiment tal-VAT ta' Malta misluf/a f’Għawdex, jew inkella l-iskravani fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ġewwa Għawdex li jipprovdu dan is-servizz temporarju għandhom jipprovdu dan is-servizz mill-uffiċċju tal-VAT u jagħmlu x-xogħol kollu li soltu jsir minn dan l-uffiċċju meta l-unika skrivana li taħdem bir-reduced hours ma tkunx tista' tattendi għax-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li b’mod immedjat d-Dipartiment tal-VAT inkariga spettur tal-VAT sabiex ikun jista’ jaqdi dmiru fl-uffiċju ta’ Għawdex fuq bażi part-time sabiex ikun jista’ jiġi ndirrizat dan in-nuqqas. Sadanittant, id-Dipartiment ser jibqa’ jagħmel l-almu tiegħu sabiex jara li l-vakanza li hemm timtela.

Air Malta — kera ta' kmamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-Air Malta qed tħallas kera għall-kmamar li jintużaw mil-loaders fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jista' jgħid għala ma jintużawx il-kmamar vojta fit-terminal l-antik?

Response (FENECH, TONIO)

L-Air Malta hija entita kummerċjali , u informazzjoni bħal din ma’ tigix ippublikata minħabba kunfidenzjalita.

rapport biex tittejjeb l-effiċjenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartimenti u l-entitajiet ippreżentawx ir-rapport mitlub sabiex tiġi mtejba l-effiċjenza bi 2% kif kien ġie espress mill-istess Ministru? Jekk iva, liema kienu dawn id-dipartimenti li għamlu dan? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

service charge għall-industrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-service charge għall-industrija daħlitx fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, kemm hija s-service charge u minn meta daħlet fis-seħħ? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-industrial estates li ġew milquta? Kif qed taħdem din il-proċedura u x’inhu r-rwol tal-Malta Enterprise fit-tħaddim tagħha? Jista’ jgħid ukoll jekk inħarġux xi tenders u jekk fl-affermattiv kemm kienu dawk li tefgħu t-tender? Min ingħata dan jew dawn il-kuntratti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Trabi li Twieldu lill-Ommijiet tas-sittax-il sena

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32244 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm twieldu tfal lill-ommijiet ta' sittax-il sena u taħt dik l-età fis-sena 2011? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin l-ommijiet f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel id-domanda tagħha lill-Ministru responsabli mis-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita.

Air Malta — airport charges

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hijiex tibbenefika minn xi roħs fl-airport charges imposti mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jekk iva, minn meta ġew ridotti l-airport charges u b'kemm?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Air Malta — external calls għal xi vacancies

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Air Malta ħarġet external calls għal xi vacancies partikolari? Jekk iva, jista' jgħid f'liema kategorija u x'inhi r-raġuni għaliex inħasset il-ħtieġa li tagħmel external call meta l-kumpanija tinsab f'proċess li bih qiegħda tnaqqas l-impjegati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — qtugħ ta' paga lill-ħadidema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-ħaddiema li jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-Marsa (Swan Laundry) inqatgħatilhom il-paga minkejja li kien hemm ħsara fil-punch clock?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta jkun hemm ħsara f’xi wieħed mill-palm readers tal-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma u allura l-ħaddiema kollha ta’ dik is-sezzjoni partikulari ma jkunux jistgħu jużaw il-plam reader ma jsir l-ebda qtugħ mill-paga rispettiva tal-ħaddiema konċernati.

Żieda għall-għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-formulazzjoni tal-RPI kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32169?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l--RPI ikejjel il-bidla relattiva fil-livell tal-prezzijiet imħallsa għal ‘basket’ speċifiku ta’ oġġetti u servizzi minn familja medja. Il-weight li jingħata għal kull oġġett jew servizz jiddependi mill-ammont relattif li familja medja tonfoq fuqu. Dawn l-istimi ta’ weights jiġu maħduma abażi tal-Household Budgetary Survey li sar mill-NSO matul 2008/09. L-istħarriġ ikopri 3,732 familja rappreżentattivi tal-pajjiż kollu. L-indiċi huwa miġbur permezz ta għażla wiesa u rappreżentattiva ta’ aktar minn 355 oġġett u servizzi li l-prezzijiet tagħhom huma migbura regolarment. Aktar minn 9,000 kwotazzjonijiet tal-prezz separati jintużaw kull xahar fil-kumpilazzjoni ta' dan l-indiċi. Il-weights għall-kategoriji ewlenin tal-infiq huma: Weighting Food 21.23 Beverages and Tobacco 6.09 Clothing and Footwear 7.41 Housing 7.61 Water, Electricity, Gas and Fuels 3.36 H/hold Equip. and House Maint. Cost 6.59 Transport and Communication 22.76 Personal Care and Health 8.57 Recreation and Culture 9.28 Other Goods and Services 7.1 All Items Retail Price Index 100 L-RPI huwa miġbur u ppubblikat mill-NSO wara li jkun rivedut mill- RPI Advisory Committee . Dan il-Bord kien stabbilit fl-1990 permezz tal- Income Policy Agreement u hu kompost mid-Direttur tal-Istatistika (ex-officio), żewġ membri maħtura mill-Gvern, żewġ membri maħtura mit- trade unions , u żewġ membri maħtura mill-organiżżazzjonijiet tan-negozju. Dan l-indiċi, kif ukoll il- weights għall-kategoriji ewlenin tal-infiq, huwa ppubblikat kull xahar permezz ta’ stqarrija mill-NSO, kif wkoll fil-gażżetta tal-gvern.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32251 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Skema relatata ma' maħfra ta' VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw għall-iskema ta' maħfra jew ammortizzar ta' multi, imgħaxijiet eċċ. relatati mal-VAT? Veru li din l-iskema se tiġi estiża?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-VAT ikun f’pożizzjoni li jagħti ċifra ta’ kemm persuni applikaw għal din l-iskema wara l-15 ta’ Marzu 2012 għaliex persuni eliġibbli għandhom sa dik il-ġurnata sabiex jagħmlu l-pagament dovut. M’hemmx ħsieb li din l-iskema tiġi estiża.

Pensjoni tas-servizz

Question

Tenut kont li l-Kummissjoni Ewropea sabet li l-liġi lokali li permezz tagħha l-Gvern inaqqas mill-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali (two-thirds pension) lil dawk il-pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-Servizz (service pension) tmur kontra l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u tenut kont li l-Gvern fil-budget tal-2007 kien diġà parzjalment ipprova jitratta din il-kwestjoni billi beda jinjora €465 mill-pensjoni tas-servizz meta jigi biex jikkalkula l-pensjoni tat-two-thirds, tenut kont li issa l-Kummissjoni Ewropea qalet lill-Gvern biex ibiddel il-liġi nostrana biex il-pensjonanti li jircievu l-pensjoni tas-servizz ma jkollhomx tnaqqis mill-pensjoni tat-two-thirds u fin-nuqqas jiġi intavolati proċeduri kontra Malta quddiem l-ECJ, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħmel kif ġie indikat lilu mill-Kummissjoni Ewropea jew inkella hux se jibqa' ma jbiddilx il-liġi nostrana u jiġġieled dik il-pozizzjoni quddiem l-ECJ? Għaliex? Kemm hemm service pensioners f'pajjizna? ,

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabli mill-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja.