Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18 - konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18 jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ebda entita’ fis-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18 ma tat xogħol legali jew talbet konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu tal-2013.

UNESCO – applikazzjoni għal wirt intanġibbli

Question

Peress li fil-bidu ta’ din is-sena, fil-leġiżlatura l-oħra, kien tħabbar li Malta kienet se tapplika mal-UNESCO biex ċertu oqsma li jagħtu identità lil pajjiżna għax huma wirt intanġibbli, jiġu rikonoxxuti b’dan il-prestiġju li wara kollox jiggarantixxu wkoll il-ħarsien tal-istess qasam kulturali u dan kollu twettaq eżerċizzju u tħejja rapport fis-snin ta’ qabel minn kumitat maħtur mill-istess Ministeru, u sar ukoll kuntant bl-għan li ssir l-applikazzjoni mal-istess organizzazzjoni tal-UNESCO, u peress li din tirrikjedi vot ta’ flus filwaqt li fil-vot tal-Budget ma hemmx line item dwar it-tnedija ta’ din l-applikazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux bil-ħsieb li japplika mal-UNESCO dwar dan il-wirt intanġibbli fis-sena 2018? Jekk se ssir l-applikazzjoni, minn fejn se jittieħed il-vot ta’ flus peress li ma hemmx line item? Kemm hi n-nefqa mistennija? Se tiġi mwettqa din il-wegħda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għaddej kuntatt bejn dan il-Ministeru mal-Capacity Building and Heritage Policies Unit, Intangible Culture Heritage Section tal-UNESCO sabiex jiġu Malta s-sena d-dieħla UNESCO Facilitators ħalli jsir Needs Assessment Report u b’hekk jingħata bidu għall-proċess sabiex diversi oqsma jiġu rikonoxxuti b’dan il-prestiġju u jiggarantixxu wkoll il-ħarsien tal-istess qasam kulturali. Meta jsir in-Needs Assessment Report, tiġi identifikata l-ispi¿a meħtieġa għas-snin li ġejjin u b’hekk tkun tista’ ssir it-talba formali lill-Ministeru tal-Finanzi.

Advisory Board tal-Fostering — inkjesta

Question

Wara li l-Ministru kien stqarr li l-inkjesta li kien sar referenza għaliha fil-mistoqsija parlamentari 1674 dwar l-Advisory Board tal-Fostering filfatt kienet tlestiet u li qiegħda fi stadju li jiġi kkompilat ir-rapport tal-istess inkjesta, jista’ l-Ministru jpoġġi dan l-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Imħallef li qed jikkonduċi l-inkjesta li x-xoghol fuq ir-rapport ghadu ghaddej.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm 14–il ħaddiem b'kuntratt definit ta' xogħol mal-Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali - kwazi kollha muzicisti mal-Orkestra Nazzjonali. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, jista’ jgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni li ġabu d-divorzju b’deċiżjoni tal-Qrati Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn meta daħal id-divorzju f’pajjiżna, kemm kienu l-persuni li ġabu d-divorzju b’deċiżjoni tal-Qrati Maltin, sena b’sena, f’Malta u f’Għawdex b’mod separat, sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Dawn huma t-talbiet għal divorzju milqugħa minn Ottubru 2011 sal-lum fil-Qrati Maltin: SenaTalba għal divorzju milqugħa Malta 2011(Minn Ottubru sa Diċembru)42 2012432 2013349 2014320 2015354 2016367 2017(sas-7 ta’ Novembru) 261 Total2125 SenaTalba għal divorzju milqugħa Għawdex 2011 (mill-1 ta’ Ottubru)2 201218 201311 20145 201522 2016 12 2017 (sas-6 ta’ Novembru)13 Total83

