Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan –Villa Priuli – żieda ta’ iktar sulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi aċċettata applikazzjoni ġdida biex titlob li Villa Priuli, f’Triq Ġorġ Borg Olivier San Ġiljan ikollha iktar sulari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna tista’ tissottometti applikazzjoni għal żvilupp u din ma tiġix validata biss jekk ma jkollhiex l-informazzjoni kollha skont l-Avviż Legali 162 ta’ 2016, u ma jsirux l-ħlasijiet neċessarji. Dan bl-ebda mod ma jfisser li kull applikazzjoni validata ser jinħareg permess għal żvilupp fuqha. Biex l-Awtorità tasal għal deċizjoni u taċċetta żieda ta’ aktar sulari fuq din il-binja, jkun meħtieġ li applikazzjoni tali tkun evalwata abbażi tal-policies viġenti u skont il-Liġi. Għalhekk ikun prematur li tingħata risposta fis-sens ta’ “iva” jew “le” għal mistoqsija jekk jingħatax permess għal żieda ta’ aktar sulari fuq Villa Priuli. Wieħed irid japprezza li s-sit in kwistjoni huwa skedat bi grad 2 ta’ protezzjoni.

San Ġiljan– Villa Priuli applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk applikazzjoni ġdida tkun titlob change of use biss, x'inhi dik it-tip ta’ attività ekonomika li hija permessa bil-liġi u għar-regolamenti tal-Planning Authority għal Villa Priuli f’Triq Ġorġ Borg Olivier San Ġiljan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu ta’ l-art f’żoni urbani huwa primarjament regolat mill-Pjanijiet Lokali. F’dan il-każ partikulari iż-żona hija meqjusa bħalha waħda residenzjali fejn l-użi accettabli huma dawk li ma jkunux ta’ detriment għar-residenti fil-viċinanza. Il-lista ta’ użi aċċettabli hija indikata NHHO- 01 tan- North Harbours Local Plan (July 2006) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qorti tal-Appell – azzjoni fuq sentenza mogħtija – kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell nhar is-26 ta' Jannar 2018 fil-kawża fl-ismijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u li permezz tagħha ġie stabbilit li kmamar tan-nar m'għandhomx ikunu f'distanza anqas minn dik stabbilita mill-Ordinanza dwar l-Esplożivi (Kap. 33) tal-Liġijiet ta' Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat għal konsultazzjoni pubblika amenda għall-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp biex tindirizza s-sitwazzjoni li nħolqot fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell nhar is-26 ta' Jannar 2018. Dan il-proċess issa ġie konkluż u l-amenda ġiet approvata taħt l-Avviż Legali numru 152 tal-2018. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Parlament approva wkoll l-Att numru IX tal-2018 biex jindirizza aspett ieħor tal-istess deċizjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell.

Il-Mosta – Casa Arkati – bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir bus shelter qrib Casa Arkati fil-Mosta peress li diversi anzjani ma jistgħux jinżlu lejn darhom minħabba li l-bus shelter li hemm jinsab ‘il bogħod u f’telgħa li jaqta’ qalb l-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.

Il-Mosta — Vjal l-Indipendenza u Triq il-Kungress Ewkaristiku – twessigħ ta’ carriage way mar-roundabout

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 438, jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsir it-twessigħ ta’ carriage way madwar ir-roundabout f’tarf it-Triq il-Kungress Ewkaristiku u Vjal l-Indipendenza fil-Mosta sabiex it-traffiku jkun jista’ jimxi aħjar mar-roundabout?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid, u t-titjib fid-disinn, is-sigurtá u l-effiċjenza tar-roundabout indikata diġa ġie kkunsidrat u ppjanat peress li jifforma parti minn proġett aktar estensiv għall-bini mill-ġdid ta’ Vjal l-Indipendenza. Fil-fatt, l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li tinkludi l-bini mill-ġdid tal-biċċa l-kbira ta’ Vjal l-Indipendenza tlesta fil-ġimgħat li għaddew. Il-periti ta’ Transport Malta għaddejjin bit-tħejjijiet tal-fażijiet li jmiss, fosthom it-titjib tar-roundabout imsemmija, sabiex titwettaq fiż-żmien li ġej.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Siġġiewi – Pjazza San Ġwann – stallazzjoni ta’ waqfa ġdida

