Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Triq Ġorġ Borg Olivier - Infurzar tar-regolamenti tat-traffiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2460, jista' l-Ministru jispjega jekk hux se ikun hemm preżenti uffiċjali ta' Transport Malta / LESA / pulizija immedjatament biex l-inkonvenjenti preżenti jiġu riżolti immedjatament minħabba li bħalissa dan mhux qed iseħħ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi min-naħa tal-pulizija ser tibqa’ ssir ir-ronda regolari biex dan l-abbuż u oħrajn jiġu skoraġġiti. L-istess irid jingħad għal uffiċjali tal-LESA li kontinwament jagħmlu rondi fl-istess triq, fejn ikunu preżenti f’diversi ħinijiet.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — infiq f’reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2762 u jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li bejn l-2017 sal-lum kien hemm ħlas ta’ €8008.66.

Għawdex — Kuntistabbli

Question

Issa li laħqu 56 kuntistabbli ġdid din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid hux se jintbagħtu xi kuntistabbli ġewwa Għawdex? Jekk iva, kemm ser jintbagħtu u meta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-aħħar xhur f’Għawdex kien hemm iż-żieda ta’ 12-il kuntistabbli u tliet surġenti li qabel kienu jaqdu dmirhom f’Malta u li dawn ma kinux mal-aħħar grupp ta’ kuntistabbli li ssieħbu fil-Korp. Mhijiex il-prassi li kuntistabbli ġodda jkunu stazzjonati mal-ewwel ġewwa Għawdex iżda din issir skont is-“seniority”.

Għawdex — spetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li jintbagħat Spettur ieħor ġewwa Għawdex, minħabba l-fatt li Għawdex huwa wieħed mill-ftit distretti b'żewġ spetturi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi t-tqassim ta’ membri fil-Korp isir skont il-bżonn u fl-aħjar interess kemm tal-Korp u tal-komunità inġenerali. Infurmat illi f’dan l-istadju għalkemm ma ntbagħtux Spetturi f’Għawdex, intbagħtu tliet Surġenti u kif ukoll 12-il kuntistabbli, anke għaliex illum f’Għawdex jiġi provdut is-servizz ta’ Community Policing.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-tweġiba għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant hija fin-negattiv.

Għawdex: Port tal-Imġarr – Rilokazzjoni għas-suldati tal-AFM tal-komponent marittimu u tal-EOD

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar fiex waslet ir-rilokazzjoni u meta se sseħħ din ir-rilokazzjoni għal post aħjar li minnu joperaw is-suldati tal-komponent marittimu u tal-EOD fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fil-Port tal-Imġarr, Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 2429, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-imsemmija taħdidiet saru u ġie possibbilment identifikat post alternattiv ta’ rilokazzjoni. Bħalissa qed isir studju dwar dan il-post.

Suwiċidji f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru stabbilit ta' suwiċidji li seħħew f'Malta u f’Għawdex fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), maqsuma sena b'sena? Kemm minn dawn seħħew f'Malta u kemm seħħew f’Għawdex f’kull sena? Jista' jgħid ukoll kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm ta’ nazzjonalità barranija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mill-1ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2022, il-pulizija rreġistrat mija u tlieta u erbgħin (143) każ ta’ suwċidju li sitta minnhom ġew reġistrati f’Għawdex. Minn dan it-total, disa’ u għoxrin (29) każ kienu ta’ vittmi ta’ nazzjonalità barranija. Dettalji oħra mitluba, jidhru fit-tabella riprodotta hawn taħt: Vittmi ta’ suwiċidju - 2017 sa Settembru 2022 Sena Nisa Irġiel Total Malta Għawdex Malta Għawdex 2017 4 1 20 0 25 2018 3 0 19 0 22 2019 2 0 19 0 21 2020 7 0 14 1 22 2021 9 0 24 1 34 2022 sa Settembru 3 0 13 3 19 Total 28 1 109 5 143

Pulizija – ilmenti li saru permezz ta’ telefonata

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2232, jista' l-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tinkludix ukoll ilmenti li jsiru permezz ta’ telefonata lill-għassa ta’ dik il-lokalità partikolari? Jekk din l-informazzjoni ma tinkludix dawn it-telefonati, x’azzjoni tittieħed mill-Pulizija wara li tirċievi dawn it-telefonati? Kemm kien hemm rapporti li saru permezz ta' telefonati u f'liema għases saru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi rapporti lill-pulizija jsiru b’diversi modi, u jinkludu dawk li jsiru fiżikment fl-għases, permezz ta’ e-mails u tas-sistema OPRES, b’ittri u kif ukoll dawk li jsiru permezz ta’ telefonati fl-għases ta’ kull lokalità. Kull rapport jiġi investigat irrispettivament mill-mod kif isir. Mill-klassifika fis-sistema tal-pulizija, mhux possibbli li elettronikament jiġu elenkati l-ammont tar-rapporti li saru permezz ta' telefonati u l-għases fejn saru, kif mitlub mill-Onor. Membru.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Pulizija — każi ta’ vjolenza domestika – standard operating procedure

