Legislature:
Category:
Reset
Active:

Master Plan tar-Ramla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan tar-Ramla u jgħid ukoll meta nbeda (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż? Jista’ jgħid ukoll fil-konkret x'sar matul is-sena 2023 rigward dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul din is-sena, għal xiex intefqu u kemm intefqu flus b'kollox fuq dan il-Master Plan sa issa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadu għaddej il-proċess sabiex inġibu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ipjannar. S’issa tħallsu €2,450 lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Għawdex — Proġetti Infrastrutturali Marittimi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti Infrastrutturali Marittimi saru matul is-sena 2023 mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija u fejn saru? Jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu u kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti Infrastrutturali Marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu f’Għawdex matul is-sena 2024, fiex jikkonsistu u fejn ser isiru u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2023 sar xogħol infrastrutturali u ta’ manutenzjoni fuq il-moll ta’ Ħondoq. F’dan ix-xogħol saru tiswijiet fuq il-moll ta’ Ħondoq li kien tkisser bil-maltemp, apparti xogħol ieħor fuq rampa ta’ maġenb il-moll. In-nefqa kienet tammonta għal Ewro 11365.00, VAT eskluż. Matul l-2023 baqa’ għaddej ix-xogħol ukoll fuq l-EIA tal-breakwater ta’ Marsalforn.

Xewkija, Għawdex – SME hub

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati għal SME Hub ġewwa x-Xewkija, Għawdex u jgħid x’sar matul is-sena 2023 fuq dan l-imsemmi proġett u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat li jsir matul is-sena 2024 fuq dan il-proġett u kemm hi ppjanata li ser tkun in-nefqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward dan il-proġett għadha għaddejja l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għal Għawdex — Positions of Trust - Salarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13241, fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20989, liema tweġiba ma tweġibx dak li ġie mistoqsi, jista' l-Minsitru jagħti ċ-ċifra mitluba u ċjoè kemm hu l-valur totali tas-salarji kollha għall-persuni kollha li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu għas-sena 2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Appendiċi li hemm fil-manwal, li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xagħra, Għawdex – Triq Għajn Ħosna – manutenzjoni, restawr u bini ta’ ħitan tas-sejjieħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5986, jista’ l-Ministru jgħid x'fadal isir u x’inhu l-andament tax-xogħol ta’ manutenzjoni, restawr u bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ fi Triq Għajn Ħosna, fix-Xagħra, Għawdex li twassal sal-wied tal-Bajja tar-Ramla l-Ħamra, li jinkludu wkoll Triq ir-Ramla, Triq ta' Xurdin, Triq l-Inżul tal-Franċiżi, Triq ir-Ramla l-Ħamra sad-Daħla ta' Għajn Damma u r-restawr u tindif ta' 250 metru ta' taraġ Ruman fil-Wied tar-Ramla li hu ffinanzjat minn fondi Ewropej?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq Għajn Ħosna fadal xogħlijiet marbutin mal-bini mill-ġdid taċ-ċint ta’ mat-triq. Ix-xogħlijiet fuq il-ħitan tas-sejjieħ f’din it-triq tlestew. Is-sejħa għax-xogħlijiet fuq il-ħitan tas-sejjieħ fit-toroq l-oħrajn imsemmija qed tinħadem u x-xogħlijiet mistennija jibdew matul l-2024.

Xagħra, Għawdex – Triq ta’ Karkar — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika bejn wieħed u ieħor meta se jibda x-xogħol ta' bini u rikostruzzjoni tat-Triq ta' Karkar fix-Xagħra, Għawdex, peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fiha u din it-triq hi bla wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna, peress illi din it-triq taqa’ taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra ħareġ tender TXLC/04/2023 Works – Resurfacing of Triq Mannar/Għejjun Junction with Hot rolled Asphalt and resurfacing of small stretch of Triq Karkar, Xagħra (up to base course only) in a resource efficient manner. Bħalissa t-tender qed tiġi evalwata.

Rabat, Għawdex — Skola ġdida primarja u l-estensjoni tal-Middle School

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq xogħlijiet ta’ eskavazzjoni u kostruzzjoni fuq l-iskola ġdida primarja u l-estensjoni tal-Middle School fir-Rabat, Għawdex, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll lil min sar kull pagament u kemm kien?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti fuq xogħlijiet ta’ eskavazzjoni u kostruzzjoni fuq l-iskola ġdida Primarja u l-estensjoni tal-Middle School fir-Rabat, Għawdex huma kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Xogħol ippjanat fl-iskejjel

Question

In vista ta' fuljett li kien intbagħat fid-djar kollha ta' Għawdex dwar xogħol ippjanat fi skejjel f'Għawdex jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm kienet in-nefqa: a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem; b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ; ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex; u f'kull każ, jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu ppreparati d-dokumenti tal-offerti, b’dak dwar l-iskola taż-Żebbuġ mistennija li jiġu ippubblikati fil-bidu tas-sena 2024. Madanakollu xogħlijiet ta’ manutenzjoni qed isiru mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex matul is-sena fl-iskejjel kollha kif ikun meħtieġ.

