Legislature:
Category:
Reset
Active:

Importazzjoni, manifattura u bejgħ ta’ Qamħ – miżuri ta’ għajnuna long-term

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern għal miżuri long-term li minnhom jibbenefikaw kumpaniji involuti fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ, minħabba l-inflazzjoni u ż-żieda fl-ispejjeż?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern għadu kif nieda Skema ta’ Sussidju Temporanja għal Stabilizzazzjoni tal-Prezzijiet (Miżura ta’ Emerġenza) sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel lokali u jimmitiga ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel li laqtet is-swieq dinjija tal-materja prima. Din l-Iskema tapplika għal importazzjoni ta’ ċereali u dqiq għall-konsum uman, u għal għalf għall-annimali għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem intiżi għas-suq lokali. Għaldaqstant, b’dan ser nassiguraw illi prodotti maħduma miċ-ċereali msemmija jibqgħu bi prezz stabbli fix-xhur li ġejjin u li Malta jkollha provvista suffiċċjenti. Il-Ministeru qed janalizza s-sitwazzjoni b’mod kontinwu sabiex ikun f’pożizzjoni li jwettaq il-miżuri neċessarji.

Ħal Għaxaq – persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1664, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti Ħal Għaxaq full-time u part-time tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – regolamenti u protokolli għal kunflitti ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-regolomenti u l-protokolli li l-Ministeru japplika sabiex persuni li jaħdmu direttament fil-Ministeru jiddikjaraw kunflitti ta’ interess li jista’ għandhom dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-istess Ministeru?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Manwal, li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ma hemm l-ebda CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li tiegħu jiena responabbli.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi u tas-Segretarju Parlamentari huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Furjana — King George V Recreational Grounds – sezzjoni dedikata għall-qtates

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1658, jista’ l-Ministru jieħu ħsieb li jintbagħtu uffiċjali mill-Animal Welfare biex jaraw il-post u jagħtu d-direzzjoni u provvedimenti opportuni?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1658, ngħarrfu mill-ġdid sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Żejtun – persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1663, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti ż-Żejtun full-time u part-time tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena bis-sess relattiv?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Esportazzjoni ta’ patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet esportata patata matul l-2022? Lejn liema pajjiżi fil-fatt intbagħtet din il-patata? (Għall-għan ta' din id-domanda, bejgħ ta' patata fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu wkoll inklużi).

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta illi l-esportaturi mhumiex fl-obbligu li jinnotifikaw lill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli b’tali esportazzjoni ta’ patata ġewwa l-konfini tal-Unjoni Ewropea. Ngħarrafha wkoll li sa issa ma kien hemm l-ebda notifiki ta’ esportazzjoni ta’ patata barra mill-konfini tal-Unjoni Ewropea.

Ta' Qali: Pitkalija — xogħol ta' tibdil strutturali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1687 u 1922 u jagħti tagħrif dwar meta mistenni jsir xogħol ta' tibdil strutturali fil-Pitkalija f'Ta’ Qali? Meta mistenni jitlesta dan ix-xogħol? Fiex jikkonsisti x-xogħol li għandu jsir?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif tal-Malta Food Agency beda xogħol ta’ titjib strutturali kif ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fiż-żoni tal-bejgħ u fid-depot tal-kaxxi. Ix-xogħol li sar jinkludi soqfa ġodda, tibdil fit-tqassim ta’ sheds, titjib f’uffiċini u faċilitajiet operattivi. It-titjib strutturali huwa proċess li mistenni jibqa’ għaddej skont kif tkun il-ħtieġa.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċertu żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma ntużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera, mill-2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Bagħal taż-żunżan (Hornet) — Ħidma u miżuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma qiegħda ssir u x'miżuri qegħdin jittieħdu dwar il-bagħal taż-żunżan (hornet) biex ma jkomplix jagħmel aktar ħsara u jkun ta' detriment għal saħħitna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura – ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-persentaġġ tal-ħaddiema fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura li ilhom jaħdmu f’dawn l-aħħar ħames snin f'dan id-Dipartiment? X'qed isir biex l-għarfien u l-esperjenza li tinkiseb mill-istess ħaddiema tibqa' miżmuma fid-Dipartiment, bil-għan li nibżgħu għar-riżorsi marittimi (ħut) li Malta mdawra bih?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali - persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittiijiet tal-Annimali jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mas-Segretarjat Parlamentari kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant illi hemm differenza bejn remote working u teleworking, nirreferih għat-tabella segwenti. Remote Working Teleworking Segretarjat Parlamentari 0 0 Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura 7 41 Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali 1 3