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2472, jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ taħriġ jingħataw il-Pulizija tad-Distrett li jagħtu l-assistenza tagħhom f’każijiet ta’ urġenza relatati ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi t-taħriġ li jingħataw il-Pulizija tad-Distrett li jagħtu l-assistenza tagħhom f’każijiet ta’ urġenza ta’ vjolenza domestika, huwa intiż li jilħaq diversi skopi. Dan it-taħriġ isir minn persuni professjonali fil-qasam kemm fuq livell akkademiku kif ukoll dawk bi snin ta’ esperjenza jaħdmu ma’ vittmi ta’ dan ir-reat. Prinċipalment it-taħriġ huwa mmirat, biex meta din l-assistenza inizjali tkun meħtieġa, l-uffiċjali jkunu konxji u kapaċi li mill-ewwel jindirizzaw is-sigurtà, id-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittma fuq il-post tal-inċident. Dan isir billi jagħtu sostenn u servizzi oħra, u fl-istess ħin jaraw jekk ikunx hemm il-bżonn ta’ assistenza medika jew dik ta’ aġenziji oħra, lill-vittma u persuni oħra. L-għan aħħari tat-taħriġ huwa illi l-pulizija jkollhom l-għarfien u l-ħiliet neċessarji biex iwieġbu b’mod xieraq u effettiv, waqt u wara dawn il-każijiet, u biex jassistu fl-investigazzjonijiet relatati. Dan it-taħriġ isir f’sezzjonijiet diversi ta’ tagħlim fi klassi, speċifiku jew parti mill-in-service training, u kif spjegat anke permezz tal-linji gwida, li huma intiżi wkoll biex jagħtu direzzjoni u kemm jista’ jkun, evitati ostakli.

Rabat – Triq Gorg Borg Olivier – infurzar tar-regolamenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux qed isir infurzar tar-regolamenti tat-traffiku skont it-tabelli ‘Heavy Vehicles’ fi Triq Gorg Borg Olivier, ir-Rabat, u jekk hux ippjanat li jsir, u meta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-distrett u l-Pulizija tal-Komunità, kif ukoll Uffiċjali tal-Komunità (LESA), jinfurzaw kwalsiasi regolament tat-traffiku f’kull lokalità inklu¿ dawk fi Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat. L-Onorevoli Membru japprezza illi flimkien mas-senjalazzjoni sabiex ma jidħlux vetturi kbar, hemm miktub ukoll avviz li jgħid “Except to render a service and for route buses only”. Għalhekk ċertu vetturi kbar li jagħtu servizz ma jistgħux jiġu impeduti milli jidħlu temporanjament, sakemm dan is-servizz ikun pruvat u ġġustifikat. L-infurzar ser jitkompla.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – residenti nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nisa residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Minn dan l-ammont, jista’ jgħid kemm hemm nisa minnhom li għandhom tfal taħt is-16-il sena li huma taħt il-kustodja tagħhom? Minn din l-informazzjoni, jista’ jgħid ukoll kemm hu l-ammont tat-tfal?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sad-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija Parlamentari fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm 60 mara. Minn 60 mara, 26 huma ommijiet ta’ tfal minuri. 9 mis-26 omm għandhom il-kustodja ta’ uliedhom minuri. Infurmat li l-ammont ta’ tfal ta’ dawn id-9 ommijiet huwa ta’ 11.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – popolazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2506, jista’ l-Ministru jagħti n-numru sħiħ tal-popolazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jiġifieri kemm dawk li qegħdin jiskontaw sentenza u dawk li qegħdin taħt arrest preventiv?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-popolazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sa d-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari hi ta’ ħames mija u sittin priġunier (560).

Breathalyser tests

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-apparat li jintuża meta jsir breathalyser test huwiex kapaċi jiddetermina jekk il-persuna li tkun wettqet dak it-test hijiex taħt l-influwenza tad-droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-apparat li jintuża meta jsir breathalyser test, jiddetermina jekk il-persuna li wettqet dak it-test tkunx taħt l-influwenza tal-alkoħol u mhux droga.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – sejħa għal Assistance and Rescue Officers

Question

Wara li f’Jannar 2022 kienet ħarġet sejħa biex jiġu maħtura Assistance and Rescue Officers fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw nies u f’liema stasdju waslet din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kien hemm 547 applikazzjoni u li għaddej il-proċess dwar l-eliġibbiltà tal-applikanti.

Qrati tal-Ġustizzja — Imputati Liberati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2685 u li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il imputat ġie liberat mill-Qrati tal-Ġustizzja fl-aħħar sentejn minħabba problemi fin-notifika li jwasslu għall-preskrizzjoni tal-allegati reati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

AWAS — ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadhiex taħdem fl-AWAS? Kemm ilha taħdem hemm, x’inhu r-rwol tagħha u xi kwalifiki għandha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-persuna riferuta minnek hija impjegata tal-Engineering Resources Limited wara li ssieħbet f’entità oħra statali li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tagħha ġew trasferuti lil ERL, fl-2016. Wara ġiet assenjata mal-AWAS, bl-istess mod li ġew assenjati ħaddiema oħra mill-ERL ma’ diversi entitajiet statali. Għaldaqstant ma tgawdix mill-ftehim kollettiv tal-AWAS.

Army Compliants Committee Report — Rakkomandazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji speċifiċi dwar meta beħsiebu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet mogħtija lilu fl-Army Complaints Committee Report (2) sottomess lilu issa numru ta’ snin ilu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsewwi l-ħsara u l-inġustizzji ta' Gvern Nazzjonalista. Wara li l-ħaddiema kollha gawdew minn ftehim kollettiv li tejjeb ħafna il-kundizzjonijiet u d-drittjiet tas-suldati wara li tħallew b'paga sub-standard u friżata għal ħafna snin minn Gvern preċedenti, fiż-żmien li ġej ikun ukoll pubblikat ir-riżultati ta l-aħħar bord tal-inġustizzji.

Armata ta’ Malta — Bord tal-Inġustizzji – pubblikazzjoni tad-Deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' meta ser jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Inġustizzji fi ħdan l-Armata ta' Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari PQ 2936.