Avukat Ġenerali – rwol ta’ prosekutur ewlieni

Question

Peress li qegħdin isiru ħafna allegazzjonijiet fis-sens li f'Malta hawn kriżi istituzzjonali sistemika li ġejja mill-fatt li l-Avukat Ġenerali għandu rwol kemm ta’ prosekutur ewlieni kif ukoll rwol ta’ konsulent legali ewlieni tal-Gvern, jista' l-Ministru jiċċara jekk ir-rwol tal-Avukat Ġenerali bħala konsulent legali tal-Gvern ifissirx li huwa b'xi mod obbligat li jagħti pariri personali lill-Ministri jew lill-uffiċjali pubbliċi f'materja li tmiss kwistjonijiet personali jew il-liġi kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Avukat Ġenerali jagħti pariri lill-Gvern bħala istituzzjoni u ma għandu ebda rwol f’ kwistjonijiet ta’ natura personali ta' Ministri jew ta' impjegati oħra tal- Gvern. Dan tant hu hekk illi anke meta impjegat pubbliku jitressaq quddiem qorti krimnali minħabba xi ħaġa magħmula fil-kors tax-xogħol tiegħu huwa dejjem jigi dirett biex iqabbad avukat privat. F’każijiet hekk il-Gvern jidhol biss biex jiggarantixxi d-difiża tal-impjegat bi ħlas ta’ ammont ragjonevoli ta spejjez. Pero jekk il-akkuza tkun dwar nuqqas li ma jkollux x jaqsam mat-twettiq ta' dmirijiet pubbliċi l-Gvern ma jidħol xejn. Infakkar li l-Ufficju ta' l-Avukat Generali spiss jigi sottomess ghal skrutinju minn entitajiet internazzjonali bhall-GRECO u l-Kummissjoni Ewropea u qatt ma ġie senjalata din id-diffikulta' li qed titqanqal minn xi whud. Wara kollox huma diversi l-gurisdizzjonijiet u pajjizi bi storja ta' demokrazija u rule of law b'saħħithom ħafna li għandhom l-istess sistema bħal tagħna.

FIAU – rapport dwar allegat ta’ flus mgħoddija mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG lejn kumpanija f’Dubai

Question

Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “Exclusive: Proof of Kickbacks to Mizzi and Schembri from LNG tanker - FIAU” li deher f’The Malta Independent tad-29 ta’ Mejju 2017, fejn ġie allegat li għaddew flus mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG li jinsab Marsaxlokk lejn kumpanija li ġiet miftuħa apposta f’Dubai li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a), dejjem skont ir-rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), sabiex jgħaddu minnha flus intenzjonati biex jaslu għand il-kumpaniji fil-Panama li nfetħu mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c), jista’ l-Ministru jgħid dan ir-rapport tal-FIAU għaddhiex għand l-Avukat Ġenerali u f’dak il-każ, x’passi ttieħdu jew se jittieħdu mill-Avukat Ġenerali dwar dan il-każ?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli Membru huwa infurmat illi la jiena u lanqas il-kollega tieghi l-Ministru għall-Finanzi ma jkollna informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet individwali tal-FIAU kif fil-fatt lanqas ma jkollu din l-informazzjoni l-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU stess. L-FIAU tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha permezz tal-istaff tagħha li huwa mmexxi mid-Direttur tal-FIAU. Skond id-dispożizzjonijiet tal-Att kontra l-Money Laundering (Kap 373) jekk l-FIAU jidhrilha li mill-investigazzjoni tagħha jkun irriżulta suspett raġjonevoli li jkun sar ħasil ta’ flus jew iffinanzjar ta’ terroriżmu hija tgħaddi r-rapport tagħha lill-Pulizija u mhux lill-Avukat Ġenerali jew lill-Board tal-Gvernaturi. Kif intqal kemm-il darba u anke gie ribadit mill-President tal-Kamra tal-Avukati fi pronunzjamenti ricenti li ghamel lill-mezzi tax-Xandir, l-Avukat Generali ma ghandux poteri investigattivi. F’dan il-kuntest l-Onorevoli interpellant qiegħed jiġi riferut għall-artikoli 16 (1) (b), 31, 33, u 34 tal-Att Kontra l-Money Laundering.

Għawdex – Qrati tal-Ġustizzja – kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid preżentament kemm hu l-ammont ta' kawżi pendenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja f'Għawdex kemm dawk ta' Ġurisdizzjoni Superjuri, kif ukoll dawk tal-Familja, Ġurisdizzjoni Inferjuri, fil-qrati kollha ta' kompetenza kriminali, fit-tribunal tat-talbiet iż-żgħar eċċ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 97 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda persuna li l-kuntratt tagħha ġie maqlub minn wieħed definit għal ieħor indefinit fi zmien indikat. L-istess ma kienx hemm individwi li minn partajmers saru fultajmers fil-perjodu inkwistjoni.

