Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-MTA hix qed tiddiskuti ma' xi operaturi privati dwar il-possibilita' li t-telephone boxes ta' kumpannija privata li hemm mal-promanade tal-Qawra/Bugibba jibdew jitħaddmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-MTA għamlet diversi kuntatti ma’ l-operatur il-ġdid li ħa f’idejh t-telephone boxes imsemmija. Dawn il-laqgħat bdew xahrejn ilu u l-operatur intalab biex jagħti prominenza liż-żoni turistiċi. Ingħata wkoll rapport li sar mid-diversi uffiċjali ta’ l-Awtorità fosthom dak responsabbli għal Bugibba u l-Qawra.
L-operatur sab ma wiċċu makkinarju li ma setax jibqa’ jitħaddem minħabba l-bidla tal-munita Maltija għall-Ewro. Beda programm ta’ manutenzjoni tal-magni kollha u bdil tas-sistema kollha.
Fil-każ ta’ Bugibba u l-Qawra, l-operatur ħadem dawn l-aħħar ġimgħat sabiex isewwi diversi
booths
. Qiegħed jistenna konsenja ta’ erbgħin telefon sabiex jibdel il-makkinarju kollu, u jġibu funzjonabbli. Dawn l-erbgħin telefon mistennija jaslu f’dawn il-ħmistax li ġejjin. La darba jaslu dawn jieħdu madwar ġimgħa sabiex jitwaħħlu f’posthom.
Jista' l-Prim Ministru jassigura li ma jitħalliex skart fejn il-moll fejn jirmiġġjaw il-vapuri, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali Sliema kemm-il darba informa lis-sidien ta’ dawn il-bastimenti li huma obbligati sabiex jagħmlu arranġament ma’ kuntratturi privati għall-ġbir ta’ dan l-iskart. Il-Kunsill qabbad ukoll il-wardens biex jissorveljaw din iż-żona. Hemm vapuri li jidħlu bil-lejl u mhux qed jinqabdu mill-wardens. Madanakollu, il-Kunsill, bil-kollaborazzjoni ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, qiegħed jipprovdi servizz ta’ ġbir ta’ l-iskart extra kull filgħaxija.
B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 407, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-passi neċessarji li l-MEPA qed tgħid li qegħda tieħu stante li l-illegalita' kienet u għadha eżistenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li ttieħed il-proċess kollu kif spjegat f'Mistoqsija Parlamentari Numru 407, l-iżviluppatur reġa’ ġie formalment infurmat għal aħħar darba li azzjoni imminenti fil-konfront ta' l-iżvilupp illegali li għandu, tista’ tittieħed minn ħin għal ieħor. Dan isir sabiex kemm jista’ jkun issir pressjoni sabiex l-iżvilupp illegali jitneħħa mis-sid innifsu mingħajr il-ħtieġa ta' intervent dirett mill-MEPA. L-awtorità tibqa’ ssegwi l-każ sa ma s-sitwazzjoni tiġi regolarizzata skond il-liġi.
Għawdex — Environment Initiative In Partnership Programme
Question
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-ammont ta' flus li tħallsu f'Għawdex għal Environment Initiative In Partnership Programme tal-MEPA, minn meta bdiet din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li tħallsu f'Għawdex għal Environment Initiative In Partnership Programme tal-MEPA, minn meta bdiet din l-iskema sal-31 ta' Mejju 2008 huwa ta' EUR 456,632.73 (Lm196,032.43).
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-ammont ta' flus li tħallsu għall-Commuted Parking Scheme tal-MEPA, fir-Rabat Għawdex, minn meta bdiet din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li tħallsu f'Għawdex għal Commuted Parking Payment Scheme tal-MEPA, minn meta bdiet din l-iskema sal-31 ta' Mejju 2008 huwa ta' EUR 589,797.36 (Lm253,200).
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 942 u jgħid jekk hux se jsir il-proġett f'Pembroke minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea li kien miftiehem li jsir ma' Pembroke Athlete? Meta se jibda x-xogħol fuqu u fiex se jikkonsisti l-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess dwar l-aħħar sejħa għall-proġetti għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea għadu mhux konkluż.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-ammont ta' flus li tħallsu f'Għawdex għal Urban Improvement Fund tal-MEPA, minn meta bdiet din l-iskema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li tħallsu f'Għawdex għal
Urban Improvement Fund
tal-MEPA, minn meta bdiet din l-iskema sal-31 ta' Mejju 2008 huwa ta' EUR 911,052.46 (Lm 391,114.82).
