Legislature:
Category:
Reset
Active:

Boundary wall

Question

Jista' Prim Ministru jgħid raħal b'raħal kemm ittieħdu passi kontra individwi għaliex ikunu għadhom ma tellgħux ħitan mad-dawra ta' l-għelieqi tagħhom bħala boundary wall matul is-sena 2007? Min huwa responsabbli li jiġbed l-attenzjoni tal-proprjetarju jekk il-ħajt madwar l-għalqa/plot ikun għadu ma sarx sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviżi tat-Twettieq skond l-Artikolu 55 ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp (Kap 356) u li nħarġu sal-lum mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2007 kienu 6 jiġifieri: Attard (1); Belt Valletta (2); Żabbar (3). Dan però ma jirriflettix in-numru kbir ta’ każi dwar siti vakanti f’diversi rħula ta’ Malta u Għawdex li ġew irrapurtati mill-Kunsilli Lokali u minn ammont ieħor kbir ta’ siti li ġew magħluqa mis-sidien rispettivi fuq inizjattiva personali tagħhom wara li tħabbret l-Inizjattiva dwar Siti Vakanti mill-Awtorità f'April 2007. Ir-responsabbiltà li tinnotifika lill-proprjetarji dwar dak ix-xogħol li għandu jsir hija tal-MEPA. Peress li dalwaqt ser jitħabbru xi emendi għall-Inizjattiva oriġinali, il-ħruġ t'iżjed Avviżi tat-Twettieq ġie temporanjament sospiż. Każijiet pendenti baqgħu jiġu investigati.

Permessi barra miż-żona ta' żvilupp

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi barra miż-żona ta' żvilupp, sena b'sena, mis-sena 2000 'l quddiem, mill-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tliet tabelli li jagħtu l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Leg 11 PQ #1437 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Self ta' flus

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li l-kunsilli lokali jingħataw il-possibilita' li jissellfu flus għal proġetti partikolari, li jkunu approvati minn qabel mill-gvern ċentrali, biex titjib lokali jkun jista' jsir ħafna qabel għall-benefiċċju ta' dawk li joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet u fejn hemm ħafna viżitaturi jitgawdew minnhom ukoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-possibiltà li Kunsill Lokali jissellef flus biex ikun jistà jwettaq proġetti partikolari diġà teżisti. L-Artikolu 3(2)(a) ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363) jipprovdi li Kunsill Lokali jistà jissellef flus bl-awtorità bil-miktub tal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali bi ftehim mal-Ministru responsabbli għall-finanzi. Teżisti policy li tinkludi d-dokumentazzjoni meħtieġa biex tiġi evalwata talba ta’ Kunsill qabel tingħata l-approvazzjoni. Kunsill Lokali li jrid jagħmel self irid jipproċedi permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Leg 11 PQ #1532 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mawra fl-Awstralja

Question

Issa li għadda żmien konsiderevoli mill-mawra uffiċjali tal-Prim Ministru fl-Awstralja, jista' jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1156 u 1101 u jagħti rendikont finanzjarju tan-nefqa totali fuq id-delegazzjoni kollha, inkluż biljetti ta' l-ajru, akkomodazzjoni, ikel u spejjeż oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1575 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapporti minn Suldati u Pajżana

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan l-aħħar sarux rapporti minn suldati u pajżana li jaħdmu fil-barracks ta' Ħal Safi dwar inġustizzji li qed isiru hemm? X'passi ħa biex jara jekk dawn l-ilmenti u rapporti humiex ġġustifikati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mhux ċar għal liema każi ta’ inġustizzji qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. Teżisti proċedura fil-Forzi Armati ta’ Malta fejn kull membru tal-Forza, kemm suldati kif ukoll pajżana, għandhom id-dritt li jiltaqgħu mal-Kmandant Subordinat tagħhom biex jiddiskutu miegħu xi lment li jkollhom li jkun jikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-karriera militari tagħhom fosthom l-għażla għal korsijiet ta’ taħriġ, trasferimenti minn sezzjoni għall-oħra, ilmenti dwar promozzjonijiet, eċċ. Fejn l-individwu kkonċernat ma jkunx sodisfatt bit-tweġiba tal-Kmandant Subordinat, l-individwu għandu d-dritt li jitlob li jressaq l-ilment tiegħu quddiem Awtorità Superjuri inkluż quddiem Kmandant tal-Forzi Armati.
Leg 11 PQ #1576 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Immigranti Illegali — Ikel

