Legislature:
Category:
Reset
Active:

trasferiment causa mortis

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ir-revenue mit-trasferiment causa mortis għas-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-revenue mit-trasferiment causa mortis għas-snin 2009, 2010 u 2011 kien kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

taxxa miġbura mill qliegħ kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret taxxa ta' Qliegħ Kapitali, capital gains final withholding bir-rata ta' 12 % u taxxa ta' Qliegħ Kapitali provisorja bir-rata ta' 7% fis sena 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li t-taxxa ta’ Qliegħ Kapitali miġbura matul is-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 kien kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gozo Channel — impjegati biċ-ċertifikat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li dawk kollha li jaħdmu mal-Gozo Channel bħall-baħħara u kaptani huma kollha biċ-ċertifikati li jistgħu jaħdmu mal-Gozo Channel?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha impjegati mal-Gozo Channel abbord il-vapuri jissodisfaw ir-rekwiżiti kif stabbiliti mill-awtorita kompetenti.

ARMS Ltd — kont

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31391, peress li għadda ż-żmien minn meta l-Ministru qal li l-ARMS Ltd kienet se tikkomunika mal-klijent u għadu ħadd ma kkuntatjah, jista' l-Ministru jara l-każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kuntatt mal-konsumatur diġà sar fl-aħħar ta’ Jannar. Stħarriġ ulterjuri huwa meħtieġ sabiex jissolva l-każ. Għaldaqstant, il-konsumatur għandu jerġa jiġi kkuntattjat min-naħa ta’ ARMS Ltd. aktar 'il quddiem.

Enemalat — kwestjoni dwar disturbance allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus (f'Ewro) li ngħata lill-inġinier Għawdxi mal-Korporazzjoni Enemalta bi ħlas għall-disturbance allowance b'lura peress li s-superjur tiegħu kienet qed tieħu din l-allowance u huwa ma kienx qed jingħata din id-disturbance allowance? Jista' jikkonferma jekk dan kienx out of court settlement u jekk hux minnu li dan is-settlement ġie awtorizzat mic-chief human resources innifsu? Jista' jgħid skont fuq liema kodiċi ta' etika mexa l-management tal-korporazzjoni meta ħallas dan l-out of court settlement?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qatt ma provdiet ħlas għall-disturbance allowance lill-inġinier Għawdxi b’lura peress li s-superjur tiegħu kienet qed tieħu l-istess allowance. Il-Korporazzjoni Enemalta provdiet ħlas ta’ on call allowance lill-inġieniera Għawdxin. Dan għamlitu skont is-sentenza tal-Qorti, fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) moghtija mill-Magistrat, Dr. Anthony Ellul fis-seduta ta’ l-24 ta’ Lulju, 2009 fejn il-qorti iddecidiet li l-Korporazzjoni Enemalta ghandha thallas l-On Call allowance skont ir-rati ta’ hlas hekk kif stipulat fil-Ftehim Kollettiv, bl-ispejjes b’kollox. Il-Korporazzjoni Enemalta appellat din is-sentenza, izda l-Qorti ta’ l-Appell fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2010 ikonfermat is-sentenza.

Enemalta — sejħa għal chief human resources officer

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li deher fil-gazzetti u r-rekwiżiti li ntalbu għall-pożizzjoni ta' chief human resources officer mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li ċ-chief human resources officer li għadu jservi f'din il-kariga għandux degree jew ċertifikati tal-O levels u A levels? Jekk ghandu, jista' jgħid x'Masters u Mil-liema università ġiet mogħtija? Rigward din il-Masters jista' jgħid jekk id-dipartiment tal-MQRIC fiż-żmien li saret din il-call kienx jirrikonoxxi din il-masters?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

San Ġwann — Triq S. Zarb - tibdil ta' kanen

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħmel ix-xogħol li kellu jsir tat-tibdil tal-kanen tal-ilma fi Triq S. Zarb f'San Ġwann kif ikkonfermaw lir-residenti li kien meħtieg li jsir?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma m’ għandhiex bżonn tibdel il-kanen tal-ilma fit-triq imsemmija. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni m’ għandha l-ebda rapporti ta’ problemi dwar ilma tax-xorb f’din it-triq. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ speċifiku, il-Korporazzjoni tkun tista’ tinvestiga dan.

Pagamenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni, familji u negozji li matul s-sena l-oħra waqgħu lura fil-pagamenti dovuti għall-konsum tad-dawl u l-ilma? Kemm jammontaw f'ċifra totali ta' flus dawn il-pendenzi fil-kontijiet rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

ħaddiema fis-settur tas-servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-servizzi diretti ta’ intermedjazzjoni finanzjarja f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011? Kemm minnhom kienu fis-settur pubbliku? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minnhom kienu self-employed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra News Release 044/2012 li l-NSO ħarġet fit-2 ta’ Marzu 2012.

National Insurance — ħlasijiet ta' arretrati dovuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2011 kemm kien in-numru ta' kumpaniji jew persuni li ffirmaw ftehim dwar il-ħlasijiet ta' arretrati dovuti fil-każ tan-national insurance?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kunpanniji jew persuni li ffirmaw ftehim dwar ħlasijiet ta’ arrettrati dovuti fuq it-taxxa tagħhom matul l-2011 kien ta’ 3,236. Kien hemm ukoll 2,528 employer li iffirmaw ftehim dwar ħlasijiet dovuti a saldu ta’ taxxa u kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-ħaddiema tagħhom.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — tnaqqis mill-budget

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32235, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat, skont kif elenkat u provdut fil-line items tal-estimi li jitqassam mad-diskors tal-budget, taċ-ċifri globali ppreżentati fl-imsemmija tweġiba?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Investiment barrani

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31811 fejn irreferieni għal News Release 33/2012 li l-NSO ħarġet fis-16 ta’ Frar 2012; peress li l-NSO Press Release li rreferini għaliha ma tagħtix l-informazzjoni li jiena tlabt għal Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb għal dak li tlabt jien u cioè jgħid kemm kien l-ammont totali ta’ investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Diċembru 2010, fl-aħħar ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-aħħar ċifri li għandna jirreferu għal Ġunju 2011. L-investiment barrani għal Ġunju 2011 f’entitajiet li għandhom l-indirizz tagħhom f’Malta kien ta’ €12,380 miljun, filwaqt li għal dawk l-entitajiet li għandom l-indirizz tagħhom f’Għawdex, l-investiment barrani kien jammonta għal €6 miljuni. L-istess informazzjoni għall-aħħar ta’ Diċembru 2010 kienu €12,505 miljun u €3 miljun rispettivament. Hija importanti li wieħed jinnota li dawn iċ-ċifri huma proviżorji u perjodikament ikunu aġġornati.

