B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 550 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex stabilimenti kummerċjali bħal ristoranti qed jintalbu jħallsu tant kull metru kwadru tal-ground floor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħlas dovut għal-liċenzji ta’ stabbilimenti ta’ l-ikel hu bbażat fuq skeda li tinsab ġo Taqsima VIII ta’ l-Avviż Legali 87 ta’ 2005, (Regolamenti ta’ 2005 li jemendaw ir-regolamenti dwar drittijiet għat-turiżmu). Dan il-ħlas mhux marbut mal-kejl tal-groundfloor iżda skond il-klassi ta’ l-istabbiliment. Il-ħlas dovut għall-liċenzji tal-bar ġo stabbilimenti ta’ l-ikel hu bbażat fuq Taqsima IX ta’ l-istess avviż legali u l-ammont ta’dritt tal-liċenzja hu kkalkolat fuq il-valur tal-kera tal-post.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet lill-MEPA għal bini ta' torrijiet (skyscrapers) dawn l-aħħar ħames snin? Fejn huma qegħdin is-siti ta' dawn l-applikazzjonijiet? Kemm ġew approvati, kemm rifjutati u kemm hemm pendenti sal-lum quddiem il-MEPA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li applikazzjonijiet għal high rise buildings li qegħdin ikunu pproċessati jew ġew ipproċessati mill-Major Projects Unit huma kif deskritt fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu mpjegati ġodda ma' l-entitajiet u korporazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Awissu sa Diċembru 2007, xahar b'xahar u skond il-grad?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Awissu u Diċembru 2007 ġew impjegati 12-il persuna full time, persuna waħda part-time kif ukoll apprentist għal sentejn fuq skema ta’ l-ETC, fl-entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu responsabbli għat-tiżjin mas-siġar li hemm max-Xatt ta' Sliema sa San Giljan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmat li r-responsabbiltà għal din is-sistema tad-dawl ser tgħaddi mingħand l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta għal għand il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 504, jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' traffic impact statement li ġew mitluba globalment mill-MEPA matul is-sena 2007 u din s-sena sa Mejju? Kemm minn dawn ġew sottomessi, u kemm minnhom ġew meqjusa mhux aċċettabbli? Kien hemm każi fejn l-istudji ġew aċċettati wara l-bdil tal-konsulent?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar 2007 u Mejju 2008, id-Direttorat ta' l-Ippjanar ħareġ "Terms of Reference" għal tlieta u sebgħin (73) "Traffic Impact Statement". Minn dawn, ġew sottomessi sitta u ħamsin (56) studju liema minnhom, sitta (6) ma kienux meqjusa bħala aċċettabli. Fuq dawn is-sitt studji ntalab li jsir titjib. Erbgħa minn dawn għadhom fil-proċess li jiġu mtejba, wieħed ġie sottomess b'titjib aċċettabbli u wieħed ġie sottomess iżda xorta mhux aċċettabbli u għalhekk ser issir rakkomandazzjoni li l-applikazzjoni tiġi rrifjutata.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 493 li saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, jista' l-Prim Ministru jara li l-MTA - li skond dik ir-risposta hi l-organizzatur tal-festival tan-nar - flimkien mal-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-kumitat tal-festa ta' l-istess lokalita', jorganizzaw l-festival tan-nar tas-sena d-dieħla fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra, Xemxija possibilment fuq il-baħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta lesta tikkunsidra li torganizza l-Festival tan-Nar f’lokalitajiet oħra minbarra l-Port il-Kbir fejn kien tradizzjonalment isir. Naturalment iridu jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet kollha qabel tittieħed deċiżjoni finali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm nies impjegati mal-Gvern fl-1 ta' Jannar 2008 u kemm fl-1 ta' April 2008? Kemm minnhom kienu full timeu kemm part-time? Kif kienu mqassma dipartiment, dipartiment?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 742 u jgħid kemm saru applikazzjonijiet lill-MEPA għal bini ta' torrijiet (skyscrapers) dawn l-aħħar ħames snin? Fejn huma qegħdin is-siti ta' dawn l-applikazzjonijiet? Kemm ġew approvati, kemm rifjutati u kemm hemm pendenti sal-lum quddiem il-MEPA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 742.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jsir il-proġett f'Pembroke minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea li kien miftiehem li jsir ma' Pembroke Athlete? Meta se jibda x-xogħol fuqu u fiex se jikkonsisti l-proġett?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti quddiem l-Uffiċċju ta' l-Awditur tal-MEPA fis-sena 2007 sal-lum u kemm dan l-uffiċċju rnexxielu jinvestiga minnhom?
Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' investigazzjonijiet li saru minn wara t-tneħħija ta' l-Assistent ta' l-Awditur, li ismu qed jidher separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju tal-Verifika ma kienx qed jopera minn Frar sa Ġunju 2007.
