Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fl-Isptar Mater Dei matul l-ewwel tmien xhur tas-sena 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sal-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena l-ispiża mħallsa għall-manutenzjoni varja ta’ l-Isptar Mater Dei kienet kif ġej: € Spare Parts 483,301.67 Repair & Upkeep 588,596.55 Maintenance Vehicles 67,669.85 Facilities Management 3,534,001.91 Maintenance Medical Equipment 1,318,392.41 Total 5,991,962.39

applikazzjoni biex anzjan jattendi ċentru

Question

Jista' l-Ministru jara li titmexxa l-applikazzjoni ta' anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu nieqes mid-dawl u meta mar japplika biex jibda jmur iċ-ċentru, qalulu li diffiċli ħafna peress li hemm waiting list twila?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità għandu taħt ir-responsabbiltà tiegħu 18 il-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’diversi lokalitajiet u activity centre li jinsab fir-Residenza ta’ San Vinċenz. Fl-ebda wieħed minnhom ma saret talba mill-anzjan imsemmi f’din il-mistoqsija parlamentari biex jidħol membru fihom.

Benefiċċju tal-Kartuna s-Safra

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fost il-persuni li għandhom il-benefiċċju tal-Kartuna s-Safra bħalissa kemm minnhom għandhom 'il fuq minn 61 sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment ma jistax jagħti l-informazzjoni mitluba għar-raġuni li l-età tal-pazjenti mhix inkluża fid-database ta’ Skeda Ħamsa.

Sptar Mater Dei — inpatients

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fost il-persuni li kienu inpatients l-Isptar Mater Dei matul Jannar-Awwissu 2011 kemm minnhom kellhom 'il fuq minn 61 sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont informazzjoni miġbura permezz tal-Admissions Discharges Transfers Module tal-Patient Administration System, bejn Jannar u Awwissu 2011 kien hemm total ta’ 14,560 Inpatient Admission ġewwa l-Isptar Mater Dei fejn il-pazjent/a kellu/ha 61 sena jew iktar. Ta’ min jinnota li din l-istatistika tiddeskrivi biss in-numru ta’inpatient admissions f’ dan il perjodu, li jinkludu inpatient admissions ippjanati, kif ukoll dawk li jsiru bħala emerġenza, u teskludi pazjenti li daħlu l-isptar bħala day case. L-istess persuna tista’ tidħol l-isptar bħala inpatient iktar minn darba fl-istess perjodu.

Sptar Mater Dei — new cases outpatients

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fost il-persuni li kienu new cases outpatients l-Isptar Mater Dei matul Jannar-Awwissu 2011 kemm minnhom kellhom 'il fuq minn 61 sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont informazzjoni miġbura permezz tal-outpatients module tal-Patient Administration System, bejn Jannar u Awwissu 2011 kien hemm total ta’ 119,078 attendenza new case fid-dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Mater Dei. Minn dawn, 40,126 kellhom 61 sena jew iktar. Ta’ min jinnota li din l-istatistika tiddiskrivi n-numru ta’ attendenzi li saru, u mhux in-numru ta’ persuni li attendew l-outpatients bħala new case . L-istess persuna tista’ tattendi iktar minn klinika waħda fl-istess ġurnata, jew tattendi l-istess klinika għal iktar minn darba f’dan it-tul ta’ żmien.

Santa Luċija — Ilmenti rigward ħmieġ fuq il-bejt

Question

Jista' l-Ministru jara l-kaz, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li diġa' ġie mressaq u marru xi nies tas-Sanità jinvestigaw?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dan il-Blokk kienu saru diversi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Direttorat għas- Saħħa Ambjentali, kemm fuq il-bejt u fil-partijiet komuni tal-Blokk, kif ukoll fi flat partikolari fit-18 u id-19 ta’ Awwissu 2011. L-annimali li kienu nstabu, kienu miżmuma fi stat ta’ iġjene sodisfaċenti u ma kienx hemm irwejjaħ jintnu. Il-persuna responsabbli mill-annimali kienet ġiet imwissija biex iżżomm nadif regolarment. Saret spezzjoni oħra fil-Blokk fis-7 ta’ Ottubru 2011 fejn ma nstabx ħmieġ u ma ġewx innotati rwejjaħ jintnu fil-komun. Għar-rigward il-kwistjoni tat-tieqa infurmat li jekk l-imsemmija tieqa tinżammx miftuħa jew magħluqa hija suġġett ta’ litigu ċivili bejn l-inkwilini u għalhekk ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tad-dekasteru tiegħi.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dawn l-aħħar sitt xhur ġew ingaġġati 130 uffiċjal u ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma kien hemm l-ebda persuna li ddikjarat li hija reġistrata mal-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Dizabilità.

Ċimiterju tal-Addolorata — proġetti ta' oqbra ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal dak il-proġett ta' oqbra ġodda li kienu qed jinbnew fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata? Mis-sena 2008 kemm inbnew oqbra ġodda fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-estensjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata tinsab fl-ewwel fażi tagħha, u qed isir tħammil sabiex jitneħħa materjal mhux bżonnjuz. Sal-llum għadu ma bediex ix-xogħol ta’ bini ta’ oqbra ġodda.