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm flus mill-Unjoni Ewropea għall-formazzjoni u bini ta' toroq? Jista' jgħid jekk id-dokumentazzjoni neċessarja biex jinġiebu dawn il-fondi hux lesta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li Malta għandha allokazzjoni ta’ €21.4 miljun għall-formazzjoni u bini ta’ toroq taħt il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2004-2006. Id-dokumentazzjoni neċessarja sabiex jinġiebu dawn il-fondi tlestiet fl-2004 u fl-2005 u ħafna mill-proġetti tlestew jew waslu biex jispiċċaw.
Taħt il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 hemm allokazzjoni indikattiva ta’ €130 miljun (għal dan il-għan) taħt il-Programm Operattiv I. Id-dokumentazzjoni relatata mat-toroq li qed jiġu ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tlestiet u ħarġu wkoll xi sejħiet għall-offerti waqt li d-dokumentazzjoni tat-
Ten-T Network
qed tiġi ppreparata mill-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta.
L-ammonti msemmija fiż-żewġ każijiet ma jinkludux il-ko-finanzjament mill-Gvern Malti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm fetħu ristoranti, bars u wine bars fil-Belt Valletta mill-2003 sal-lum? F'kull każ, f'liema triq fetħu dawn l-istabbilimenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar mill-kummenti mgħoddija mill-impjegati tal-MEPA lill-management dwar l-Abbozz ta' Kodiċi ta' Etika? Jista' jgħid jekk itteħditx konsiderazzjoni ta' dawn il-kummenti? Jista' jgħid x'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kummenti mibgħuta mill-impjegai lill-management tal-MEPA kienu kollha kkunsidrati, diskussi u evalwati mill-Bord tal-MEPA. Il-kummenti / proposti li ma kienux koperti bit-test oriġinali tad-dokument ġew inklużi fit-text finali li ġie ppreżentat lili. Jien ġejt mogħti wkoll is-sottomissjonijiet kollha ta' l-impjegati biex inkun nista’ nevalwa indipendentement il-valur ta' dawn is-sottomissjonijiet. L-ismijiet ta' l-impjegati tneħħew biex tkun salvagwardjata l-privatezza tal-persuna.
Jista' l-Prim Ministru jinfurmani x'permessi intalbu lill-MEPA fuq ir-rampa ġo Triq Angelo Pullicino, San Ġiljan wara li sar xogħol li kien ikkummissjonat mill-kunsill lokali ta' San Ġiljan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità irċeviet tliet (3) applikazzjonijiet relatati mar-rampa ġo Triq Angelo Pullicino, San Giljan. Dawn huma:-
PA 150/03
Placing of tables and chairs in external area and opening
of door to link with existing clients restaurant
.
Din l-applikazzjonjoni ġiet rifjutata fit-23 ta' Marzu 2004.
PC 30/03
Modify part of existing stairway to place tables and chairs.
Din l-applikazzjoni ġiet rifjutata fit-30 ta' Settembru 2003.
PA 694/05
Placing of tables and chairs in external area and opening of door to link with existing clients restaurant (wider staircase than in PA 150/03)
Din l-applikazzjoni ġiet rifjutata fit-3 ta' Mejju 2005, it-talba ta' "
reconsideration"
ġiet miċħuda fid- 9 ta Marzu 2006 u l-appell ġie miċħud fis- 26 ta' Marzu 2008.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ir-regolament li jittella' ħajt madwar għalqa/plot abbandunata għadux fis-seħħ?
Jekk iva, min huwa responsabli sabiex jara li fil-każ ta'
plots
/għelieqi mhux maħduma jitella' ħajt fil-parti li tmiss mat-triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-regolament li jittella’ ħajt madwar għalqa/plot abbandunata għadu fis-seħħ.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'forma ta' konsultazzjoni saret jew ser issir mal-kunsilli lokali li fil-lokalita' tagħhom tkun ser issir attivita' organizzata mill-Gvern Ċentrali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni li l-gvern qed jagħmel mal-Kunsilli Lokali fil-proċess tar-riforma tal-gvern lokali, jidher li għad hawn xi entitajiet tal-Gvern Ċentrali li għadhom ma fehmux li Kunsill Lokali hu awtorità ta’ Gvern Lokali.