Traskrizzjoni ta’ xhieda fil-Qorti tal-Maġistrati — dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn traskrizzjoni ta' xhieda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) qed idumu ħafna biex isiru, ġieli anke xahrejn jew tlieta, bil-konsegwenti dewmien ta’ kawżi kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li issir distinzjoni bejn it-traskrizzjonijiet, hemm dawk li jitqiesu bħala urġenti minħabba li jkunu kumpilazzjonijiet bir-rinviju u għalhekk it-traskrizzjoni tkun trid issir kemm jista’ jkun malajr sabiex l-atti jintbagħtu għand l-Avukat Ġenerali fi żmien tlett ijiem mid-data tas-seduta. It-traskrizzjonijiet ta’ kawżi oħra jsiru b’inqas urġenza pero` it-traskrittur ikollu d-data tad-differiment sabiex dawn ikunu lesti qabel din id-data. Kien hemm xi stanzi rari fis-seduti tad-distrett fejn kien hemm xi dewmien minħabba r-raġunijiet imsemmija aktar il fuq. Biex dan id-dewmien ma jerġax iseħħ, ittieħdu l-passi u ħarġet memo biex aktar staff jagħmlu traskrizzjonijiet. Għalhekk illum hemm iktar traskritturi sabiex ma jkunx hemm pressjoni ta’ xogħol fuq it-traskritturi.

LESA – impieg lill-ex Spettur tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk (u jekk iva, jagħti d-dettalji) l-ex-Spettur tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux xi tip ta’ impieg jew hux jagħti xi servizz lil-Local Enforcement System Agency (LESA) peress li qed ikun diversi drabi u għal diversi sigħat fl-uffiċini tal-LESA?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l- Ex Spettur tal-Pulizija imsemmi ma għandu l- ebda tip ta’impjieg mal - LESA u ma jagħti l –ebda servizz lill –Aġenzija LESA. Ninsab infurmat ukoll lill-Onor. Interpellant illi l-Ex Spettur tal- Pulizija imsemmi ma jiffrekwentax il-bini jew l-Uffiċċini tal- LESA .

Industriji kreattivi — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu megħjuna l-hekk imsejħa industriji kreattivi bil-għan li jkun hemm aktar investiment f’dan is-settur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-industriji Kulturali u Kreattivi f’Malta, li jinkludu l-wirt kulturali, l-arti, il-media u s-servizzi kreattivi bħad-disinn, jikontribwixxu għal 7% tal-valur miżjud (GVA) maħluq mill-ekonomija Maltija, jagħtu imjieg lil 13,982 persuna u għandhom 3500 intrapriża joperaw fihom. Fl-2015 dawn l-industriji kienu jammontaw ukoll għal 6% tal-impjiegi f’Malta u ħolqu 2,800 impjieg ġdid bejn l-2010 u l-2015 bi tkabbir annwali medju ta' 5%. Il-valur miżjud gross totali għal kull persuna impjegata fil-industriji kulturali u kreattivi huwa stmat għal € 37,900 li bħalissa huwa ogħla minn dak li huwa ġġenerat bħala medja fil-manifattura (€ 32,100) jew servizzi (€34,100). Il-Kunsill Malti għall-Arti, permezz tal-uffiċju konġunt li għandu mal-Malta Enterprise joffri l-għajnuna meħtieġa lill-intrapriżi kulturali. Dawn jinkludu informazzjoni fuq inċentivi fiskali u finanzjarji kif ukoll żviluppa programm bl-isem ta’Creative Industries Platform li jappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta' clusters għal għadd ta' oqsma speċjalizzati fl-Industriji Kreattivi u Kulturali. Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi, b’investiment ta’ €700,000 ġiet imfassla biex tiffaċilita l-ħolqien u l-appoġġ ta' pjattaformi li għandhom jipprovdu servizzi mmirati biex jaċċelleraw it-tkabbir tas-settur b'mod sostenibbli u jgħinu lil professjonisti tal-kreattività jtejbu l-prodott tagħhom u jmorru fis-suq bl-ideat kreattivi tagħhom. Il-benefiċjarji tal-programm ser ikunu jistgħu jipprovdu s-setturi speċjalizzati b'għadd ta' servizzi li jvarjaw minn aċċess għal mentoring professjonali, netwerking u opprtunitajiet ta' parteċipazzjoni internazzjonali. Ser ikunu jistgħu joffru spazji komuni tax-xogħol u jagħtu appoġġ għall-iżvilupp tal-esportazzjoni.

