Legislature:
Category:
Reset
Active:

Professjoni tal-hypnotherapy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-professjoni tal-hypnotherapy hijiex regolata f’Malta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex le, u xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jirregola din il-professjoni li titratta persuni vulnerabbli fi stat ta’ terapija fejn ikunu vulnerabbli ħafna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-hypnotherapy mhix regolata b’liġi adhoc f’pajjiżna. Madankollu hemm parir tekniku li din għandha tiġi studjata dwar jekk għandhiex tkun regolata taħt il-Psychotherapy Profession Act (Kapitlu 587) fejn diġà hemm referenza għal hypno-psychotherapy.

Kunsill Mediku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Mediku hux qiegħed jiffunzjona? Jekk le, jista’ jgħid kemm ilu ma jiffunzjona? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ilmenti pendenti u x’inhu jagħmel il-Gvern biex dan il-kunsill jibda jiffunzjona?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Mediku qiegħed jiffunzjona u jiltaqa’ regolarment kull ġimagħtejn. Infurmat ukoll li n-numru ta’ lmenti pendenti huwa ta’ 84.

GU Clinic — Stennija għal appuntamenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20433, fir-rigward ta’ persuni li qed jużaw is-servizz tal-GU Clinic, fejn ingħad li "Pazjenti oħra jingħataw follow-up appointments skont il-każ, ġeneralment bejn xahar u 6 xhur, dejjem skont il-parir tal-professjonisti.", jista’ l-Ministru jagħti xi eżempju fejn persuna tingħata appuntament sitt xhur wara?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li persuni li jingħataw appuntament għall-testijiet kull sitt xhur huma dawk li jiġu meqjusa li huma ta’ riskju sostanzjali. Il-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam jikkunsidraw f’din il-kategorija għal testijiet regolari dawk li huma: MSM (men who have sex with men); sex workers; persuni magħrufa li jabbużaw mid-droga; persuni b’diżabilità; persuni li diġà ġew ittestjati pożittivi għal STIs; persuni fuq PrEP u PEP; persuni li diġà għandhom HIV (PLWH) b’riskju għal STIs (sess mingħajr użu ta’ condom ma’ partners differenti); persuni li ġew ittestjati pożittivi għal syphilis indipendenti mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom; vittmi ta’ vjolenza, inklużi SGBV u vittmi ta’ traffikar uman; immigranti li ġejjin minn pajjiżi fejn hemm riskju għoli; eċċ.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Malta fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid ukoll: i. xi gradi huma dawn il-ħaddiema Għawdxin; ii. f’liema sezzjoni jaħdmu u fejn; iii. x’tip ta’ xogħol jagħmlu; u iv. kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Konsulenti — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta' konsulenti mill-Ministeru tiegħu, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x'inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta' konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll dawn il-konsulenti kif ingħataw dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta' direct order jew tender?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti fis-Segretarjat tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità attiva huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li b’kollox hemm 171 ħaddiem fuq bażi part-time fil-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva.

Rata ta’ obeżità

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ir-rata ta' obeżità li għandna f'pajjiżna, maqsuma f'kategoriji ta' tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani, b'referenza wkoll għall-ġeneru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kampanja 'Move to Improve'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ser tkun qed titħaddem il-kampanja li għadha kif ġiet imnedija 'Move to Improve' u x'ser ikun l-għan prinċipali ta' din il-kampanja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kampanja ‘Move to Improve’ għandha l-għan li tħeġġeġ lin-nies ta’ kull età madwar Malta u Għawdex biex jinkorporaw l-attività fiżika fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u jnaqqsu l-ħin sedentarju, billi jippromwovi stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom permezz ta’ eżerċizzji sempliċi u aċċessibbli li jeħtieġu tagħmir minimu. Il-kampanja għandha l-għan li tenfasizza li li tkun fiżikament attiv. Kwalunkwe persuna, kemm jekk tkun żgħira, anzjana jew li tbati minn xi kundizzjoni tista’ tinkludi attività fiżika regolari fil-ħajja tagħha ta’ kuljum, bħall-mixi lejn il-ħwienet, it-taraġ minflok il-lift jew eżerċizzji bil-qiegħda. Peress li din il-kampanja hija mfassla biex tkun inklussiva għal kulħadd minn kull qasam tal-ħajja, se tkun imxerrda informazzjoni u riżorsi biex in-nies jiġu murija l-ħiliet meħtieġa u linji gwida dwar l-eżerċizzju għal stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu u li kulħadd jista’ jwettaq, propju mill-kumdità ta’ darhom. Barra minn hekk, se nkunu qed nissieħbu wkoll ma’ organizzazzjonijiet ta’ avvenimenti lokali bħal walkathon biex nilħqu aħjar l-udjenza fil-mira tagħna. Nippjanaw li nkomplu nikkollaboraw ma’ entitajiet oħra, NGOs, Kunsilli Lokali, SPORTMALTA biex inkomplu nippromwovu l-attività fiżika. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi qed nippjanaw li nrawmu stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu u attiv fil-komunitajiet tagħna.

Pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26474, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika li tirrifletti kemm hawn pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete f'pajjiżna sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma f'Dijabete Tip 1 u Tip 2?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li skond l-aħħar statistika disponibbli, hawn 1,789 persuna Type 1 u 46,395 persuna Type 2.

Operazzjonijiet — Riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ftehim li jinsab għaddej biex ir-riżorsi (anke tal-privat) jiġu massimizzati, sabiex ikomplu jintlaħqu aktar miri ambizzjużi? Jista’ jgħid ukoll x'inhu l-investiment li ser ikun qed iwettaq il-Gvern u jagħti tbassir ta’ operazzjonijiet għas-snin li ġejjin f'dan is-settur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed ivara diversi proġetti ta’ outsourcing sabiex jiġu massimizzati ir-riżorsi, inkluż dawk fil-privat. Dawn il-proġetti ser iwasslu għal stennija iqsar għall-pazjenti biex jirċievu t-trattament neċessarju, filwaqt li numru akbar ta’ pazjenti ser jingħataw is-servizzi li għandhom bżonn. Huwa ukoll ippjanat li ser jitwettqu numru akbar ta’ operazzjonijiet.

Klinika tal-IVF

Question

Jista’ l Ministru jgħid jekk il-klinika tal-IVF hix qiegħda temporanjament sospiża biex isir upgrade fuqha? Jekk iva, meta se terġa’ tibda tagħti servizz kif kienet tagħti qabel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa il-Klinika ta’ ART f’Mater Dei qed isirilha l-validazzjoni neċessarju tal-equipment il-ġdid, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji mill-Awtorijtajiet Kompetenti u Regulatorji, SPH u EPA.

Servizzi tat-Telecare on the Move, Telecare, Home Help — Anzjani Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani llum li qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare on the Move, mis-servizz tat-Telecare u mis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) ġewwa Ghawdex? Jista' jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal kull wieħed minn dawn is-servizzi f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li hemm 401 Anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare ġewwa Għawdex, u hemm 18-il applikazzjoni pendenti għal-dan is-servizz li qed jistennew l-installazzjoni min-naħa tal-fornitur tas-servizz tat-Telecare. Dwar it-Telecare on the Move hemm 10 Anzjani li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz ġewwa Għawdex u hemm 3 applikazzjonijiet li qed jistennew l-installazzjoni min-naħa tal-fornitur tas-servizz tat-Telecare on the Move. Għar-rigward tas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) ġewwa Għawdex, irreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.