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-ikel li jingħataw l-immigranti llegali. Rigward l-ammont totali li tħallas lill-kuntratturi għall-ikel li ngħata lill-immigranti llegali fis-sena 2007 u fl-ewwel 5 xhur ta’ din is-sena, l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1577 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Immigranti Illegali — Ingwanti u Maskri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed jingħataw maskri u ngwanti lill-casuals u lis-suldati li jidħlu fejn ikunu l-immigranti illegali? Jista' jassigura li kull min jidħol fejn l-immigranti illegali ikun liebes l-ingwanti u l-maskra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull xahar, il-persuni inkarigati mix-shifts tas-suldati u ħaddiema casuals fi ħdan is-Servizz ta’ Detenzjoni jingħataw ammont ta’ maskri u ngwanti kull wieħed biex iqassmuhom lin-nies tax-shift tagħhom. Dawn l-istess nies inkarigati ġew ukoll mgħarrfa li kemm-il darba jispiċċawlhom l-ingwanti jew il-maskri qabel l-aħħar ta’ kull xahar għandhom jagħmlu talba għal iżjed mingħand l-istoreman taċ-Ċentru. Kull impjegat fi ħdan is-Servizz ta’ Detenzjoni rċieva istruzzjonijiet li huwa fl-interess tiegħu li jilbes l-ingwanti u maskra fejn ikun hemm bżonn waqt il-ħin tax-xogħol.
Leg 11 PQ #1578 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Immigranti Illegali — Mediċini

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa stmat li ngħataw mediċini lill-immigranti illegali fis-sena 2007 u fl-ewwel 5 xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1579 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Immigranti Illegali — Casuals

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x'kundizzjonijiet ta' xogħol jiffirmaw l-casualsli jidħlu jaħdmu mal-immigranti illegali ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kundizzjonijiet ta' xogħol li jiffirmaw l-casuals li jidħlu jaħdmu ma’ l-immigranti illegali huma dawk li jiġu ppublikati mas-sejħa għall-applikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern minn żmien għal żmien.
Leg 11 PQ #1601 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Hal Luqa — Bus Shelter

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1304 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jassigura li fl-iqsar żmien possibli t-talba għall-bus shelter f'Ħal Luqa fit-tarf tar-raħal inti u dieħel min-naħa ta' l-ajruport tiġi milqugħa u esegwita? Ir-residenti ilhom xhur jistennew tali bus shelter u bħalissa s-sħana u l-qilla tax-xemx toħloq inkonvinjent kbir għal min ikun qed jistenna s-servizz ta' trasport pubbliku.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kunsill Lokali Luqa ilu konxju ta’ din il-problema u ilu jipprova jagħmel arranġamenti mal-kuntrattur li għandu ir-responsabbiltà li jagħmel dawn il-bus shelters imma jidher li kien hemm xi diffikultajiet biex dan isir. Il-Kunsill qiegħed anke f’taħditiet ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (li kienet għamlet kuntratt għal bus shelters għan nom tal-Kunsilli Lokali kollha) kif ukoll ma’ l-Awtorità dwar it-Trasport biex din il-problema tissolva mill-aktar fis possibbli.
Leg 11 PQ #1608 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Time-in-Lieu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx xi ftehim mas-suldati tal-Forzi Armati Maltin li jibdew jitħallsu għax-xogħol li jaħdmu flok jieħdu time-in-lieu? Jekk hu hekk,meta se jibdew jitħallsu s-suldati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam mas-salarji tas-suldati daħlu fis-seħħ b’effett mill-ewwel ta’ Jannar 2008. Fost oħrajn dawn il-kundizzjonijiet jikkonsistu fi skali ġodda, on call duty allowances, ħlas bir-rata ta’ siegħa/siegħa u nofs għal xogħol li jsir fi btajjel pubbliċi u allowances ġodda oħra għal xogħol speċjalizzat. Dawn kollha ġew miżjuda mal-kundizzjonijiet li kienu jgawdu minnhom is-suldati qabel daħlu fis-seħħ dawn l-istess kundizzjonijiet. Il-kundizzjonijiet il-ġodda ma jinkludux ħlas flok time off – in lieu.
Leg 11 PQ #1636 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xogħol ta' Kostruzzjoni- Storbju

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1353, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jistgħux jinbidlu r-regolamenti biex xogħol ta' kostruzzjoni qalb ir-residenti u t-turisti jibda wara s-7.00a.m. biex ma jkunx hemm inkonvenjent ta' storbju li qed iħalli lmenti serji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant ser jittieħed in konsiderazzjoni fit-tfassil ta’ emendi li jistgħu jsiru ’il quddiem fir-regolamenti rigward xogħol ta’ kostruzzjoni qalb ir-residenti.
Leg 11 PQ #1637 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti f'Pembroke

