Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #704 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gozo 1, 2, 3, 4

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 437 li saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jgħid b'liema kundizzjonijiet ingħata l-kuntratt lill-kumpannija privata biex tmexxi l-attivitajiet 1, 2, 3, 4 f'Mejju 2008 f'Għawdex? Jista' jgħid jekk il-kuntratt kienx jinkludi li ikel u xorb jiġi provdut mill-kumpannija li ngħatat il-kuntratt u mhux mill-ħwienet Għawdxin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 953.
Leg 11 PQ #949 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu nvestigax allegazzjonijiet serji ta' ħruġ ta' sensiela ta' direct orders f'ammonti ferm aktar milli stipulati fil-Liġijiet finanzjarji u amministrattivi li saru mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fl-Ufiċċju tal-Prim Ministru fil-leġislatura preċedenti fejn tikkonċerna l-FAM? Jekk iva, x'miżuri ttieħdu? Jekk le, għaliex? Jista' jagħti rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw b'direct order mill-FAM matul il-perijodu 2004 sa 2008 u lil min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Turiżmu f'Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hija l-mira tal-Gvern li jżuruna turisti fis-sena 2008? Jista' jgħid kemm morna tajjeb jew żbaljati s'issa fuq dak li kien imbassar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern għandu miri ċari fir-rigward ta’ l-andament ta’ l-industrija tat-turiżmu f’Malta għal din is-sena u dawn il-miri huma bbażati fuq il-kontinwazzjoni tax-xejriet pożittivi li seħħew f’dawn l-aħħar tmintax-il xahar. Il-Gvern mhux qed iħares biss lejn in-numru ta’ turisti li jżuruna imma wkoll lejn in-numru ta’ ljieli u l-flus li qed jibqa’ fl-ekonomija Maltija mill-attività turistika. Filwaqt li l-indikazzjonijiet li jeżistu bħalissa jikkonfermaw il-miri stabbiliti, ma jistax jonqos li nkunu kontinwament kawti għal żviluppi internazzjonali li jistgħu jikkawżaw tibdil fil-prestazzjoni ta’ din l-industrija li hija tant suxxettibbli għal fatturi ekonomiċi internazzjonali kemm diretti w indiretti.
Leg 11 PQ #1002 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Jerma Palace Hotel

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 783 u jgħid jekk il-Gvern wettaqx studju dwar l-impatt li kellha l-għeluq tal-Lukanda Jerma Palace fuq l-attivita' turistika f'Marsaskala? Sar xi sforz biex jiġi attirat investiment għal twaqqif ta' lukanda ġdida f'Marsaskala? X'qed isir biex it-turiżmu f'Marsaskala ma jmutx mewta naturali? Kuntent il-Gvern bil-livell ta' attivita' turistika f'Marsaskala?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Marsaskala hija lokalità b’potenzjal qawwi għal turiżmu kemm internazzjonali kif ukoll intern. Il-Gvern irid jaħdem sabiex dan il-potenzjal jissarraf f’attività turistika akbar. Il-Gvern bħalissa għaddej bi studju sabiex jara kif tista’ tiżdied l-attività turistika fi bliet u rħula li għandhom potenzjal u dan billi jiġu sfruttati l-faċilitajiet li hemm, billi jiġu organizzati attivitajiet inklużi mixjiet u tours u billi jiġi reklamat l-aspetti uniċi ta’ dawn il-lokalitajiet. Il-Gvern qiegħed ukoll iħares lejn kif jistgħu jiġu ffinanzjati inizjattivi ta’ din ix-xorta.
Leg 11 PQ #1026 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Vetturi mikrija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi/vetturi mikrija fil-mument għall-użu tal-ħteġijiet tal-ministeri, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali li titħallas kull xahar għal dawn il-karozzi/vetturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1044 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Interim From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rabat — Parking area

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 583 u jieħu azzjoni biex art quddiem ir-Roman Villa fir-Rabat, li fil-preżent qed tintuża bħala spazju ta' parking tingħata t-tarmac sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' trab u nuqqas ta' sigurta' għal min juża l-istess parking space. Fil-preżent dan l-ispazju qed iservi ta' dannu quddiem it-turisti li jżuru r-Rabat u l-Imdina.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Servizzi Pubbliku — Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-impjegati (a) full time u (b) part time mas-Servizz Pubbliku: (i) Dietician (ii) Occupational Therapist (iii) Physiotherapist (iv) Optometrist (v) Speech and Language Therapist (vi) Chiropodist (vii) Psychologist? F'liema dipartimenti jaħdmu f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1101 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mawra fl-Awstralja