Strateġija għal Biedja Organika – art agrikola għal produzzjoni organika

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Onor. Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għat-Tfassil ta’ Strateġija għal Biedja Organika u speċifikament qal “… inżidu l-art u l-inċentivi għal art bi prodotti organiċi …”, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet (tomniet) l-art agrikola għall-produzzjoni organika sena b’sena mill-2015 sad-data tar-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kienu l-produtturi reġistrati f’dan is-settur partikolari (prodotti organiċi) fl-istess snin imsemmijja? Jekk hemm, kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn produtturi organiċi biex jiġu reġistrati f’dan is-settur? X’inċentivi jeżistu għall-produtturi organiċi biex jidħlu f’dan is-settur?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għaż-żewġ listi hekk kif ġej: · Lista A: Il-figuri li jirrappreżentaw (tomniet) ta’ art agrikola għall-produzzjoni organika sena b’sena mill-2015 sad-data tar-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari · Lista B: In-numru ta’ produtturi rreġistrati f’dan is-settur partikolari (prodotti organiċi) fl-istess snin imsemmijja Rigward applikazzjonijiet pendenti minn produtturi organiċi biex jiġu rreġistrati f’dan is-settur, bħalissa ma hemm l-ebda minn dawn. Bħala inċentivi li jeżistu għall-produtturi organiċi biex jidħlu f’dan is-settur, dawn jikkonsistu f’dawk ta’ għajnuna finanzjarja taħt il-programm ta’ żvilupp rurali fejn hemm rati fissi għal kull ettaru ta’ raba’ li huwa taħt il-proċess ta’ konverżjoni, u dawk li huma ċċertifikati bħala organiċi. Għal informazzjoni addizzjonali dwar dawn l-iskemi, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat. Lista A: Il-figuri li jirrappreżentaw (tomniet) ta’ art agrikola għall-produzzjoni organika sena b’sena mill-2015 sad-data tar-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari · 2015: 2.846 (f’konverżjoni) + 26.7796 (konverżjoni totali) = 29.6301 ettari (30 ettari) · 2016: 3.3458 (f’konverżjoni) + 21.0249 (konverżjoni totali) = 24.2725 ettari (24 ettari) · 2017: 3.6742(f’konverżjoni) + 37.367 (konverżjoni totali) = 41.0412 ettari (41 ettari) · 2018: 10.3044(f’konverżjoni) + 36.8994 (konverżjoni totali) = 47.2038 ettari (47 ettari) · 2019: 14.50 (f’konverżjoni) + 40.04 (konverżjoni totali) = 54.55 ettari (55 ettari) · 2020: 25.87 (f’konverżjoni) + 40.84 (konverżjoni totali) = 66.71 ettari (67 ettari) · 2021: il-figura eżatta għadha qed tiġi maħduma skont ir-rappurtaġġ meħtieġ taħt ir-regolamenti rispettivi tal-produzzjoni u l-ittikkjar tal-produzzjoni organika. Lista B: In-numru ta’ produtturi rreġistrati f’dan is-settur partikolari (prodotti organiċi) fl-istess snin imsemmijja · 2015: 11-il produttur · 2016: 14-il produttur · 2017: 13-il produttur · 2018: 19-il produttur · 2019: 24 produttur · 2020: 25 produttur · 2021: 25 produttur (din il-figura għadha qed tiġi ffinalizzata skont l-obbligi ta’ rappurtaġġ taħt ir-regolamenti rispettivi).

Fondi tal-Unjoni Ewropea – żvilupp agrikolu

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Onor. Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għall-pagamenti mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja għal żvilupp agrikolu, jista’ l-Ministru jagħti elenku tal-proġetti li rċevew fondi kemm diretti permezz tal-European Agricultural Guarantee Fund (EAGF) kif ukoll dawk taħt l-European Agricultural Guidance and Guarantee Fund (EAGGF) għas-snin tal-Programm (2014-2020), sena b’sena sad-data tar-risposta ta’ din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li l-European Agricultural Guidance and Guarantee Fund (EAGGF) m’għadux jitħaddem u floku daħal il-fond European Agricultural Guarantee Fund (EAGF), taħt dan tal-aħħar ma ġewx iffinanzjati proġetti imma pagamenti diretti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pagamenti diretti ffinanzjati taħt dan il-fond sena b’sena.