Qegħdin jiġu identifikati dawn l-entitajiet sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż jekk ikun hemm bżonn emendi leġislattivi.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' konsultazzjoni saret mill-Gvern Ċentrali mal-kunsilli lokali fejn tneħħiet street furniture fil-lokalitajiet turistiċi f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant hu ġentilment mitlub jispeċifika fejn u liema street furniture qed jirreferi għalihom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' applikazzjonijiet quddiem il-MEPA li r-rakkmandazzjoni tagħhom kienet overturned min-naħa tal-Bord tad-DCC matul is-sena 2008? Jista' jagħti din l-istatistika xahar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jagħtu l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Prim Ministru jiżgura li l-appell dwar it-twaqqif ta' impjant ta' riciklaġġ f'Wied Garnaw fil-limiti ta' Santa Lucia/Gudja/Għaxaq , jinqata' darba għal dejjem? Jista' jiżgura li l-partijiet kollha konċernati (il-Kunsilli Lokali ta' Santa Lucia, Tarxien, Gudja, Għaxaq, Grupp ta' Azzjoni Insalvaw Wied Garnaw, u lili nnifsi li nirrappreżenta l-firem ta' madwar 6000 firmatarju ta' ċittadini Maltin u Għawdxin, inkluż membri parlamentari oħrajn miż-żewġ naħat tal-Kamra) li esprimew ruħhom kontra tali żvilupp ikunu avżati individwalment meta l-bord ta' l-appell ikun se jitlaqqa' fuq din l-applikazzjoni? Il-Prim Ministru jista' qatt jaċċetta l-fatt li petizzjoni parlamentari li tiġbor dan l-ammont kollu ta' firem tiġi skartata mill-bord ta' l-appell tal-MEPA, speċjalment meta kulħadd jaf li l-Parlament huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiz? Jista' jaċċetta l-fatt li l-bord ta' l-appell tal-MEPA jġib ruħu bħallikieku huwa superjuri għal din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar huwa Tribunal Indipendenti mwaqqaf bil-liġi u għalhekk mhux kompetenza tal-Prim Ministru li jiddiskuti każi speċifiċi li jkunu pendenti quddiem dak il-Bord mal-membri tal-Bord ta’ l-Appell jew li b'xi mod jipprova jinfluwenza jew jindaħal fl-operat tal-Bord ta’ l-Appell. L-Onorevoli Interpellant irid iżomm quddiem għajnejh li dan il-Bord huwa tribunal, jiġifieri simili ħafna għal qorti.
Il-proċedura quddiem il-Bord hija li terzi persuni jkunu jistgħu jressqu is-sottomissjonijiet tagħhom lill-Bord mhux direttament iżda permezz tal-MEPA. Għalhekk it-terzi persuni in kwistjoni għandhom jimxu ma' din il-proċedura li jaddotta l-Bord ta’ l-Appell f'każ li jridu jġibu xi fatti li jirrelataw mal-pjani ta' żvilupp u mal-policies ta' l-ippjanar għall-konjizzjoni tal-Bord.
B'referenza għat-tieni parti ta’ l-interpellanza, il-proċedura tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-Ippjanar fejn jidħlu terzi persuni hija kif ġej:-
1. It-terza persuna (li mhix parti fil-proċeduri ta’ l-appell) tista'
tattendi għas-seduti kollha tal-Bord peress illi dawn is-seduti kollha
jinżammu fil-pubbliku u jiġu avżati fil-web site tal-MEPA.
2. Meta terza persuna tinforma lis-Segretarju tal-Bord li hija tixtieq
tattendi għas-seduti tal-Bord, is-Segretarju tal-Bord jinformha bid-data u l-ħin tas-smiegħ ta' dak l-appell li dwaru dik it-terza persuna tkun uriet interess fih.
3. Peress illi l-Bord ta' l-Appell huwa tribunal kważi ġudizzjarju, huwa jsegwi l-proċeduri stabbiliti fl-artiklu 15 u fit-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, Kapitlu 356 tal-Liġijiet ta' Malta, li huma proċeduri simili għal dawk tal-qrati Maltin intiżi biex jagħtu smiegħ xieraq lill-partijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li s-Segretarju tal-Bord javża lit-terza persuna bid-data u bil-ħin tas-smiegħ ta’ l-ewwel seduta ta’ l-appell (ara artiklu 15(4) tal-Kap 356), imbagħad it-terza persuna tkun trid issegwi d-diferimenti li jingħataw mill-Bord. Din mhix xi proċedura ġdida; anzi hija l-proċedura li jaddottaw il-qrati Maltin. Dawn id-diferimenti jiġu ppublikati wkoll fil-web site tal-MEPA u b'hekk il-pubbliku jkun jista' jsegwihom minn hemm ukoll. Apparti minn hekk il-partijiet u l-pubbliku dejjem jistgħu jċemplu lis-Segretarju tal-Bord (kif jiġri ta' sikwit) biex jiċċekjaw id-dati u l-ħinijiet ta' smiegħ ta' dawk l-appelli li jkollhom interess fihom.
Għalhekk, fiċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari, it-terzi persuni għandhom jikkomunikaw l-ilment taghhom dwar id-dewmien tal-proċeduri lir-rappreżentanti tal-MEPA li jidhru quddiem il-Bord biex dawn ikunu jistghu jindirizzaw dan l-ilment tagħhom skond il-proċedura stabbilità.