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra l-installazzjoni ta' waqfa ġdida fl-istess rotta bin-numru 62 fi Pjazza San Ġwann is-Siġġiewi sabiex tkun ta' servizz aħjar għar-residenti li joqogħodu fiż-żona hekk imsejħa Ta' Fonzu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Ċertifikati għar-rekwiżiti dwar il-bini għall-użu tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn iċ-ċertifikat għar-rekwiżiti dwar il-bini għall-użu tal-enerġija (EPC) qiegħed jintalab ukoll f'każijiet ta' kirjiet qosra (short-let), u mhux f'każijiet ta' bejgħ jew bini ġdid biss?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttiva Ewropea 2010/31/EU dwar ir-Rendiment tal-Enerġija fil-Bini ma tagħmilx distinzzjoni jekk post jinkeriex għal żmien qasir jew fit-tul, għaldaqstant jintalab iċ-Ċertifikat dwar ir-Rendiment tal-Enerġija dejjem.

Żona tat-Tunnara fil-Mellieħa – sajjieda — bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jserraħ ras is-sajjeda Mellieħin li kif ġara dejjem għal dawn l-aħħar 20 sena u aktar, dawn l-istess sajjieda se jitħallew iżommu l-bastimenti/dgħajjes tagħhom fiż-żona magħrufa tat-Tunnara fil-Mellieħa matul ix-xhur tax-xitwa liema żona kien sar investiment (wiċċ ġdid bit-tarmak, dawl ġdid u sinjali ġodda) fiha mill-kunsill lokali fl-2010 u li min dan l-investiment gawdew mhux biss is-sajjieda iżda dawk kollha li jagħmlu użu minnha s-sena kollha nkluż, kif kien sewwa u xieraq, il-pubbliku inġenerali?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru responsabbli mis-sajd.

Il-Mosta — Triq Patri Ġuże Delia - bini ta' ħajt

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2895, jista' l-Ministru jara li jinbena ħajt proviżorju minflok il-bollards tal-konkos li qed jieħdu mill-wasa' tat-triq u qed joħolqu inkonvenjent? Dan qed jingħad biex ma tibqax din id-dehra ta' xi proġett mibdi u mhux mitmum.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se terġa’ tiddiskuti s-sitwazzjoni mal-entità kkonċernata biex ikun jista’ jsir il-bini tal-ħajt kif mixtieq.

Il-Mosta — Crash Barriers fit-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija

Question

B'referenza għat-talba għal crash barriers mitluba fil-mistoqsija parlamentari 3660, jista' l-Ministru jieħu passi sabiex jara li jsiru l-crash barriers għaliex diġà kien hemm xi inċidenti fejn twaqqgħu xi ħitan fl-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Is-Siġġiewi – Triq Salvu Curso u Trejqet l-Anġli – ħajt ta’ lqugħ

Question

Jista' l-Ministru jara li jittella' ħajt bħala miżura ta' sigurtà biex iservi ta' lqugħ fil-kantuniera ta' bejn Triq Salvu Curso u Trejqet l-Anġli fis-Siġġiewi għaliex diġà seħħ inċident fejn waqgħet karozza ġo għalqa?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.

L-Imrieħel – Bypass – Pedestrian Footbridge – compliance certificate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġitx compliance certificate dwar il-pedestrian footbridge li jinsab fil-bypass tal-Imrieħel? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja tal-istess compliance certificate fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kienx hemm tali talba.