Minn Ġunju sa l-aħħar ta' Settembru 2007 daħlu 34 ilment. Minn Jannar sa Ġunju 2008 daħlu 34 ilment. Xi wħud minn dawn l-ilmenti ġew riferuti lill-Complaints Section tal-MEPA, oħrajn ġew ittrattati permezz ta' ittra lill-persuna li għamlet l-ilment, x'aktarx minħabba li l-ilment ma kienx dwar ħwejjeġ li jirrigwardjaw ippjanar. L-oħrajn ġew investigati. Minn Ġunju sa Settembru 2007 saru għaxar (10) investigazzjonijiet li ġew konklużi permezz ta' Audit Report li ntbagħat lill-MEPA għall-konsiderazzjoni tagħha.
Minn Ottubru 2007 sa Ġunju 2008 saru dsatax-il (19) audit report ieħor. Hemm tnax-il (12) investigazzjoni oħra li għadhom mhumiex konklużi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-ammont ta' applikazzjonijet quddiem il-MEPA li r-rakkmandazzjoni tagħhom kienet overturned min-naħa tal-Bord tad-DCC matul is-sena 2007? Jista' jagħti din l-istatistika xahar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta' ilmenti li ġew imressqa quddiem il-MEPA fil-Complaints Office xahar b'xahar matul is-sena 2007 sa Ġunju 2008? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ilmenti ġew riżolti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu msemmi, l-Uffiċċju li jirċievi l-ilmenti fi ħdan il-MEPA rċieva 5,664 ilment, li minnhom ġew riżolti 4,292. L-ilmenti daħlu xahar b’xahar hekk kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qiegħda tieħu l-MEPA fuq kazi fejn ikun hemm rapporti ta' tneħħija ta' site notices waqt il-perjodu ta' konsultazzjoni fuq applikazzjonijiet li jkunu ġew mitfugħa quddiemha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkjarifika illi skond is-sub-Artiklu (4) ta’ l-Artiklu 32 ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp (Kap 356) jobbliga lill-Awtorità li twaħħal is-site notice fuq is-sit relattiv. L-istess dispożizzjoni tal-liġi tinkombi obbligu fuq l-applikant li jassigura li s-site notice tibqa’ mwaħħla hemm għal perjodu ta’ għoxrin ġurnata minn meta tiġi mwaħħla fuq is-sit in kwistjoni.
Fil-każ li jiġi ppruvat li s-site-notice nqalgħet fiż-żmien stipulat bil-liġi, il-MEPA titlob lill-applikant jiġbor kopja biex iwaħħalha fuq is-sit in kwistjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar mis-sejħiet għall-promozzjonijet fil-MEPA li kienu nħarġu qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u li waqfu ħesrem? Jista' jgħid jekk dawn hux se jitkomplew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, hekk kif titħabbar l-Elezzjoni Ġenerali jieqaf kull proċess għal reklutaġġ mal-Gvern. Sabiex dan il-proċess ikun jista’ jitkompla wara l-Elezzjoni, ikun hemm bżonn ta’ approvazzjoni minn naħa ta’ l-Amministrazzjoni Ċentrali kif fil-fatt sar f’dan il-każ.
Ninsab infurmat ukoll li issa dan il-proċess tkompla billi bdew isiru l-interviews.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-nurmu ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ karozzi/vetturi ġodda li nxtraw matul l-ewwel 5 xhur ta’ din is-sena mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ta’ sebgħa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jara li l-gżejjer ta' San Pawl (kif inhuma komunament magħrufa) igħaddu minn taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għal dak ta' San Pawl il-Baħar, għaliex dawn huma magħrufa bħala li jiffurmaw parti minn San Pawl il-Baħar iżda uffiċjalment mhumiex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gżejjer ta’ San Pawl jagħmlu parti mil-lokalità tal-Mellieħa imma ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali Mellieħa għaliex dawn il-Gżejjer huma elenkati fir-Raba’ Skeda ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363) bħala esklużi mir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern għaddiex xi allokazzjoni partikolari wara l-maltempata kbira li saret xi snin ilu, lill-kunsilli lokali?
Kemm kien hemm kunsilli lokali li talbu li jingħataw fondi wara dan il-maltemp?
Billi kien hemm kunsilli lokali li ħallsu għat-tiswija tal-ħsarat minn fondi oħra, jista' l-gvern jieħu l-passi biex isiru l-ħlasijiet lura?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fil-kuntratt tal-Marina tal-Kottonera hemmx klawsola li tippermetti li boat owners ta' Bormla, il-Birgu u l-Isla (b'mod separat) jagħmlu użu mill-pontoons għal ħlas nominali? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n-numru għal kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 755.