Legislature:
Category:
Reset
Active:

nies li jirċievu l-pensjoni — Guaranteed National Minimum Pension

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġu implimentati Artikli 26 u 50A ta’ Kapitlu 318 fejn skont l-emendi ta’ Att nru. XIX tal-2006 huwa specifikat li titħallas il-Guaranteed National Minimum Pension lil dawk li twieldu wara l-31 ta’ Dicembru 1961 u li jircievu l-Pensjoni tal-Invalidità jew il-Pensjoni Minima Nazzjonali kif ukoll lir-romol tagħhom jekk ikun il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, qed isir ix-xogħol kollu preparatorju biex dawk il-pensjonanti li twieldu fl-ewwel ta’ Jannar 1962 jew wara u qed jirċievu pensjoni minima nazzjonali, jitħallsu r-rata rispettiva tal- Guaranteed National Minimum Pension. Dawn jinkludu pensjonanti li jirċievu pensjoni tal-invalidità, kif ukoll pensjonijiet tar-romol.

Skola Wistin Born — każ ta' vjolenza fuq l-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu proċedurali kemm amministrattivi kif ukoll ex officio bil-pulizija dwar il-każ ta' vjolenza mwettqa allegattament ġewwa l-Kullegg Sta Margerita Kalkara – Skola Wistin Born u dan fil-perjodu skolastiku 2009 – 2010, fejn il-ġenituri ta' studenti diġà għamlu rapporti uffiċjali dwar din il-vjolenza mwettqa fuq l-istudenti? Tista' l-Ministru tgħid ukoll jekk il-persuna involuta addirittura għadhiex tgħallem studenti f'xi skola oħra, u jekk hu l-każ, tara li l-persuna għandha tiġi mwaqqfa minnufih, tal-anqas sakemm ikun hemm dikjarazzjoni ċara kif jidher li din il-persuna verament wettqet din il-vjolenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sena skolastika 2009/2010 kien hemm allegazzjoni li saret kontra supply teacher fl-iskola msemmija. F’dan il-każ, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi mexa b’mod strett mal-proċeduri tad-Direttorat f’każijiet bħal dawn. Meta saret l-allegazzjoni il-kap tal-iskola infurmat mill-ewwel il-Prinċipal tal-Kulleġġ. Hu informa lid-Direttur Ġenerali tal-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Id-Direttur ħatret Bord ta’ investigazzjoni magħmul mill-Prinċipal tal-Kulleġġ u Service Manager mill-Aġenzija Appoġġ. Il-bord għamel l-istħarriġ tiegħu u sab li l-allegazzjonijiet ma kienux ippruvati. Iż-żewġ ġenituri konċernati għamlu rapport ukoll lill-pulizija dwar l-allegazzjoni. Id-Direttorat, il-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Kap tal-Iskola kollha kkollaboraw b’mod sħiħ u mill-ewwel mal-uffiċjali tal-Pulizija u għaddew l-informazzjoni u materjal kollu kif ukoll r-rapporti kollha li kellhom dwar il-każ lill-Pulizija. Id–Direttorat mhux infurmat fejn wasal il-każ ta’ stħarriġ tal-Pulizija. Peress li l-investigazzjoni nterna ma sabet l-ebda provi, l-persuna kkonċernata għadha fl-impjieg imma sservi fi skola oħra.

Wied il-Għajn — skola primarja - gate

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra li jogħla ċ-ċint tad-dawra tal-ground tal-iskola primarja ta' Wied il-Għajn u l-gate issir waħda apposta minħabba vandaliżmu li qed isir minn persuni ignoti li jaqbdu u jixxabtu minn barra għal ġol-ground?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ilment tal-Onor. Interpellant diġà qiegħed jiġi segwit.

Wied il-Għajn — skola primarja - ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jidħlu jaħdmu ħaddiema addizzjonali fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn biex jassiguraw standard aħjar ta' manutenzjoni u tindif fl-iskola? Kemm hu l-complement ta' ħaddiema manwali li hemm bżonn fl-iskola? Kemm hemm preżentament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-complement ta’ ħaddiema manwali fl-iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn għandu jkun ta’ tlett (3) full-time cleaners (General Hands) fuq tindif u tnejn (2) oħra fuq manutenzjoni. Fil-preżent hemm tlett (3) full-time General Hands fuq tindif u tnejn (2) oħra fuq manutenzjoni. It-talba mill-amministrazzjoni tal-iskola sabiex jintbagħat staff addizzjonali biex jagħmel xogħol ta’ tindif fl-iskola qed tigi kkunsidrata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.