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 1331, meta hu ppjanat li jkun konkluż il-proċess imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1639 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li rebħu l-każ tagħhom quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji u baqgħu ma ngħatawx ir-rimedju deċiż favur tagħhom? Jista' jagħti wkoll il-lista ta' dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1639, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm tlettax-il rakkomandazzjoni favorevoli tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji li għadhom ma ġewx implimentati. Ir-raġunijiet prinċipali għal dan jinkludu: 1. Numru ta’ rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal qed jiġu kkontestati quddiem il-Qorti, in vista li kumpaniji li llum m’għadhomx tal-Gvern u oħrajn naqsu milli jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal; 2. F’ċerti każi, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ma qablitx mar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mit-Tribunal. Ma narax li huwa floku li npoġġi lista ta’ l-ismijiet fuq il-Mejda tal-Kamra iżda m’għandhiex diffikultà li nagħti din l-informazzjoni lill-Onorevoli Interpellant b’mod privat jekk jixtieqha.

Servizzi Pubbliku — Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1069 u jgħid kemm huma l-impjegati (a) full time u (b) part time mas-Servizz Pubbliku: (i) Dietician (ii) Occupational Therapist (iii) Physiotherapist (iv) Optometrist (v) Speech and Language Therapist (vi) Chiropodist (vii) Psychologist? F'liema dipartimenti jaħdmu f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ impjegati fil-gradi mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma kif jidhru hawn taħt: Grad Full-Time Part-Time Total Dietician 1 1 2 Occupational Therapist 74 0 74 Physiotherapist 135 1 136 Optometrist 2 0 2 Speech Therapist 62 0 62 Podologist ( fis-Servizz Pubbliku l-grad huwa Podologist u mhux Chiropodist) 25 0 25 Psychologist 11 0 11 Total 310 2 311 L-informazzjoni dwar kif dawn l-impegati huma mqassma fid-dipartimenti tinsab fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #1671 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Restawr ta' djar — Inċentiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' inċentivi li jeżistu fil-preżent biex individwu jitħajjar jakkwista dar storika/ta' valur arkitettoniku mhux tas-soltu u jniedi proġett ta' restawr biex jikkonserva din it-tip ta' proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1676 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' ex-membri parlamentari/ex-ministri u ex-segretarji parlamentari, li ġew appuntati f'bordijiet governattivi jew direttorati f'korporazzjonijiet parastatali jew ambaxxaturi, jew fl-Universita' (kunsill/senat/amministrazzjoni)? Jirċievu kumpens finanzjarju tal-kariga? Kemm huwa f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent m’hemm ebda ex-membru parlamentari jew ex-ministru jew ex-segretarju parlamentari li jservi fuq bordijiet li jaqgħu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fir-rigward tal-parti l-oħra ta’ l-informazzjoni mitluba, nitlob lill-Onorevoli Interpellant tpoġġi l-mistoqsija lill-Ministri rispettivi.
Leg 11 PQ #1681 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi mill-UE lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kunsilli lokali li rċevew fondi jew xi għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea? Għalfejn intużaw dawn il-fondi? Kemm kienu l-ammonti? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li t-talba tagħhom għall-fondi għadha ma ntlaqgħetx? Hemm kunsilli lokali li qatt ma applikaw għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Liema huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1742 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Għawdxin li jaħdmu Malta

Question

B'riferenza għall-ordni mogħtija mill-forzi armati ta' Malta lill-membri tagħha Għawdxin li jaħdmu Malta dwar ħinijiet tax-xogħol, jista' l-Prim Ministru jgħid għall-liema raġuni ġiet mogħtija din l-ordni li biddlet l-arranġament li kien hemm qabel fejn ħaddiema Għawdxin kuljum setgħu jaslu ftit tard għax-xogħol u jitilqu ftit kmieni minħabba l-vapur? Jaf li dan it-tibdil se joħloq inkonvenjent kbir lill-ħaddiema Għawdxin li ta' kull filgħodu jiġu għax-xogħol Malta u jmorru lura lejn Għawdex u dan meta dawn lanqas jiġu provduti bi transport mill-forzi armati u ħafna jkollhom jaqbdu żewġ karozzi tal-linja biex ikunu fuq il-post tax-xogħol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-arranġamenti li għandha l-Armata fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol fejn jidħlu suldati Għawdxin huma ugwali għal dawk li għandhom l-impjegati kollha fis-Servizz Pubbliku. Dawn l-arranġamenti huma regolati b’paragrafu 3.1.1.10 tal-Public Service Management Code.
Leg 11 PQ #1762 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

In-Nazzjon — Editur/Agent Editur

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni reġistrati bħala editur jew aġent editur tal-gazzetta "In-Nazzjon" mill-1 ta' Lulju, 1970 'l hawn u l-perijodu li damu f'din il-kariga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.