Awtorita għall-Ippjanar – Azzjonijiet fir-rigward taċ-Chairperson Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu jew diġà ħa huwa bħala Ministru u/jew beħsiebha tieħu jew diġà ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward taċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fid-dawl ta' dak li ddikjarat il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili f'sentenza li ngħatat nhar it-18 ta' April 2018 u ċjoè li ċ-Chairperson Eżekuttiv wera nuqqas ta' sensittività, naqas milli jaġġixxi u allegatament indaħal fl-infurzar, liema aġir skont l-istess Qorti jista' jammonta għal aġir ċensurabbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sentenza tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili li ngħatat nhar it-18 ta' April 2018, għar-rigward tac-Chairman Eżekuttiv, tirreferi għal ‘nuqqas apparetni’ u ‘allegat indħil’ u ma tasal għal ebda konferma ta’ dan. Il-minuti tal-laqghat tal-Kunsill Ezekuttiv li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra juru biċ-ċar li l-aġir tal-Awtorità f’dan il-każ kien intenzjonat li jneħħi il-periklu, hekk kif dikjarat min diversi Periti. Il-Ministru kkunsidra dan kif ukoll il-fatt illi l-proċeduri tal-Qorti għadhom għaddejjin fil-każ ta’ l-uffiċjal l-ieħor ta’ l’Awtorita’, msemmi fl-istess sentenza u għalhekk jikkonferma li fil-preżent ma hemmx lok ta’ l-ebda azzjoni.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — production costs għal TV advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed fit-tabella t’hawn taħt; Dipartiment / Entita' / Agenzija: Marzu 2013 - Diċembru 2013 Jannar - Diċembru 2014 Jannar - Diċembru 2015 Jannar - Diċembru 2016 Jannar - Diċembru 2017 Jannar - April 2018 MTIP NIL NIL NIL € 5,897.60 NIL NIL Transport Malta NIL NIL NIL € 12,920 € 16,090 NIL Planning Authority € 18,534.70 € 1,475 € 10,794.50 € 4,324.70 € 5,203.80 € 6,277.40 Lands Authority NIL € 36,040 NIL NIL € 1,500 € 6,500 Land Registry NIL NIL NIL NIL NIL NIL BICC NIL NIL NIL € 13,216 NIL NIL BRO NIL NIL NIL NIL € 6,513.60 NIL Property Malta NIL NIL NIL NIL NIL NIL

Servizz pubbliku – vetturi li jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi fis-servizz pubbliku li jaħdmu bl-elettriku? Jista’ jgħid x'inhu l-persentaġġ (%) ta' vetturi li jaħdmu bl-elettriku fis-settur pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għandha 13-il vettura tal-elettriku li tfisser 15% tal-flotta totali ta’ TM.

Proġett ta’ Smart Parking Technology

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-iSmart Parking Technology kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat illi f’Diċembru tas-sena li għaddiet Transport Malta implimentat proġett pilota għal sistema ta’ ġestjoni ta’ parkeġġi li tagħmel użu minn sensuri intelliġenti fi Triq San Bastjan, il-Belt Valletta. Dan il-proġett kien jinvolvi r-riżultati li ġejjin: 1. Provvista u installazzjoni ta’ 100 sensur fi Triq San Bastjan, Valletta; 2. Provvista u installazzjoni ta’ portal li juża t-teknoloġija biex jikkomunika mas-sensuri; 3. Provvista u installazzjoni ta’ management software; u 4. Applikazzjoni għat-telefons ċellulari. Ninsab infurmat ukoll illi wara t-tlestija ta’ dan il-proġett pilota, il-Kunsill Lokali tal-Belt qiegħed fi stadju avvanzat fl-evalwazzjoni ta’ offerta pubblika biex ikun implimentat proġett akbar ta’ dan it-tip ġewwa l-Belt stess.