Awtorità tad-Djar — danni fuq bini

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi se jittieħdu kontra l-iżviluppatur tal-fond, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li rreka u se jkompli jirreka danni f'bini li s-sid tiegħu huwa l-gvern jew l-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li madwar il-propjeta msemmija ma jirriżultax li hemm propjetà tal-Awtorità tad-Djar. Nitlob l-Onor. Interpellant jagħti d-dettalji tal-fond li hu maħsub li hu tal-gvern.

PBS — Chairman u Bord tad-Diretturi - remunerazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24188, tista' l-Ministru tagħti aktar dettalji dwar x'jikkonsisti x-xogħol ta' konsulenza li ġie deskritt bħala Radio Magic Consultant u Designer u li għalihom il-Public Broadcasting Services qed iħallas l-ammonti indikati mill-Ministru stess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Konsulent għal Magic Radio huwa ngaġġat sabiex jieħu ħsieb il- management tal-istazzjon f’dik li hija ‘playlist’ , u jorganizza skema ta’ clips ta’ kontinwita’ tal-istazzjon li jixxandru kuljum fuq l-istess stazzjon. Id-‘Designer’ appuntat mill-Kumpanija għandu l-inkargu li jagħti l-pariri artistiċi tiegħu fuq disinnji li l-kumpanija jkollha bżonn tħejji kemm fuq disinjar ta’ sets għall-programmi tagħha u ta’ avvenimenti fuq skala akbar, u kif ukoll il-branding tal-kumpanija.

akkomodazzjoni alternativa

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-mara, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatment, u li qed tfittex akkomodazzjoni alternattiva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna in kwestjoni, li fil-preżent għad m’għandiex applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva, ġiet mitluba, b’ittra datata 9 ta’ Frar, 2011, biex tirrikorri fit-taqsima tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar sabiex il-każ tagħha jiġi diskuss. Sa llum il-persuna naqset milli tagħmel dan.

Post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' sinjur, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għandu xi persuni b'diżabilità fil-flat u applika għal flat ieħor u qiegħed iħoss li saret inġustizzja miegħu? Jista' jiġi kkuntattjat u jiġi spjegat lilu l-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikant in kwestjoni applika għall-akkomodazzjoni alternattiva nhar it-23 ta’ Diċembru, 2010 u l-post indikat mill-applikant ġie allokat lill-terzi nhar is-16 ta’ Diċembru, 2010. Għaldaqstant ma saret l-ebda inġustizzja mal-persuna.

Mosta — Central Home - Qtugħ mill-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 24325 li saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilha u tara l-każ tal-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kienet tgħix is-Central Home il-Mosta fejn kienu jaqtgħulha mill-pensjoni u skont din is-Sinjura minkejja li ħarġet minn hemmhekk, xorta waħda baqgħu jaqtgħulha l-flus mill-pensjoni? Hi rrappurtat ħafna drabi lis-social service u qalulha li mexxew il-każ.

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.

Employment Aid programme

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22501, dwar l-iskema tal-Employment Aid Programme, tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-246 li kienu impjegati bejn 20 ta’ Frar u Diċembru 2009 f’Malta għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minn dawn qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom m’għadhomx jaħdmu llum? Kemm minn dawk li m’għadhomx jaħdmu llum qed jirreġistraw għax-xogħol? Tista' tgħid ukoll kemm mill-126 li kienu impjegati bejn l-20 ta’ Frar u Diċembru 2009 f’Għawdex għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minn dawn qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom m’għadhomx jaħdmu llum? Kemm minn dawk li m’għadhomx jaħdmu llum qed jirreġistraw għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn 246 persuna li kienu impjegati permezz tal-Employment Aid Programme bejn l- 20 ta’ Frar u Dicembru 2009 f’ Malta: · 179 għadhom jaħdmu mal-istess imgħallem · 56 qed jaħdmu imma ma’ imgħallem ieħor · 11 m’għadhomx jaħdmu Minn dawn il-11-il persuna, 9 qed jirreġistraw għax-xogħol. Minn 126 persuna li kienu impjegati permezz tal-Employment Aid Programme bejn l- 20 ta’ Frar u Diċembru 2009 f’Għawdex: · 70 għadhom jaħdmu mal-istess imgħallem · 39 qed jaħdmu imma ma’ imgħallem ieħor · 17 m’għadhomx jaħdmu Minn dawn is-17 il persuna, 3 qed jirreġistraw għax-xogħol.

residenti Għawdxin — benefiċċji kontributorji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’benefiċċji kontributorji tħallsu lir-residenti f’Għawdex kull sena mill-2003 sal-2010 skont it-tip ta’ pensjonijiet kif indikat b'mod separat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuna li neħħewlha l-għajnuna soċjali

