Legislature:
Category:
Reset
Active:

Interview għal kindergarten assistants — Riżlutati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se joħorġu r-riżultati ta’ dawk li f’Lulju li għadda għamlu l-interview għal Kindergarten Assistants u sal-lum għadhom bla risposta? Meta hemm il-ħsieb li dawn, jew uħud minnhom, jiddaħħlu jaħdmu? Kemm kienu dawk li għamlu l-interview u kemm huwa maħsub li jiġu magħżula għal Kinder 1 u Kinder 2?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Kindergarten Assistants kienet waħda tal-Public Service Commission. Kien hemm 566 applikazzjoni għall-KG 1 u 323 għall-KG 2. Ir-riżultati joħorġu meta jintemmu l-intervisti. L-intervisti għadhom ma tlestewx għax intalbet kjarifika mill-Public Service Commission. In-numri ta’ KG 1 u KG 2 li jistgħu jiġu impjegati ma jistgħux jaqbżu l-45 u l-50 rispettivament. Il-ħsieb hu li dawn jiġu impjegati immedjatament malli jitħabbar ir-riżultat mill-Public Service Commission.

Għajnuna finanzjarja għall-faċilitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar f'kemm il-każ u fejn ingħatat għajnuna finanzjarja biex faċilitajiet sportivi (grounds tal-football) ġew imtejba, u b'mod partikolari biex isiru uċuħ tat-turf madwar Malta? Kemm ingħataw għajnuna dawn l-għaqdiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dilettanti tal-karnival — Post alternattiv

Question

Wara li esponenti tal-Gvern kienu rrappurtati li taw garanzija lid-dilettanti tal-karnival li kienu jaħdmu fil-Forti Sant Iermu, li wara l-karnival ta' Frar li ġej, ser ikunu rilokati f'inħawi oħra, tista' l-Ministru tikkonferma din il-wegħda li saret lil dawn id-diletanti? Tista' tindika l-inħawi fejn il-gvern qed jaħseb li joffri lil dawn id-dilettanti biex ikomplu bid-delizzju tagħhom li jifforma parti integrali mill-kultura ta' pajjiżna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-ħaddiema tal-karrijiet tal-Karnival sa jkunu jistgħu iwettqu x-xogħol tagħhom fil-Forti Sant’Iermu sakemm il-Gvern isibilhom siti alternattivi u adegwati.

MCAST — Nuqqas ta' għalliema fl-Accounts Technique

Question

Peress li studenti fil-kors tad-Diploma fl-Accounts li qed jattendu l-MCAST għadhom sal-lum mingħajr għalliema fl-Accounts Technique [Unit 31 – AAT] minkejja d-diversi sejħiet li saru, tista’ l-Ministru tgħid għaliex għadu ma sarx l-appointment meħtieġ ħalli l-istudenti ma jibqgħux jitilfu l-lezzjonijiet? Tista’ tara li l-problema tiġi ndirizzata fl-iqsar żmien possibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li wara li l-MCAST ilu mis-sajf li għadda jipprova jimla l-post vakant ta’ għalliem/a fl-Accounting Working Skills (Unit 31), issa nstabet persuna addattata biex tgħallem dawn il-ħiliet u mill-ġimgħa li ġejja l-istudenti se jibda jkollhom lezzjonijiet f’dan is-suġġett.

Impjegati sponsorjati fid-dekasteru tal-edukazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew sponsorjati mpjegati taċ-ċivil u għalliema li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Liema kienu il-ħaddiema jew għalliema li kienu sponsorjati? F'liema qasam jew speċjalizzazzjoni ingħata l-isponsorship? Kemm sewa kull taħriġ jew sponsorship ieħor? Liema kienu l-entitajiet li pprovdew it-taħriġ? Kif ibbenefika minn dan it-taħriġ il-Ministeru, id-Direttorati tal-Edukazzjoni u dipartimenti jew sezzjonijiet oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħat f’seduta oħra.

Ċertifikati tal-First Aid mhux mgħotija

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex parteċipanti ta' kors tal-First Aid organizzat fl-2007(Ref 099/07) taħt l-awspiċi tar-Red Cross baqgħu ma ngħatawx ċertifikat? Għaliex ir-Red Cross ġiet mħallsa għal dan il-kors u korsijiet oħrajn meta dawk li attendew baqgħu bla ċertifikati minkejja diversi attentati biex isir dan? Tista' tgħid ukoll għaliex ma hemm ebda record ta' min attenda dawn il-korsijiet fid-Direttorati tal-Edukazzjoni li kienu sponsorjati mill-istess Direttorati jew Diviżjoni tal-Edukazzjoni? Min kien il-persuna jew persuni li kienu liaising mar-Red Cross? Għaliex dan jew dawn l-individwi qegħdin jaħarbu mir-responsabilità tagħhom li jaraw li dawn iċ-ċertifikati jiġu mwassla lil parteċipanti, mingħajr ħadd ma jżommhom responsabbli? Tista' tara jekk hemmx xi irregolaritajiet konnessi ma' dan il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-kors tal-First Aid li ġie organizzat fl-2007, kien organizzat mill-Health and Safety Unit u mmexxi mir-Red Cross Society. Ir-Red Cross Society ġiet imħallsa għal dan il-kors għax ġie mmexxi b’suċċess kif kien mitlub minnha. L-attendenza ġiet miżmuma f’kull sezzjoni, u kif inhi l-prattika nżammet mir-Red Cross Society biex huma jagħmlu l-paper work neċessarju. Meta dan ix-xogħol tlesta, ir-Red Cross bagħtet iċ-ċertifikati f’pakkett wieħed lill-Health and Safety Unit. Iċ-ċertifikati individwali imbagħad intbagħtu bil-posta lil kull għalliem indikat fuq iċ-ċertifikat. Din kienet il-prattika u hekk għadha sal-lum. L-Education Officer tal-Health and Safety kien qed jikkomunika mar-Red Cross. Ma jirriżultax li seta’ kien hemm xi irregolarita’ f’dan il-kors.