Tribunal tad-Drogi – multi miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi li nġabru mit-Tribunal tad-Drogi? Kemm minn dawn il-multi li weħlu l-vittmi marru għand organizzazzjonijiet li jgħinu lill-istess vittmi? Jista’ jidentifika eżatt liema huma dawn l-organizzazzjonijiet li rċevew l-għajnuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infumart li s’issa kien hemm 1,162 kontravvenzjoniji mħallsa li jammontaw għal €76,052.90. Minn dan l-ammont, total ta €45, 000 marru għand organizzazzjonijiet li jgħinu lill-istess vittmi. L-organizzazzjonijiet li rċevew din l-għajnuna kienu: Organizzazzjoni Ammont Sedqa €15,000 Caritas €15,000 Oasi €15,000

Rilokazzjoni tal-Librerija u ċentru ta’ taħriġ fil-Qorti ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie investit fir-rilokazzjoni tal-librerija u ċ-ċentru ta’ taħriġ fil-Qorti ta’ Malta? Jista’ jgħid x’kienu l-benefiċċji ta’ din ir-rilokazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Librerija u Sala ta’ Taħriġ ġodda li tlestew f’Ġunju li għadda ġew jiswew €134,900. It-Sala ta’ Taħriġ il-ġdida hi attrezzata b’apparat ta’ Video Conferencing u Overhead Projector. Biex inbnew dawn il-faċilitajiet ġodda kienidentifkat spazju fl-arkivju taċ-Ċivil fis-sular -1. Kien meħtieġ għalhekk li din il-parti mill-Arkivju Ċivili jitbattal mill-volumi u proċessi. Għaldaqstant ġew mitluba l-permessi neċessarji mill-MEPA u l-Government Property Division sabiex garage kbir fi Crown Works Ditch Floriana jiġi refurbished u jkun trasformat f’Arkivju kbir ta madwar 300 metru kwadru għal spiża ta €106,100. Dan l-arkivju ġie attrezzat b’2,000 metru ta’ xkaffar. Fl-ispazju li tħalla battal fit-tielet sular fejn kien hemm Il-Librerija u Sala ta’ Taħriġ, qed jinbenew żewġ Awli. L-ispiża sabiex isiru dawn iż-żewġ Awli hi mistennijja li tkun ta’ madwar €166,900. Ta’ min iżid ukoll li f’Marzu ta din is-sena żżanżnet Awla ġdida fit-tieni sular li nbniet flok l-ex Uffiċċju tal-Prim Imħallef. Din l-Awla swiet €95,000. Biż-żieda ta’ dawn it-tlett Awli l-ġodda ser ikun qed jiġi assigurat li ma jkunx hemm ħtiega li s-seduti jigu differiti minħabba li ma jkunx hemm Awli disponibbli fejn isiru seduti.