Dwar il-petizzjoni li jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, il-Bord ta' l-Appell ma jistax jieħu konjizzjoni tagħha sakemm din ma tiġix esebita fl-atti tal-proċeduri pendenti quddiem l-istess Bord u dan skond il-prinċipju li ġie stabbilit f'sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell fl-ismijiet "Carmelo Zammit vs Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp", deċiża fl-10 ta' April 1995 (appell numru 1/94). F'dik is-sentenza l-Qorti ta’ l-Appell (Sede Superjuri) idderiġiet lill-Bord biex jieħu konjizzjoni biss fil-proċeduri quddiem ta' dawk l-atti li jkunu jifformaw parti mill-proċess.
Mill-banda l-oħra ta' min iżid ukoll illi f'każ illi din il-petizzjoni intbagħtet lil MEPA qabel ma ġie rifjutat il-permess in kwistjoni u hija inserita fil-PA file relattiv, il-Bord ta' l-Appell, qabel ma jagħti d-deċiżjoni tiegħu, dejjem jara l-PA file relattiv u allura jekk il-petizzjoni tinsab f'dan il-file, il-Bord ikun jista' jieħu konjizzjoni tagħha.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy tal-MEPA dwar applikazzjonijiet f'siti li fuqhom ikun diġa' hemm permessi validi jew applikazzjonijiet pendenti li fuqhom jerġgħu jsiru applikazzjonijiet minn periti li ma jkunux dawk li ssottomettew l-applikazzjonijiet oriġinali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policy tal-MEPA dwar l-applikazzjonijiet ġodda għal permess għall-iżvilupp, inklużi dawk li fuqhom diġà hemm permessi validi, hi li l-Perit jiffirma d-dikjarazzjoni fl-applikazzjoni li qed jieħu r-responsabbiltà għax-xogħol li dwaru tkun qed issir l-applikazzjoni.
F'każ ta' applikazzjonijiet pendenti, il-perit il-ġdid jissottometti formola apposta għal meta jinbidel il-perit, fejn fiha jieħu r-responsabbiltà għax-xogħlijiet proposti, liema formola timtela wkoll mill-perit oriġinali fejn jiddikjara li jkun qed jeżonora ruħu mir-responsabbiltà għax-xogħol propost.
F'każ ta' applikazzjoni ġdida fuq sit fejn diġà jkun hemm applikazzjoni pendenti minn perit ieħor, sakemm ma tiġix irtirata waħda mill-applikazzjonijiet, kull perit ikun qed jieħu, permezz tad-dikjarazzjoni fl-applikazzjoni, ir-responsabbiltà għax-xogħol li dwaru jkun qed japplika.
Jista’ jkun il-każ fejn il-MEPA tirċievi talba għal minor amendment fuq permess li għadu validu. F'dan il-każ il-MEPA teżiġi lit-talba għal minor amendment issir mill-istess perit.
Billi f'risposta riċenti f'mistoqsija parlamentari 751 u f'risposta għal domanda supplimentari għall-istess domanda qed jingħad li l-gżejjer ta' San Pawl jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Gvern Ċentrali, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet in-nefqa tal-Gvern fuq dawn il-gżejjer matul l-aħħar ħames snin? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk b'inizjattiva tal-Gvern u tal-privat hux possibli li jsir dawl (arblu b'solar panels) li jdawwal il-gżejjer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond l-informazzjoni miġbura, ma jidhirx li saru xogħlijiet fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl fl-aħħar ħames snin. Jekk l-Onor Interpellant għandu xi proġett speċifiku nitolbu iressaq is-suġġeriment tiegħu.
Fir-rigward ta’ dawl b’solar panels, filwaqt li huwa possibbli fil-prinċipju li jsiru
solar panels
fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl, dan jista’ jsir wara li jiġi sottomess il-proġett lill-awtoritajiet kompetenti u jinħarġu l-permessi meħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1084, li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu, u jgħid jgħid fl-elezzjoni ġenerali ta' l-2002 u f'dik ta' l-2008 separatament, kemm kien in-numru ta' votanti li talbu għal assistenza tal-kummissarju elettorali għax ma kenux jafu jiktbu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-elezzjoni ta’ l-2003 u dik ta’ l-2008. Din l-informazzjoni trid tinġabar manwalment mill-eluf ta’ formoli li fuqhom issir it-talba biex tingħata għajnuna minn dawk l-eletturi li ma jkunux jistgħu jivvutaw waħedhom.
Peress li din l-informazzjoni tieħu ħafna ħin u riżorsi, ma nara ebda skop għalfejn dan l-eżerċizzju għandu jsir.