Ħaddiema jaħdmu reduced hours

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies bir-reduced hours fid-dekasteru tiegħek? F'liema sessjonijiet u dipartimenti qegħdin? Kemm ilhom bir-reduced hours wieħed b'wieħed? Kemm ġew iffrankati salarji mindu bdiet titħaddem din is-sistema sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Supply Teacjers

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi ħtiġijiet kien hemm għal supply teachers matul dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena u suġġett suġġett? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal supply teachers li ngħataw il-possibilità li jkunu supply teachers u f'liema suġġetti? Kemm hemm supply teachers f'Għawdex u f'Malta u f'liema skejjel qegħdin? Kemm kienet in-nefqa annwali fuq dawn is-supply teachers sena b'sena matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħat f’seduta oħra.

Public Accounts Committee — mismanagement ta' fondi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi każijiet mid-dekasteru tiegħek li tressqu jew ser jitressqu quddiem il Public Accounts Committee minħabba mismanagement ta' fondi pubbliċi? Jekk fil-pożittiv tista' tagħti lista ta' dawn il-każijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’inix infurmata li, mill-bidu ta’ din il-leġislatura ‘l hawn, tressqu jew ġejna nfurmati li ser jitressqu xi każijiet mid-dekasteru tiegħi quddiem il-Public Accounts Committee minħabba mismanagement ta’ fondi pubbliċi.

Direttorat tal-Edukazzjoni — refurbishment tal-foyer

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-foyer tad-Direttorat tal-Edukazzjoni sejjer jiġi refurbished kif ilu jiġi tant imwiegħed minn ċertu decision maker? X'qed iżomm milli l-affarijiet jipproċedu? Tista' tgħid ukoll x'hemm maħsub li jsir f'dan il-foyer? Kemm flus hemm allokati għal dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-refurbishment tal-foyer tad-Direttorat tal-Edukazzjoni qiegħed fil-lista ta’ prioritajiet tax-xogħol iżda għad m’hemmx data fissa ta’ meta se jibda dan ix-xogħol.

Ġgantija Għawdex — Rijabilitazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm fondi se jiġu allokati fl-2009 għar-restawr u r-rijabilitazzjoni tal-Ġgantija mill-Voti tal-Ministeru tagħha? Kemm mistennija tkun in-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet fl-2009? F’liema sena mistennija jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li Heritage Malta għandha għaddej proġett iffinanzjat mill-fondi reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea (ERDF), proġett li jinkudi €3.1miljun Ewro għall-Ġgantija. Dan il-proġett jinsab fil-fażi bikrija tiegħu u mistenni li jitlesta lejn il-bidu tal-2013. Il-proġett ikopri studji xjentifiċi u strutturali fuq it-Tempji, il-bini ta’ ċentru għall-viżitaturi, Mużew tal-Preistorja, kif ukoll tisbiħ ta’ l-inħawi ta’ madwar it-Tempji biex jittejjeb u jiġi mħares l-ambjent li jinsabu fih. Rigward xogħol kontinwu ta’ manutenzjoni u tisbiħ, li jinkludi restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, Heritage Malta għandha vvutati €8,000 għas-sena 2009. Xogħlijiet oħra marbuta mal-Ġgantija, bħal per eżempju, x-xiri u l-installazzjoni ta’ weather station , huma ffinanzjati minn sponsorship tal- Vodafone Malta Foundation .

Għalliema studenti fl-università

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' għalliema studenti f'kull suġġett, f'kull sena tal-kors għas-sekondarja li bħalissa qed jattendu l-kors tal-B. Educ, fl-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infermiera fl-iskejjel speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm infermiera f'kull skola speċjali u kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jattendu f'dawn l-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata hekk: Skejjel Speċjali Infermiera Studenti San Miguel 2 44 Wardija 1 51 Guardian Angel 1 83 Helen Keller 1 20

Guidance Teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm guidance teachers fl-iskejjel tal-istat? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? F'liema skejjel qegħdin dawn l-għalliema, skola skola? Kemm ilhom jagħtu snin ta' servizz kull wieħed u waħda minnhom? Xi kwalifiki għandhom kull għalliem jew għalliema minnhom? Kemm minnhom attendew korsijiet barra u fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra

Sezzjoni tat-trasport — rioganizzazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' riorganizzazzjoni qed tiġi kkunsidrata għas-sezzjoni tat-trasport? Liema sezzjonijiet tat-trasport ser ikunu kkunsidrati? Kemm fondi ser ikunu allokati għal din ir-riorganizzazzjoni? X'benefiċċji hu mistenni li joħroġ minn dan l-eżerċizzju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru kkummissjona rapport dwar is-Sezzjoni tat-Trasport. Kif jiġi ppreżentat dan ir-rapport, jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet.