Pagamenti minħabba l-COVID-19

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Onor. Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għal pagamenti minħabba l-COVID-19, jista’ l-Ministru jgħid kif ġew imqassma dawn il-fondi u xi kriterji intużaw għas-snin 2020 u 2021 u kif ser taħdem l-iskema għas-sena 2022?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura nieda żewġ Skemi ta’ kumpens tal-COVID 19, waħda fl-2020 u l-oħra fl-2021. It-tqassim tal-fondi u l-kriterji li ntużaw sar kif jidher hawn taħt: Skema ta’ Kumpens tal-COVID-19 għas-sajjieda tat-Tonn li ġiet imnedija f’Awwissu 2020 (Referenza: SA.57984): L-għan ta’ din l-iskema kien li jiġi provdut sapport finanzjarju ekkwivalenti għal €2 għal kull Kg ta’ Tonn allokat fil-kwota tas-sena 2020, u b’hekk tikkompensa parti mit-telf tal-valur tat-Tonn sofrut minħabba l-pandemija COVID-19. Din l-iskema giet implimentata b’konformita mar-regoli tal-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (2020/C 91 I/01). 1. L-ammont ta’ Fondi li ntefqu għal din l-iskema: €704,361.00. 2. Ammont ta’ sajjieda li bbenefikaw minn din l-inizjattiva: 145. 3. Eliġibiltà: Sajjieda bil-bastimenti MFA u MFB li kellhom liċenzja u kwota allokata biex jistadu għat-Tonn fis-sena 2020. 4. Din l-iskema hija magħluqa u mhux ser jiġu pproċessati iktar pagamenti. Skema ta' għajnuna finanzjarja biex toffri assistenza lis-sajjieda minħabba l-impatt negattiv li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq il-ħidma u l-impenn tagħhom imnedija f’Novembru 2021 (Referenza: SA.100440): L-għan ta’ din l-iskema kien li tipprovdi appoġġ finanzjarju lis-sidien ta’ bastimenti tas-sajd li huma rreġistrati mad-Dipartment tas-Sajd u l-Akkwakultura, bħala MFA u MFB, sabiex jingħata kumpens għal ftit mit-tnaqqis fil-valur monetarju u d-domanda għall-ħut lokali u prodotti tas-sajd minħabba il-pandemija tal-COVID-19. Din l-iskema ta' għajnuna ġiet implimentata f'konformità mal-Qafas Temporanju għal Miżuri ta' Għajnuna mill-Istat biex tappoġġja l-ekonomija minħabba il-pandemija. F’Jannar 2022, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura estenda l-iskema għal dawk is-sidien ta’ bastimenti li ma kinux applikaw għall-ewwel sejħa ta’ applikazzjoniet li kienet maħruġa fl-2021. 1. L-ammont totali ta’ Fondi li ntefqu għal din l-iskema: €703,300.00 ( €687,800.00 fl-2021 u €15,500.00 fl-2022) . 2. Ammont ta’ sajjieda li bbenefikaw minn din l-inizjattiva: 554. Il-kriterji tal-għajnuna li ġiet mogħtija kienu skont il-formula li qed tiġi spjegata hawn taħt: Għajnuna Applikabbli = [Ammont ta’ ħut li nqabad fl-2020 f’termini ta’ KG x 0.98] – Għajnuna finanzjarja li ġiet mogħtija fl-2020 bħala parti mill-iskema ta’ kumpens tal-COVID-19 għas-sajjieda tat-Tonn. Kundizzjonijiet li ġew imposti: · MFA: L-għajnuna minima applikabbli hija dik ta' €700 jekk ir-riżultat tal-formula jiġi inqas; · MFB: L-għajnuna minima applikabbli hija dik ta' €350 jekk ir-riżultat tal-formula jiġi inqas; · Il-valur massimu tal-għajnuna eliġibbli huwa sa massimu ta’ €5,000 jekk ir-riżultat tal-formula huwa aktar (Applikabbli għall-MFA u MFB biss); · Iċ-ċifra ta’ għajnuna applikabbli ġiet arrotondata għal €50. Il-premium li ġie kkalkulat huwa bbażat fuq diversi fatturi, inkluż telf fuq id-dħul, għajnuna preċedenti li kienet ingħatat (i.e. Skema ta’ Kumpens tal-COVID-19 għas-sajjieda tat-Tonn), u l-kategorizzazzjoni tal-liċenzja tal-bastiment (MFA & MFB). Dan l-ammont ġie kkalkulat abbażi tad-dokumentazzjoni li d-Dipartiment għandu għas-sena 2020. F’każi fejn is-sid/sidien tal-bastiment/i inbidel f’din is-sena msemmija, l-eliġibiltà ġiet ikkunsidrata skont iż-żmien massimu li s-sajjied/a se jkun għamel. Barra minn hekk, is-somma ukoll ser tingħata fuq kif il-bastiment li kien irreġistrat fis-sena 2020. Din l-iskema hija magħluqa u mhux ser jiġu pproċessati aktar pagamenti.