Road Safety Council — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu fformat ir-Road Safety Council minn meta ġie mwaqqaf sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm-il darba ltaqa’ dan il-kunsill? X'xogħol għamel tul is-snin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Malta Road Safety Council ġie mwaqqaf f’Mejju 2015 u jinkludi rappreżentanti minn dawn l-entitajiet: - Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura - Transport Malta - Intelligent Transport Systems Malta - Protezzjoni Ċivili - Malta Insurance Association - Korp tal-Pulizija - Dipartiment tas-Saħħa - Dipartiment tal-Emergenza (Mater Dei) - Dipartiment tal-Edukazzjoni - Ghaqda taċ-Ċiklisti - Kummissarju għat-Tfal - Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali - Malta Motorsport Federation - Red Cross Malta - Driving Instructors Association - Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ - Għaqda Żwiemel u Kultura Dan il-Kunsill ġie mwaqqaf bil-għan li jlaqqa’ flimkien l-entitajiet u stakeholders oħra li huma b’xi mod involuti fil-qasam tat-trasport, sabiex jaħdmu għal aktar sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan il-Kunsill qed jaħdem bis-sħiħ sabiex ikun hawn nfurzar ikbar tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll jaħdem biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali għas-sigurta’ fit-toroq. Tul dan iz-zmien il-kunsill ħoloq kuxjenza nazzjonali fejn tidħol is-sigurta fit-toroq, dawn ġew attwatti minn kampaniji fuq meżżi tax-xandir u social media. Dawn kienu jikkonsistu mill-użu tal-mobile, rispett lejn ic-ciklisti, ħarsien lejn iż-żwiemel, tagħrif bażiku kif għandek tieħu ħsieb il-mutur u rispett fuq it-triq. Il-kampanja Eyes on the Road kompliet ukoll, waqt żjarat li jsiru fl-iskejjel primarji u sekondarji. Tajjeb li ngħidu li dawn ġew estiżi anki f ħdan il-Freshers Week ġewwa l-Universita u anki fis-Sixth Form f’Malta u Għawdex. Hemm attivitajiet oħra bħal Science in the City, Quality Malta, Careers & Reseach, Teens Science Kafe fost oħrajn. Wieħed irid ukoll jirrimarka li l-membri tal-istess kunsill kienu huma li proponew miżuri ġodda t’infurzar bħal żidiet fil-penali għall-użu tal-mobile u l-introduzzjoni tas-sistema tal-punti tas-sewqan. Il-kunsill jiltaqa b’mod regolari u tiżdied il-frekwenza meta xi attivita jew proposta tkun qed tiġi ppjanata w implimentata.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali – Coordination Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Coordination Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħu li fil-leġiżlatura li għaddiet kien immexxi mill-Ministru, għadux jiffunzjona jew le? Kemm-il laqgħa saret minn meta ġie ffurmat dan il-Unit, sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b'sena? Minn min hu ffurmat dan il-kumitat/bord? Min imexxi dan il-kumitat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Traffic Management Committee f’din il- leġislatura kiber u issa hu ffurmat min rappreżentanti ta’ TM, Pulizija, rappreżentant tal-Ministeru, MTA, AKL, GRTU, LESA u MDA li flimkien jiddiskutu talbiet sabiex kemm jista’ jkun jitaffa l-piż fuq it-traffiku waqt attivitajiet ta’ ċertu portata u tibdil/għeluq ta’ toroq skond proġetti li jaffettwaw l-andament tat- traffiku. Kull każ li jitressaq quddiem dan il-kumitat jiġu mistiednin jitkellmu il-partijiet kollha nvoluti flimkien mal-Kunsill u l-Pulizija tad-distrett jekk ikun il-każ. Kull min jitlob li jattendi għal xi każ partikolari għax iħoss li għandu jkun parti jiġi mistieden. Dan il-Kumitat jiltaqa’ kull tlett ġimgħat jew b’urġenza jekk ikun il-bżonn u ilu jagħmel hekk minn mindu ġie ffurmat. Dan huwa mmexxi minn Transport Malta.