Direttorarti tal-Edukazzjoni — Skejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn skejjel privati li għadhom il-permessi meħtieġa biex jiffunzjonaw bħala skejjel? Liema huma dawn l-iskejjel? X'għajnuna jestendu d-Direttorati tal-Edukazzjoni lil dawn l-iskejjel? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinfethu skejjel privati ġodda? F'liema inħawi ta' Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ skejjel indipendenti privati li għandhom il-permessi meħtieġa biex jiffunzjonaw bħala skejjel huwa ta’ 28. Il-lista ta’ l-Iskejjel qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — trips tat-trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet li għandhom kuntratt mad-Direttorati tal-Edukazzjoni biex jipprovdu trasport għat-tfal tal-iskola? Kemm saru trips minn kull entità matul dawn l-aħħar ħames snin xahar b'xahar, u liema kienu r-rotot? Xi ħlasijiet saru lil kull entità sena b'sena tali pprovdew dan is-servizz? X'tip ta' vetturi kienu użati biex jipprovdu dan it-trasport u kemm suppost li ġġor tfal kull vettura? Kemm sewwieqa ġew imwaqqfa mil-Awtorità dwar it-Trasport għal xi kontravenzjonijiet li kkommettew waqt li kienu qegħdin iġorru lit-tfal? Fuq xiex ġew imwaqqfa dawn is-sewwieqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-entitajiet li għandhom kuntratt mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi biex jipprovdu trasport għat-tfal tal-iskola huma: Unscheduled Bus Service (UBS) Public Transport Association (PTA) Co-op Services Ltd Paramont Garage Transport for Disabled Persons Peppin Garage Ltd MKM Garage Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ ħlasijiet li saru lill-entitajiet hawn fuq imsemmija talli pprovdew dan is-servizz u qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal- Kamra lista tan-numru ta’ vjaġġi u r-rotot li saru għat-trasport tat-tfal tal-iskola dawn l-aħħar ħames snin, xahar b’xahar u t-tip ta’ vetturi użati. Infurmata wkoll li l-M/B (Għaqda Mini Buses) użaw minibuses waqt li l-UBS (Unscheduled Bus Services) u l-PTA (Public Transport Association) użaw kemm minibuses kif ukoll xarabanks. Skond l-agreement il-minibuses jgħabbu sa 14-il student, waqt li x-xarabanks jgħabbu sa 36 student. Lifter jgħabbi sa 5 studenti fil-wheelchair u 3 escorts, waqt li cab jgħabbi sa 3 studenti. Id-Direttorat ma jkollux informazzjoni dwar in-numru ta’ sewwieqa li tkun waqfet l-Awtorita’ tat-Trasport.

Department for School Resource Management — Xogħlijiet ta' manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intervention forms intbgħatu lid-Department for School Resources Management li taħtu taqa' is-sezzjoni tat-technical services branch, matul din l-aħħar sena għax-xogħlijiet ta' manutenzjoni fl-iskejjel? Tista' tagħti breakdown ta' dawn it-talbiet, skola b'skola? Kemm minn dawn it-talbiet għad baqa' li ma ġewx sodisfatti u x'inhi r-raġuni f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li matul din l-aħħar sena d-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi tal-Iskejjel irċieva 995 Intervention Request Forms mitluba mis-sezzjoni tat-Technical Services Branch għal xogħolijiet ta’ manutenzjoni fl-iskejjel. Breakdown ta’ dawn it-talbiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ix-xogħolijiet li għad fadal biex jitlestew jew qegħdin in hand jew huma ta’ natura maġġura li jinħtieġu l-intervent tal-Foundation for Tomorrow’s Schools. Filwaqt li xi wħud minn dawn jistgħu jinħadmu, kif fil-fatt qed jiġri, uħud minnhomikun hemm bżonn li jitħallew għas-sajf anke biex l-inkonvenjent li joħolqu fl-iskola ma jaffettwax it-tagħlim.

Direttorati tal-Edukazzjoni għal adulti — suġġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm korsijiet ġew organizzati din is-sena mid-Direttorati tal-Edukazzjoni għal adulti? X'kienu s-suġġetti u f'liema ċentri qed jiġu mgħallma dawn is-suġġetti? X'inhi l-parteċipazzjoni għal kull suġġett, f'nisa u f'irġiel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ korsijiet li ġew organizzati din is-sena mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi huwa ta’ 450. Għal dawn il-korsijiet attendew 7,396 persuna li minnhom 5,207 kienu nisa’ u 2,189 kienu rġiel. Aktar informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.