Question

Issa li għadda żmien konsiderevoli mill-mawra uffiċjali tal-Prim Ministru fl-Awstralja, jista' jagħti rendikont finanzjarju tan-nefqa totali fuq id-delegazzjoni kollha, inkluż biljetti ta' l-ajru, akkomodazzjoni, ikel u spejjeż oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1102 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Interim From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Ġiljan — Zebra crossing

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li ż-zebra crossing li hemm fil-bajja tal-Balluta, San Ġiljan, tinżeba' kemm jista' jkun malajr mill-kunsill lokali, liema talba biex dan ix-xogħol isir u xogħol ieħor fuq Triq Angelo Pullicino, San Ġiljan, ilu li ntalab żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bozoz energy savers

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 472 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jara meta se jitqassmu ħames bozoz energy saver li ġew imwiegħda fil-programm elettorali tal-PN, speċjalment meta diġa tħabbar li s-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma se jerġa' jogħla? Jidhirlu li jekk iqassam dawn il-ħames bozoz, il-konsumaturi jistgħu almenu jiffrankaw xi ftit mill-għoli tal-kont tad-dawl u ilma u b'hekk ipatti xi ftit għaż-żieda fis-surcharge?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qed jikkunsidra numru ta’ options (metodi) kif ser iħaddem l-iskema tat-tqassim ta’ bozoz energy saver kif kien imwiegħed fil-programm elettorali għal matul il-ħames snin li ġejjin. Kif tittieħed id-deċiżjoni din titħabbar lill-pubbliku.
Leg 11 PQ #924 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armata ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-FAM bdietx tuża jew le s-sistema FLIR li kienet inxtrat bl-għajnuna tal-fondi ta' qabel sħubija fl-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s-Sistema FLIR, li ġiet installata abbord ajruplan tat-tip Islander tal-Forzi Armati ta’ Malta f’April tal-2007, qiegħda tintuża waqt kull titjira ta’ l-istess ajruplan.
Leg 11 PQ #926 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Frontex — Nautilus III

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li c-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet tal-missjoni ajru-navali Nautilus III tal-Frontex hijiex ibbażata f'Malta fi ħdan il-Forzi Armati? Jista' jgħid jekk l-uffiċjali ta' qawwiet oħrajn jinsabux stazzjonati f'Malta fit-tmexxija u l-koordinazzjoni ta' dan iċ-ċentru, u kemm qed tirċievi l-FAM biex iżżomm dan iċ-ċentru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-International Coordination Centre (ICC) ta’ l-operazzjoni konġunta Nautilus III ġiet stabbilita fil-21 ta’ Mejju biswit iċ-Ċentru ta’ l-Operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta. Din l-ICC hija mmexxija minn fizzjali tal-Forzi Armati ta’ Malta u fiha jaħdmu wkoll fizzjali tal-FRONTEX u fizzjal nazzjonali ta’ kull pajjiż li f’dak il-mument ikollu riżorsi nvoluti fl-operazzjoni. B’kollox ġew allokati mill-FRONTEX Euro12,500 għall-ispejjeż biex titħaddem l-ICC
Leg 11 PQ #927 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rules of Engagement

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-Rules of Engagement tal-missjoni Nautilus III tal-Frontex? Jista' jikkonferma li bħala parti mir- Rules of Engagement tal-missjoni Nautilus III tal-Frontex hi li meta tkun interċettata dgħajsa bl-immigranti klandestini dawn qed ikunu mwissija biex idawwru r-rotta lura minn fejn ġew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-Rules of Engagement li qegħdin jintużaw waqt il-missjoni konġunta Nautilus III huma klassifikati bħala ‘FOR THE USE OF LAW ENFORCEMENT AUTHORITIES ONLY’.
Leg 11 PQ #929 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Permessi ta' Bini

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għal bini ta' djar/maisonettes/flats/bungalows fl-aħħar 10 snin sena b'sena? Kemm kien jammonta n-numru ta' units f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema tar-Riżorsi Informatiċi ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Leg 11 PQ #939 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Arretrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk s-suldati ta' l-AFM f'dawn l-aħħar ġimgħat ħadux l-arretrati? Jekk iva, kemm ibbenefikaw? Hemm aktar ħaddiema li se jieħdu dawn il-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-arretrati li jikkonċernaw il-promozzjonijiet b’effett mill-1 ta’ Awissu 2007 tħallsu kollha fil-paga ta’ Jannar 2008. Ma’ l-istess paga s-suldati kollha ħadu ż-żiedet, b’riżultat ta’ l-istrutturar ta’ l-iskali, li kienu mħabbra fid-diskors tal-budget u li daħlu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.
Leg 11 PQ #953 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gozo 1, 2, 3, 4