Dipartiment tal-Gvern Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk id-Dipartiment tal-Gvern Lokali għadux jopera kif kien sal-aħħar leġiżlatura u/jew kienx hemm xi tibdil, anke amministrattiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħala parti mir-Riforma fil-qasam tal-Gvern Lokali, sar ukoll ristrutturar ta’ dak li kien id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan billi fil-bidu tal-2017 twaqqfet id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali mmexxija minn Direttur Ġenerali. F’din l-istruttura l-ġdida. id-Dipartiment għall-Gvern Lokali sar id-Dipartiment għall-Gvern Lokali Monitoraġġ u Sapport. Dan id-dipartiment issa ser ikun responsabbli esklussivament mir-responsabbilitajiet li jinsabu fl-Att dwar Kunsilli Lokali, u b’mod partikolari dan ser ikollu r-rwol ta’ monitoraġġ u sapport għall-operat tal-awtoritajiet lokali kollha (Reġjuni, Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi). Id-Diviżjoni issa ser ikollha wkoll direttorat ġdid jismu d-Direttorat għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni tal-Programmi. Dan id-direttorat ser ikun qed jassisti fl-istrateġija u policies ġodda, l-implimentazzjoni tal-istess strateġiji u policies, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ skemi finanzjarji għall-kunsilli lokali, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Fl-uffiċċju tad-Direttur Ġenerali, li hu responsabbli miż-żewġ direttorati, twaqqfu wkoll it-Taqsimiet tal-ICT, it-Taqsima Legali, u t-Taqsima dwar l-Unjoni Ewropea u Affarijiet Internazzjonali. Bir-riorganizzazzjoni li rat it-twaqqif tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, għalhekk, qed jissaħħu l-istrutturi kemm tal-monitoraġġ tal-operat tal-kunsilli lokali, kif ukoll dawk li jappoġġjaw u jassistu lill-istess awtoritajiet lokali sabiex fl-operat tagħhom ikunu aktar effettivi u effiċjenti. It-twaqqif tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali hi għaldaqstant ħolqa oħra mir-Riforma tal-Gvern Lokali li, wara perjodu ta’ 25 sena, kien jeħtieġ li tkun riformata għall-benefiċċju taċ-ċittadini u wkoll sabiex ikun hemm monitoraġġ siewi fl-interess tal-Gvernanza tajba.

Proċess għat-twettiq tal-miżuri tal-Manifest Elettorali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bediex il-proċess biex jibdew jitwettqu xi miżuri mill-manifest elettorali għal din il-leġiżlatura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali b’kollox għandu 67 miżura mill-manifest li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Sar eżerċizzju biex jiġu stabbiliti l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru li ser iwettqu dawn il-miżuri u kull entita’ ġiet assenjata bil-miżuri li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha. Il-maġġoranza tal-entitajiet lestew pjan għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri liem pjan jinkludi fih it-tul taż-żmien biex jiġu mplimentati l-miżuri kif ukoll il-finanzjament mistenni biex jitwettqu dawn il-miżuri. Hemm miżuri li fuqhom għadhom għaddejjien diskussjonijiet, fosthom xogħol li ser ikompli ma xogħol kollhu li diġa għamilna bħal proġetti ta’ restawr ta’ diversi postijiet storiċi li uħud minnhom huma fuq skala kbira u li biex jitwettqu hemm bżonn ħafna riżorsi. Barra minn hekk hemm miżuri li ser ikunu qed jitwettwu b’konsultazzjoni ma’ ministeri oħra. Fost dawn il-miżuri hemm dawk li jirrekjedu qafas legali bħat-Twaqqif tal-Qorti Marittima, jiħraxu l-pieni għall-pedofelija u sabiex it-tfal jingħataw aċċess awtomatiku għall-avukat tat-tfal f’kawżi ċivili. Hemm ukoll miżuri li diġa beda t-twettiq tal-implimentazzjoni tagħhom fosthom il-miżura li titlob Skrutinju Parlamentari għall-karigi ewlenin fejn l-abbozz biex jiġi emendat l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika ġie mressaq għall-Ewwel Qari f’Lulju u t-Tieni Qari tal-Abbozz qiegħed jiġi diskuss.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament ingħata 41 direct order fiż-żmien indikat.

Kapitolu 291 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna – talbiet ta’ petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tressqu talbiet ta’ petizzjonijiet taħt is-sistema kif inhi stabbilita fil-Kapitolu 291 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna tul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2017? Kemm minnhom daħlu direttament u elettronikament? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li b’kollox daħlu 28,557 petizzjoni. Is-segwenti tabella turi informazzjoni iktar dettaljata. Decision OnlineManualTotal Accepted by BOP8,791 1,199 9,990 Accepted Partially by BOP238 171 409 Refused by BOP6,215 3,396 9,611 Not Taken Cognisance Of 1,251 185 1,436 Pending Decision1,544 5,567 7,111 Total Registered18,039 10,518 28,557

Ħal Tarxien – Bust tal-Pulizija Mark Farrugia

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-bust tal-mibki pulizija Mark Farrugia f’Ħal Tarxien għadu ma tqiegħedx lura f’postu u dan minkejja li għadda sew żmien biex dan jsir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-bust tal-mibki pulizija Mark Farrugia għadu kemm ittieħed għar-restawr. Hekk kif jitlesta r-restawr fuqu, dan ser jitqiegħed f’postu.