Question

Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex is-Sinjura li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet imneħħija mill-għajnuna soċjali? Tista' tgħid jekk il-każ ġiex mistħarreġ u jekk il-persuna tistax terġa' tibda tieħu l-benefiċċju meta wieħed jara l-istat tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew xi persuna tal-fiduċja tagħha biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — konsulenzi

Question

Tista' l-Ministru tagħti breakdown ta' min kienu l-persuni/kumpaniji eċċ. li taw konsulenza lill-Ministeru, Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha matul l-2010? Kemm kienet is-somma li tħallset għal kull konsulenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta' fostering

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn familji li qed joffru s-servizz ta' fostering? Kemm tingħata għajnuna kull koppja għal dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent hemm 168 foster carers . Dawn jirċievu assistenza ta’ €70 fil-ġimgħa għal kull tifel/tifla li tkun fil-kura tagħhom. Barra minn hekk, il-foster carers jirċievu assistenza oħra minn fondi allokati mill-gvern bħala assistenza lill- foster carers li jieħdu ħsieb tfal bi ‘bżonnijiet speċjali’ . Fit-2010 ġew allokati €73,000 f’dan ir-rigward. L-Aġenzija APPOĠĠ tagħti wkoll assistenza oħra finanzjarja permezz tac- Children’s Fund għall-bżonnijiet tat-tfal fil- Fostering skond kriterji stabilitta. Tfal li huma taħt Ordni tal-Ħarsien jirċievu wkoll għajnuna finanzjarja għal xi ħtiġijiet speċjali li jista’ jkollhom. Minn barra għajnuna finanzjari l- foster carers jingħataw ukoll għajnuna soċjali, permezz ta’ training u support minn ħaddiema soċjali mill-Aġenzija APPOĠĠ. Kull foster carer għandha allokat social worker f’dawn ir-rigward, filwaqt li t-tfal ukoll jiġu offruti servizz ta social worker .

għaqdiet volontarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-għaqdiet volontarji li qed jaħdmu mal-gvern biex jipprovdu servizzi maqbula? Liema huma dawn is-servizzi? Kemm huwa l-kontribut tal-gvern għal dawn l-għaqdiet separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li waslitli mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Hekk kif tasal l-informazzjoni meħtieġa mill-Kunsill Malti għall-Isport inpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll.

Eżenzjoni — siġġu tar-roti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il familja matul is-sena 2011 ibbenefikat mill-eżenzjoni għax tuża siġġu tar-roti? Kemm kien l-ammont f'valur ta' flus? Tista' tagħti l-istess informazzjoni anke għas-sena 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is-sena s'issa ġew mgħejuna 15-il persuna biex jixtru siġġijiet tar-roti. L-ammont ta' flus huwa ta' €15,287. Fis-Sena 2010, ġew mgħejjuna 99 persuna biex jixtru siġġijiet tar-roti. L-ammont ta' flus huwa ta' €86,630.50

Aġenzija Appoġġ u Sedqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid: a) kemm jiswa kull perpetrator course li jingħata mill-Aġenzija Appoġġ; b) kemm jiswa kull kors li jingħata mill-Aġenzija Sedqa lill-persuni li għandhom problema ta' alkoħol; u ċ) kemm jiswa kull kors li jingħata lid-drogati mill-Aġenzija Sedqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull perpetrator course mill-Aġenzija Appoġġ jiswa €9,063.39 (program ta’ 22 ġimgħa). Kull kors li jingħata mill-Aġenzija Sedqa lill-persuni li għandhom problema ta' alcohol jiswa €138,286 (program ta’ sena) Kull kors li jingħata lill-persuni bi problema ta’droga mill-Aġenzija Sedqa jiswa €316,622 (program ta’ sena u sitt xhur) Dawn il-figuri jinkludu s-salarji tal-ħaddiema kif ukoll l-ispejjez rikorrenti tal-programm.

Djar residenzjali għall-persuni b'diżabilità — spezzjonijiet regolari

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jagħmilx spezzjonijiet regolari fid-djar residenzjali tal-persuni b'diżabilità u fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum tal-Persuni b'Diżabilità biex jiġi żgurat li s-servizzi mogħtija huma ta' kwalità tajba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru ma jagħmilx spezzjonijiet regolari fid-djar residenzjali tal-persuni b'diżabilità u fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum tal-Persuni b'Diżabilità.

Benefiċċji għan-nisa

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'benefiċċji jagħti l-gvern lin-nisa li b'għażla jibqgħu d-dar sabiex jieħdu ħsieb it-trobbija tat-tfal u l-famlija tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema preżenti ta’ benefiċċji soċjali ma tipprovdix benefiċċju lin-nisa li jagħżlu li jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb it-trobbija tat-tfal u l-familja tagħhom.