Ċimiterju tal-Addolorata — waiting list biex jixtru oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list biex persuni, għaqdiet eċċ jixtru qabar fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata? Kemm kienet l-itwal stennija li xi ħadd kellu jistenna biex jakkwista qabar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti biex jinxtraw oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata huwa ta’ 4,069, u l-aktar data ta’ applikazzjoni li tmur lura hija dik tat-12 ta’ Ottubru, 1991.

Ċimiterju tal-Addolorata — prezz ta' qabar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiswa qabar ġdid fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-prezz ta’ qabar ġdid fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata huwa stabbilit skont Ordni Dwar il-Prezz li għandu jitħallas Għall-Akkwist Ta’ Oqbra u Siti Għal Oqbra, Avviż Legali 97 tal-1974 kif emendat. Għalkemm l-aħħar prezz rivedut huwa ta’ €3,494.06 kif stabbilit fl-Avviż Legali 97 tal-1974, il-prezz reali huwa ta’ €8,000,00 u dan se jkun rifless meta tkun emendata l-liġi relattiva.

Funeral directors — personal sensitive data

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu kontra dawk il-persuni li qed jgħaddu informazzjoni u tagħrif lill-funeral directors u jgħidulhom b'personal sensitive data meta jmut xi ħadd?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma jirrizultax li hemm rapporti li jindikaw li kien hemm xi persuni li għaddew informazzjoni sensitiva lill-funeral directors għaldaqstant, preżentement m’huma qed jittieħdu l-ebda passi.

Privatizzazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur iċ-Ċimiterju tal-Addolorata isir privat u/jew taħt fondazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent it-tmexxija taċ-Ċimterju ta’ Santa Marija Addolorata hija f’idejn il-gvern, iżda qed jiġu kkunsidrati modi oħra ta’ kif għandu jitmexxa dan iċ-Ċimiterju. Dan kollu jiġi mħabbar hekk kif id-dettalji jiġu finalizzati u kull min ikun involut jiġi infurmat meta l-proċess jinbeda.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011 li saru mill-Ministeru, entitajiet u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: Entità Valur (€) Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunitá 281,695.00 Awtorita' tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol 13,777.00 Sptar Monte Karmeli 8,974.00 Dipartiment tal-Anzjani 834.00 Sptar Sir Paul Boffa 10,396.00 Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi 7,386.00

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Below the line account

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien il-below the line account f'kull l-aħħar tax-xahar matul l-2011 fid-dekasteru tiegħu? Jista jgħid kif qed jintużaw l-fondi li qegħdin fil-below the line account?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

dar residenzjali għall-anzjani — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti f'kull dar residenzjali għall-anzjani? Kemm minn dawn l-anzjani huma eligibbli biex jivvotaw? Min huma l-uffiċjali inkarigati f'kull home? X'kienu u x'inhuma l-kriterji li l-uffiċjali inkarigati ġew magħżula biex imexxu dawn id-djar residenzjali u għal kull home?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W 228.

applikazzjoni għal dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, xebba ta' 82 sena li tinsab weħidha u li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha li applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule u minkejja dan iż-żmien kollu ħadd ma kellimha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li din l-anzjana qiegħedha fil-lista ta’ stennija tal-high priority għal Dar tal-Anzjani. L-anzjana ġiet infurmata bid-deċiżjonijiet tal-bord b’żewġ ittri datati l-1 ta’ Marzu 2007 u 11 ta’ Diċembru 2008.

tobba b'sistema teknoloġika imqabbda maċ-entri tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tobba li ma jaħdmux fis-settur pubbliku hux se jkollhom ukoll sistema teknoloġika imqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet pubbliċi biex fost oħrajn ikun evitat duplikazzjoni ta' xogħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa għaddej il-proġett my health record, u l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett issa jinsab fi stadju avanzat. L-iskop prinċipali ta’ dan il-proġett huwa li jagħmel rapporti u riżultati mediċi tal-isptar u ċ-Ċentri tas-Saħħa disponibbli għall-pażjenti u għat-tobba tal-fiduċja tagħhom. B’hekk ikun hemm titjib fil-komunikazzjoni bejn it-tobba u tiġi evitata duplikazzjoni ta’ xogħol. L-ewwel fażi tas-sistema mistennija li titneda pubblikament qabel l-aħħar tas-sena.

żjajjar fid-djar minn tobba fiċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġu aċċettati żjajjar fid-djar minn tobba fiċ-ċentri tas-saħħa? Kemm saru żjajjar, ċentru b'ċentru, fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm hemm tobba f'kull shift f'kull ċentru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

sussidju għal persuna

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi tip ta' sussidju għal xebba li għandha pensjoni ta' €432.62, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ħadet hearing aid mingħand il-gvern u għalkemm għandha l-Karta r-Roża, qalulha li darba biss tista' tieħu s-sussidju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjenta imsemmija fil-mistoqsija parlamentari bidlulha il-hearing aid erba’ darbiet bejn is-sena 2003 u 2010.