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 437 u 704 u jgħid b'liema kundizzjonijiet ingħata l-kuntratt lill-kumpannija privata biex tmexxi l-attivitajiet 1, 2, 3, 4 f'Mejju 2008 f'Għawdex? Jista' jgħid jekk il-kuntratt kienx jinkludi li ikel u xorb jiġi provdut mill-kumpannija li ngħatat il-kuntratt u mhux mill-ħwienet Għawdxin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-għażla tal-konsorzju saret wara sejħa pubblika għal proposti u dawk l-istess proposti (tnejn) ġew evalwati fuq l-esperjenza ta’ dawk li wrew interess li jorganizzaw din l-attività, kif ukoll fuq l-offerta finanzjarja. L-offerta li għamel il-konsorzju Burning Spear kienet turi firxa estensiva ta’ attivitajiet u kienet orħos mill-offerta l-oħra sottomessa. Il-konsorzju kellu ukoll l-esperjenza meħtiega fl-organizzazjoni ta’ attivitajiet tal-massa. Din l-attività ġġenerat kummerċ kbir għal ħwienet tax-xorb u ristoranti Għawdxin. Dan jixhduh ċifri tal-Gozo Channel li wrew li għal din l-attività qasmu għal Għawdex mat-tmenin elf ruħ. Il-Gozo Tourism Association ukoll ħarġet stqarrija biex tfaħħar din l-attività u l-kummerċ li ġġenerat. Kif isir f’attivitajiet ta’ din ix-xorta, l-organizzaturi jfittxu sponsors sabiex ikopru parti mill-ispejjeż. Dawn l-isponsors jinkludu kumpaniji privati li jbiegħu xorb u ikel. Dawn jitħallew jarmaw kiosks b’mod li ma jtellfux l-operat normali ta’ ristoranti u ħwienet tax-xorb tal-madwar. L-esperjenza wriet li f’attivitajiet tal-massa ta’ din ix-xorta, ikun hemm il-bżonn ta’ dawn il-kiosks sabiex ilaħħqu mad-domanda.
Leg 11 PQ #954 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorita' tat-Turiżmu — Stabilimenti kummerċjali

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 722 u jgħid għaliex stabilimenti kummerċjali bħal ristoranti qed jintalbu jħallsu tant kull metru kwadru tal-ground floor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 722.
Leg 11 PQ #977 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Enforcement Officers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jitkompla l-proċess ta' ingaġġ ta' enforcement officers fil-MEPA wara li kienet ħarġet sejħa pubblika fil-ġimgħat ta' qabel l-elezzjoni generali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament l-Awtorità qed tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jitkompla l-proċess ta' mili ta' vakanzi fil-pożizzjoni ta' Enforcement Officer. Huwa ppjanat li fi ftit ġimgħat oħra jibdew l-intervisti għal dawk l-impjegati kif ukoll kandidati minn barra li wrew interess li jiġu kkunsidrati biex jimlew dawn il-vakanzi ta' din il-pożizzjoni.
Leg 11 PQ #1005 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air Show

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 590,filwaqt li napprezza u nħeġġeġ biex talba bħal din tkun aċċettata u jekk possibli miżjuda, jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti ta' l-istess domanda, dwar flus mogħtija s-sena li għaddiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-għajnuna li ngħatat is-sena l-oħra kienet ta’ LM16,357 jew Euro38,101.56. Naturalment talbiet għall-għajnuna tiġi kkunsidrata fl-isfond tal-budget kurrenti ta’ l-Awtorità.
Leg 11 PQ #602 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Case Officers

Question

Jista' l- Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx case offices li għandhom xi forma ta' permess biex jassentu ruħhom mix-xogħol minħabba courses li qed jattendu? Jekk iva, x'inhu n-numru ta' applikazzjonijiet lill-MEPA li qegħdin pendenti għal dawn il-case officers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħalissa għandha żewġ (2) case officers li għandhom permess biex jassentu ruħhom mix-xogħol minħabba courses li qed jattendu. Dawn, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità, għandhom bejniethom 113-il applikazzjoni pendenti quddiemhom. Ma jfissirx li fiż-żmien meta dawn l-uffiċjali jkunu assenti mix-xogħol ma jsirx xogħol fuq dawn l-applikazzjonijiet.