Għawdex – Tindif ta’ widien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn tnaddfu widien f’Għawdex matul is-sena 2023, fiex kien jikkonsisti t-tindif u kemm kienet l-ispiża fuq kull wied li tnaddaf? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej u kemm kien l-ammont ta' finanzjament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2023 tnaddaf b’mod regolari il-Wied ta’ Marsalforn mill-iskart li ta’ sikwit jintefa f’dan il-Wied. Apparti hekk, inqata' l-ħaxix ħażin li jitla’ fil-Wied. Dan minbarra l-qtugħ regolari ta’ qasab fil-parti ta’ fuq tal-wied tax-Xlendi. Is-sejħa għat-tindif tal-widien - li hi ikkofinanzjata minn fondi Ewropej – se tkun ippublikata fil-bidu tas-sena 2024.

Ministeru għal Għawdex – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista bid-dettalji tad-direct orders li ħarġu l-entitajiet jew l-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu fil-perjodu bejn Novembru 2022 u Novembru 2023, maqsuma skont l-awtorità jew l-entità u għal kull direct order separatament jgħid meta ngħatat, kemm kien l-ammont, lil min tħallas, lil min ingħatat id-direct order u x'servizz kien ġie ingaġġat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ir-Rabat, Għawdex — Triq Sir Arturo Mercieca

Question

Peress li l-appell ġie deċiż u t-tender ġiet awarded, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol biex tinbena mill-ġdid Triq Sir Arturo Mercieca fir-Rabat, Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu ppjanat li toħroġ tender sabiex issir.

Ministeru għal Għawdex — Direttur Ġenerali (Major Projects)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema direttorati u/jew taqsimiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser jgħaddu u jibdew jaqgħu taħt ir-responsabbilità diretta tad-Direttur Ġenerali (Major Projects) il-ġdid fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur Ġenerali (Major Projects) se jkun responsabbli mid-Direttorat ta’ Eko Għawdex, mill-Projects Unit u mill-proġetti maġġuri ġodda li se jitwetqu mill-Ministeru għal Għawdex.

Framework Contract for the Supply and Delivery of Water by Bowser for Irrigation at Various Areas in Gozo for the Rural Gozo Directorate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala nħasset il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa SPD3/2023/109 - 'Framework Contract for the Supply and Delivery of Water by Bowser for Irrigation at Various Areas in Gozo for the Rural Gozo Directorate? Jista’ jgħid ukoll f'dawn l-aħħar xhur u snin minn min kien qed jingħata dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar xhur u snin, il-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex kienu u għadhom qed jagħmlu dan ix-xogħol. Din it-tender ħarġet peress li x-xhur ta’ nixfa qegħdin dejjem jiżdiedu. Għaldaqstant b’din it-tender se jkun hemm backup f’każ ta’ ħtieġa.

Għawdex – Ir-Rabat — Akwadott - proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-każ tal-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-Akwadott fir-Rabat, Għawdex, kemm hu l-Vot tax-Xogħol għal dan il-proġett għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-estimi tal-vot tax-xogħol għall-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali u l-konservazzjoni tal-Akwadott għas-sena 2024, hu mitejn elf ewro (€200,000.00).

Awtorità tal-Artijiet – Proprjetajiet espropjati f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru: a. jgħid kemm artijiet ġew jew qegħdin fil-proċess li jiġu esproprjati fuq talba mill-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Lulju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?; b. f'liema lokalitajiet f’Għawdex jinsabu l-artijiet esproprjati?; ċ. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ‘Site Plan’ immarkata għal kull biċċa art u post fejn il-Ministeru għal Għawdex talab lill-Awtorità tal-Artijiet biex jiġu esproprjati artijiet f'Għawdex fil-perjodu indikat? u; d. jgħid l-użu li sar jew se jsir minn kull waħda minn dawn l-artijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ix-Xagħra, Għawdex – Triq ta’ Stellini — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet fadal isiru fi Triq ta' Stellini fix-Xagħra, Għawdex u kemm huma stmati li se jiġu jiswew? Jista' jgħid ukoll kemm ilu li nbeda x-xogħol u għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkompla l-ebda xogħol? Meta ser jitkompla x-xogħol f'din it-triq u meta ser titlesta minn kollox?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex — Recovery and Resilience Facility Fund (RRF) - Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti u inizjattivi li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom permezz tal-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea 'Recovery and Resilience Facility Fund (RRF)' u liema proġetti ġew aċċettati u nbeda x-xogħol fuqhom jew għadu ma nbediex ix-xogħol fuqhom, liema proġetti għadhom ma ġewx aċċettati u liema proġetti ma ġewx aċċettati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett li bbenefika minnu l-Ministeru għal Għawdex mill-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea 'Recovery and Resilience Facility Fund (RRF)' huwa r-Rinovar tal-iSkola Primarja tan-Nadur, li tlesta.

Għawdex – Tħawwil ta’ siġar u arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn (post) tħawlu siġar u arbuxelli mill-Ministeru għal Għawdex, xahar b'xahar, matul is-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża biex tħawlu u minn min sar ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Ippjanar – Bidliet fil-policies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14228 u jgħid kemm saru bidliet fil-policies applikati mill-Awtorità tal-Ippjanar mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema kienu dawn il-bidliet, u f'kull każ, x'wassal għal dawn il-bidliet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eks Malta Shipbuilding – Avvenimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intefqux flus pubbliċi biex is-sit tal-Eks Malta Shipbuilding jiġi preparat biex jospita konferenzi u fieri? Jekk iva, jista’ jipprovdi elenku tal-ammonti kollha li ntefqu, u f'kull nefqa jispeċifika u jgħid jekk din ingħatatx b'tender, direct order, jew mod ieħor?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13729.