intrapriżi li ngħataw għajnuna mill-Malta Enterprise

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f’Għawdex separatament li ngħataw għajnuna mill-Malta Enterprise kull sena mill-1999 sal-2011 biex iwettqu attività ta’: a) innovazzjoni teknoloġika; b) innovazzjoni mhix teknoloġika; u ċ) innovazzjoni sew teknoloġika kif ukoll innovazzjoni mhix teknoloġika? Jista’ jgħid kemm kienet tammonta l-għajnuna li ngħatat f’kull każ? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-kumpanija għadhom joperaw illum? Kemm suppost qed iħaddmu nies illum u kemm fil-fatt qed iħaddmu? Jista’ jagħti dan it-tagħrif kollu għal Malta u għal Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-iskemi li kienu fis-seħħ qabel l-2009 kienu jaqgħu taħt il-Business Promotion Act, u għaldaqstant kienu ta’ natura aktar wiesgħa u jkopru kull tip ta’ investiment li jsir fil-qasam tal-manifattura, inkluż iżda mhux ristrett għall-investiment li jsir fuq proġetti ta’ innovazzjoni kemm teknoloġika kif ukoll mhux teknoloġika. Meta daħal fis-seħħ il- Malta Enterprise Act setgħu jinħarġu ukoll skemi iktar speċifiċi fosthom biex iħeġġu aktar innovazzjoni mill-kumpaniji li joperaw f’Malta. Fost dawn, hemm l-iskema tal-Innovazzjoni ko-finanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), li għaliha bħalissa hemm sejħa miftuħa. Ir-riżultati tas-sejħiet preċedenti, li fihom kien hemm mas-60 kumpanija li bbenefikaw minn kważi €4.4 miljuni, huma pubbliċi u jinsabu ukoll fuq is-sit www.20millionforindustry.com. Minn dawn, mas-seba’ kumpaniji kienu minn Għawdex. Għall-informazzjoni dwar l-impjiegi ta’ dawn il-kumpaniji nitlob lill-Onorevoli Interpellant jistaqsi lill-entità responsabbli mill-impjiegi. Ta’ min jgħid ukoll li minbarra l-iskema dwar l-Innovazzjoni il-Malta Enterprise tħaddem ukoll għadd ta’ skemi biex tħeġġeġ ir-riċerka u żvilupp, li ukoll jistgħu jitqiesu li qed iħeġġu lill-kumpaniji li joperaw f’pajjiżna jkunu aktar innovattivi. Fost oħrajn dawn jinkludu skema oħra ko-finanzjata mill-ERDF din id-darba mmirata għar-Riċerka u Żvilupp, l-iskema li tgħin lill-kumpaniji jieħdu sehem fi proġetti fil-qafas tan-network EUREKA u l-programm Eurostars, kif ukoll krediti ta’ taxxa għall-investiment li jsir fuq riċerka u żvilupp.

każ ta' kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jintbagħat il-kont tad-dawl u ilma lill-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li ilu ma jirċevih mis-sajf?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Family Friendly measures

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31881 u cioè: B’referenza għat-tweġiba li kien ta xi xhur ilu għall-mistoqsija parlamentari 25673, jista' l-Ministru jagħti kif kien mitlub fiha, it-tweġiba għall-mistoqsija (b), jiġifieri l-breakdown ta’ kemm kienu (dakinhar li ta t-tweġiba) l-ħaddiema fid-dipartimenti li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kienu qegħdin jibbenefikaw minn dawk il-miżuri msemmijin f’(a)? Dan qed jintalab għax huwa biss mill-Ministri ma kienx ta dan it-tagħrif mitlub.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

xogħol mogħti lil kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista kollha ta' toroq u xogħlijiet oħra li ngħataw lill-kumpaniji li isimhom qed jintbagħtu separatament mill-2003 sal-lum? Jista' jagħti l-valur li kien stmat li se jkun ix-xogħol u kemm fil-fatt tħallas finalment? F' kull każ, jista' jispeċifika jekk kenitx tender jew d irect order ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati self employed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — skali tal-coordinators

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-tmien coordinators li hemm fil-Korporazzjoni Enemalta, sebgħa huma fi skala ħamsa u wieħed hi fi skala sebgħa meta dawn għandhom l-istess grad ta' responsabbiltajiet u riedu l-istess livell akkademiku għal kull coordinator?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-present il-Korporazzjoni Enemalta m’għandha lil ħadd fi skala sebgħa bin-nomenklatura ta’ coordinator.

Sargas — feasability study fuq il-proposta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx feasability study fuq il-proposta ta' Sargas wara li din il-kumpanija għamlet preżentazzjoni pubblika f'Novembru tas-sena l-oħra fejn uriet li kienet lesta li tibni impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku li juża t-teknoloġija Carbon Capture Storage? Jista' jagħti rapport tal-eżitu ta' dan l-istadju ta' fattibilità jekk fil-fatt sarx?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ikkummisjona lill-KPMG biex tagħmel studju dwar din il-proposta. Dan l-istudju għadu għaddej.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq hospitality

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31626, 31505, 31160, 30944 u 30624 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-hospitality għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.