Skema ta’ sussidju fuq majjal u tiġieġ għall-qatla — pagamenti

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Onor. Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għal pagamenti taħt skema mnedija f’Mejju 2021 li tagħti sussidju fuq majjal u tiġieġ għall-qatla, jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw u kif ġew imqassma dawn il-pagamenti minn Mejju 2021 sad-data tar-risposta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Skema ta’ Carbon Farming — pagamenti

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Onor. Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għal pagamenti taħt skema tal-Carbon Farming, jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet imnedija din l-iskema, xi kriterji intużaw u kif ġew imqassma dawn il-pagamenti minn meta tnediet l-iskema sad-data tar-risposta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Skema tar-restawr ta’ dgħajjes — pagamenti

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Onor. Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għal pagamenti taħt skema tar-restawr ta’ dgħajjes, jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet imnedija din l-iskema, xi kriterji ntużaw u kif ġew imqassma dawn il-pagamenti minn meta tnediet l-iskema sad-data tar-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema tar-restawr tad-dgħajjes ġiet imnedija għal erba’ snin konsekuttivi bejn l-2019 u l-2022. Il-kriterji li ntużaw biex is-sajjieda jibbenefikaw minn din l-iskema baqgħu l-istess tul l-erba’ snin konsekuttivi. Il-kriterji li ntużaw kienu dawn: · Id-dgħajjes eliġibbli huma dawk li għandhom liċenzja MFA (full time) jew MFB (part time). · Id-dgħajjes li huma magħmula mill-injam u li ġew kostruwiti f’Malta qabel l-2007. · Erba’ tipi ta’ bastimenti kienu eliġibbli taħt din l-iskema. Dawn huma: firilla, frejgatina, kajjik u luzzu. · L-infiq eliġibbli għal din l-iskema kien relatat ma’ spejjeż ta’ materjal bħal: żebgħa, antifouling, injam, plywood, kolla, epoxy, boltijiet, viti u affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mar-restawr tad-dgħajsa. · L-iskema pprovdiet għajnuna sa massimu ta’ €1,300 inkluż VAT għaldgħajjjes taħt is-sitt metri u massimu ta’ €2,700 inkluż VAT għaldgħajjes minn sitt metri ‘l fuq. · L-applikanti riedu jissottomettu rċevuti fiskali bid-dettalji ta’ xi ntefaq biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-iskema. Il-pagamenti ġew imqassma kif ġej: 2019 - Total ta’ 85 sajjied ibbenefikaw minn din l-iskema u ntefqu total ta’ €118,687.63. Taħt din l-iskema l-pagamenti tqassmu f’żewġ perjodi. L-ewwel pagament sar f’Lulju 2019 għall-irċevuti li ġew sottomessi f’Mejju 2019, filwaqt li kien hemm pagament ieħor f’Jannar 2020 għall-irċevuti li ġew sottomessi f’Novembru 2019. 2020 - L-iskema ġiet imnedija f’Marzu 2020. 80 sajjied ibbenefikaw minn din l-iskema u ntefqu total ta’ €102,895.61. Il-pagamenti kollha tqassmu fi Frar 2021 għall-irċevuti li ġew sottomessi f’Novembru ta’ l-istess sena. 2021 - L-iskema ġiet imnedija f’April 2021. 113-il sajjied ibbenefikaw minn din l-iskema u ntefqu total ta’ €162,078.31. Il-pagamenti kollha tqassmu fi Frar 2022 għall-irċevuti li ġew sottomessi f’Novembru 2021. 2022 - Din is-sena l-iskema ġiet imnedija f’Marzu 2022. Total ta’ 104 sajjieda applikaw biex jibbenefikaw mill-iskema. L-irċevuti ser jintlaqgħu mid-Diaprtiment tas-Sajd u l-Akkwakultura fix-xahar ta’ Novembru 2022 bil-pagamenti eliġibbli jiġu pproċessati fl-ewwel kwart tal-2023.

Animal welfare fund għal qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Animal Welfare Fund kellha tiffirma agreement fir-rigward tal-qtates f’April li għadda u dan għadu ma ġiex iffirmat? Meta hemm il-ħsieb li l-agreement ta’ dan il-‘fund’ jiġi ffirmat?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal liema agreement qiegħed jirreferi għalih.